Kumplimenti lill-Ministru Herrera mill-Oppożizzjoni fl-ewwel 'test ambjentali'
Ftit tal-ħin ilu fil-Parlament kien hemm sitwazzjoni li mhix daqstant komuni u dan hekk kif membri tal-Oppożizzjoni, fosthom Jason Azzopardi u Marthese Portelli, ikkumplimentaw lill-Ministru għall-Ambjent u Żvilupp Sostenibbli Josè Herrera fl-ewwel 'test ambjentali' tiegħu. Dan sar hekk kif il-Ministru Herrera għamel stqarrija ministerjali li fiha ħabbar li se tiġi ppubblikata l-liġi l-ġdida dwar id-Demanju Pubbliku - liġi li hi favur l-ambjent.Ta' min jgħid li sa issa f'pajjiżna kellna sitwazzjoni fejn il-kosta, qiegħ il-baħar, widien, pjazez u anke bini storiku u żoni ekoloġiċi kienu meqjusa ta' kulħadd skont id-dritt Ruman. Issa l-Parlament se jkun jista' jagħmel reġistrazzjoni ta' dawn il-postijiet u dan biex dawn ikunu protetti aħjar.
Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kif intemmet l-istqarrija qal li, "Irrid nuri sens ta' gratitudni għall-mod ġentlom u korrett li bih imxejt dwar kif għandhom isiru l-affarijiet. Kienet esperjenza sabiħa,” b'referenza għall-mod kif mexa l-Ministru Herrera.
Il-Ministru Herrera fl-istqarrija qal li:
"Nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Mejju se tiġi ppublikata l-liġi l-ġdida dwar id-Demanju Pubbliku. Din hija liġi oħra favur l-ambjent. Huwa pjaċir kbir għalija li flimkien ma’ sħabi l-Membri Parlamentari taż-żewġ naħat tal-Kamra nservi ta’ katalista biex inressaq ‘l quddiem u npoġġi fil-prattika liġijiet ta’ dan it-tip. Lil hinn minn djalettika politika u l-battibekki politiċi dan huwa illegat li aħna l-Parlamentari rridu nħallu u l-wegħda tiegħi lejn din il-Kamra hija li liġijiet bħal dawn fejn nipproteġu dejjem aktar il-wirt ambjentali, ekoloġiku u kulturali ta’ dan il-pajjiż nipproteġuh, insostnuh u ngħadduh lill ta’ warajna. Permezz ta’ dan l-Att se nkunu qed nemendaw id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili li jirrigwardaw il-liġi fuq il-beni, billi jiddefinixxi r-regoli dwar il-perimetru tal-kosta u l-art ta’ mal-plajja, jikklassifika proprjetà li s-sid tagħha hu l-Gvern, jiddefinixxi u jintroduċi regoli dwar il-kunċett ta’ demanju pubbliku u regoli dwar id-dmirijiet ta’ u l-obbligi fuq il-Gvern fl-amministrazzjoni tiegħu ta’ proprjetà fid-demanju pubbliku.
Dan l-Att se jkun qed jirregola wkoll il-proċedura u l-effetti ta’ proprjetà li tiġi kklasfikata bħala demanju pubbliku u oħrajn li jiġu ddeklassifikati fir-rigward tad-demanju pubbliku. Dan l-Att ukoll jintroduċi regoli dwar ir-reġistrazzjoni ta’ proprjetà fid-demanju pubbliku u jindirizza l-impatt tal-emendi fuq drittijiet privati u fuq liġijiet oħra li jirrigwardaw il-kultura jew l-ambjent, jew fuq liġijiet oħra speċjali eżistenti li jaffettwaw proprjetà tal-Gvern. Din il-liġi tfasslet sabiex tirregola aħjar dak li jissejjaħ il-liġi amministrattiva tal-propjetà, kemm jekk hija propjeta immobbli tal-Gvern u anka jekk huma drittijiet privati.
Ttradizzjonalment u skont id-dritt Ruman din il-proprjetà pubblika kienet kunsidrata aċċessibli għal kulħadd u li kienet extra commercium – li tfisser li ma tistax tiġi kkumerċjalizzata. Li jfisser illi żoni fil-pajjiż li kienu extra commercium ma setgħu jappartjenu lill ħadd. Din il-propjeta kienet tinkludi xatt il-baħar, qiegħ tal-baħar, il-bajjiet pubbliċi, it-toroq u l-pjazzez, kif ukoll propjetà mhux biss ta’ wirt storiku bħall-fortifikazzjonijiet, imma anka dawk ta’ valur ambjentali u ekoloġiku. Sa qabel din il-liġi, dawn l-affarijiet kienu regolati b’mod spezzettat u ġurisprudenzi fuq is-suġġett kienet limitata ħafna.
Minkejja il-fatt li ċerti prinċipji ġew affermati persistentament mill-Qrati tagħna l-Gvern ftit li xejn seta jikkonċedi drittijiet reali fuq l-ixtut u l-ibħra interni tagħna. M'hemmx definizzjoni ċara ta fhiex tikkonsisti l-kosta. Kien għalhekk il-bżonn li jkun hemm liġi fil-pjan holistiku dwar is-suġġett.
Il-Gvern preċedenti kien ħareġ White Paper fuq is-suġġett imma ma kellux ħin biżżejjed biex din il-White Paper jittrasformaha f’liġi, kif qed nagħmlu llum. Dan il-Gvern bena fuq din il-White paper u llum flimkien mal-Oppożizzjoni qed nippresentaw Att ħolistiku fuq tema daqsekk importanti u vitali għall-ambjent ta’ pajjiżna. L-Oppożizzjoni ukoll kellha għal qalba dan is-suġġett u għalhekk kien grazzi għal kunsens taż-żewġ naħat tal-Kamra biex b’mod mill-aktar spedit u efikaċi nkunu nistgħu nresqu ‘l quddiem fil-preżentazzjoni ta’ dan l-Att.
llum b’din il-liġi qed naffermaw illi bħala stat ta’ fatt il-kosta hija dominju pubbliku. Qed nagħtu wkoll id-dritt lill-Parlament li jiklassifika aktar siti bħala demanju pubbliku. Fl-istess ħin qed inżommu bilanċ billi nippermettu proċedura quddiem il-Parlament biex b’mod regolat siti fuq il-kosta u l-ibħra jistgħu jkunu diklassifikati meta jkun neċċesarju. Bis-saħħa ta’ dan l-Att, il-Parlament issa se jingħata dritt li jikklassifika ċertu siti oħra mhux neċċesarjament mal-Kosta. Il-liġi tidħol ukoll fuq jeddijiet privati diġa eżistenti. Bħala suppożizjoni l-beni tal-Gvern huma propjeta pubblika u beni li huma fid-demanju pubbliku huma tal-Gvern sakemm ma jkunux ta’ sidien privati. Il-beni kollha fid-demanju pubbliku, għandhom jitqiesu bħala propjeta fid-demanju pubbliku bis-saħħa ta’ dan l-Att u mingħajr il-bżonn ta’ ebda reġistrazzjoni, dikjarazzjoni u jew formalità oħra. L-Awtorita għall-Ippjanar tal-Iżvilupp qed tiġi inkarigata biex kull sena tħejji rapport fejn tindika dawk is-siti li jew ġew proposti mill-Ministru responsabbli għall-artijiet, jew mill-Membri Parlamentari jew ENGOs biex jiġu ddikjarati bħala demanju pubbliku.
Dan ir-rapport għandu jitqiegħed għall-attenzjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Ambjent u l-Iżvilupp għall-kunsiderazzjoni tiegħu, li mbgħad jerġa jintbgħat lill-Ministru responsabbli mill-artijiet sabiex jippreżenta resoluzzjoni dwar id-demanju pubbliku lid-Deputati. F’termini ambjentali din il-liġi se tagħti aktar saħħa legali u rikonoximent lill propjeta li taqa’ fil-vesti ta’ demanju pubbliku. Fuq il-Gvern din il-liġi se tpoġġi standards għola ta’ governanza tajba għax dak kollu li hu propjetà pubblika, b’mod partikolari id-demanju pubbliku, ser ikun reġistrat."
minn l-orizzont
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home