Ir-rimi ta' siringi użati... 'possibilità li jingħataw kontenituri'
Rapport fl-ORIZZONT dwar siringi li qed jintremew f'post pubbliku minħabba li persuni bil-vizzju tad-droga qed jibżgħu jirritornawhom billi jistgħu jittieħdu passi kontrihom, qajjem reazzjoni minn diversi persuni. Kienu diversi t-telefonati li daħlu għandna jirrappurtaw postijiet li fihom qed ikun hemm siringi użati mormijin. Il-lokalitajiet ivarjaw minn żoni fil-Belt, għall-Ħamrun u l-Furjana fost oħrajn. B'mod mhux uffiċjali, persuni midħla tas-saħħa pubblika stqarrew magħna li hemm bżonn li din il-materja tiġi trattata.B'mod uffiċjali, il-Ministeru tas-Saħħa qalilna li hemm diskussjonijiet biex tinstab soluzzjoni. Jidher li waħda mis-soluzzjonijiet tista' tkun dik li min imur għal siringa ġdida jingħata kontenitur biex fih ipoġġi siringi użati.
Il-Ministeru tas-Saħħa, meta wieġeb mistoqsijiet li bgħatnilu, qalilna li, "Id-Dipartiment tas-Saħħa qiegħed jiddiskuti mal-entitajiet governativi involuti dwar l-aħjar mezz kif jindirizza din il-problema. Fil-preżent jeżisti servizz mingħajr ħlas fi ħdan il-Wasteservmalta Ltd, fejn individwu jista’ jmur f’waħda mis-‘Civic Amenity Sites’ madwar Malta u Għawdex biex jiġi pprovdut b’kontenitur vojt tal-plastik (‘Sharps Container’) għar-rimi ta’ labar użati. Wara dan jista’ wkoll jiġi rritornat mimli. Qegħdin naraw il-possibbilità li dawn il-kontenituri jiġu pprovduti flimkien mas-siringi ġodda biex b’hekk jiżdied l-użu tagħhom."
Irid jingħad li f'temp ta' xahrejn, bejn Settembru u Ottubru tas-sena li għaddiet, il-Pulizija rċeviet xejn inqas minn 15-il rapport dwar siringi mitluqin fl-art fit-triq. Bi tweġiba għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela spjega fil-Parlament kif dawn is-siringi l-ewwel jiġu elevati mill-Pulizija, biex imbagħad wara jiġu mgħoddija liċ-Ċentru tas-Saħħa tal-lokal biex jiġu distrutti. Żied jgħid li l-Pulizija tkompli tissorvelja ż-żona fejn jinstabu s-siringi biex telimina kull abbuż ta' droga.
Persuna li xhur ilu kienet bil-vizzju tad-droga meta kienet tkellmet magħna qaltilna li, "Jekk tieħu siringa biex tiddisponi minnha għand l-awtoritajiet tkun qed tirriskja. Ir-riskju hu li dik is-siringa tittieħed mill-Pulizja u jagħmlu l-analiżi fuqha biex jaraw xi traċċi fiha. Dik l-istess siringa mbagħad tintuża kontrik. Minħabba dan ħafna jintremew barra."
Anthony Gatt f'isem il-Caritas kien qalilna li, "Ix-xewqa tal-Caritas dejjem kienet li jkun hemm programm ta' bdil ta' siringi. B'dan qed nifhmu li jkun hemm postijiet fejn dak li jkun imur bis-siringa użata jiddisponi minnha u jingħata oħra ġdida. B'dan il-mod tkun qed tneħħi r-riskju li siringi użata jispiċċaw mormijin f'postijiet pubbliċi.
"Din is-sistema fiha vantaġġ ieħor, jiġifieri li jkun hemm kuntatt bejn dawk li jkunu fil-post fejn jiġu ritornati s-siringi u dawk li jkun fil-problema tad-droga. Bħalissa f'Malta is-sitwazzjoni hi dik li s-siringi jingħataw b'xejn iżda m'hawnx dan il-bdil ta' siringi. Għandna sitwazzjoni li jekk Pulizija taqbad individwu fil-pussess ta' siringi bid-droga tieħu passi kontrih. Is-siringa tista' tintuża bħala prova kontra dak l-individwu. Issa trid tqis li min ikun qed jieħu d-droga ma jkunx qed jirrispetta lilu nnifsu u allura mhux se jirrispetta lill-oħrajn. Forsi wasal iż-żmien li tiġi mtejba s-sistema."
Min-naħa tiegħu, Charles Miceli, li kien jaħdem mill-qrib ma' persuni bil-vizzju tad-droga, enfasizzalna li, "Forsi tajjeb li l-Pulizija jagħmluha ċara li mhux se jieħdu passi kontra min jinqabad b’labra użata. Naħseb tkun idea tajba kieku dawk li huma f’kuntatt ma’ dawk li jużaw il-labra, bħad-Detox u l-aġenziji, jenfasizzaw il-perikli tar-rimi barra tas-siringi mal-klijenti. Forsi ta’ min jibda kampanja wkoll biex iċ-ċittadini, speċjalment it-tfal iż-żgħar, jiġu mgħallmin biex ma jmissux labar mill-art."
minn l-orizzont
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home