Friday, September 9, 2016

Tenishia: Birdlife dejjaqtu lil kulħadd;

FKNK: Kontroversja bla bżonn


    Id-DJ ta' Tenishia Joven Grech, wieġeb għall-kritika u sejħiet minn Birdlife biex jitwaqqaf rave party li kien qed isir il-Buskett, liema party għalih jattendu għadd kbir ta' żgħażagħ Maltin u barranin. L-organizzaturi tal-party, Glitch, kienu ddeskrivewh bħala avventura fuq jumejn fejn għalih kien hemm għadd ta' DJs barranin.

Joven Grech iddikjara li  "lil Birdlife ngħidilha li dawn diġà kellkom kwistjoni miegħi fuqha u tilfuha għax l-attività saret xorta sar! Dejjaqtu lil kulħadd. Diġà ma tista' tagħmel l-ebda attività fl-ebda bajja f'Malta, trid tgħaddi 'il bogħod mil-irdum b'xi party fuq dgħajsa u waqqaftu attività li kien iħobb kulħadd darba f'sena f'Paradise Bay. Jien l-ewwel wieħed favur li nibżgħu għall-ambjent u l-annimali imma f'din il-gżira jgħixu ukoll in-nies li  għandhom delizzji u jafu jieħdu pjaċir. Għixu ħajjitkom. Dejjaqtu lil kulħadd".


Sadanittant il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK), Lino Farrugia ddeskriva l-kontroversja dwar il-party fil-Buskett bħala 'kontroversja bla bżonn".

Il-Federazzjoni qalet li "d-drittijiet, il-privileġġi u l-interessi legali tal-minoranzi għandhom dejjem jiġu rispettati, inkluz ta dawk in-nies li kienu qed igawdu l-mużika waqt il-'Glitch Festival' fil-Buskett nhar l-Erbgħa filgħaxija. B'din l-għajta favur id-drittijiet tal-minoranzi, s-sena l-oħra, l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), li tirrappreżenta l-maġġoranza assoluta tal-kaċċaturi u n-nassaba fil-gżejjer Maltin kient rebħet l-ewwel referendum abrograttiv li qatt sar f'Malta. Għaldaqstant, il-FKNK tiddissassoċja ruħa mill-appell li sar permez ta' stqarriji għall-istampa minn ċertu għaqdiet, sabiex jieqaf il-'Festival', għax dan seta’ jiddisturba qatgħa ta' astuni suwed (Milvus migrans) li nsertaw qed ipassu u forsi setgħu jistrieħu għal lejl ġewwa l-Buskett."

Qalet li "l-FKNK, b'differenza minn għaqdiet oħra, temmen li barra l-abjad u l-iswed jeżisti l-kulur griż. Ma taqbilx li inċident iżolat għandu jservi ta' preċedent biex immorru fl-oppost u nibdew nappellaw biex nabolixxu dik u l-oħra. Il-FKNK tifhem li s-sens kommun għandu jirrenja fuq dan kollu. Għalhekk huwa ukoll ħazin, li ċertu rapportaġġ li sar f'xi sezzjoni tal-midja ġġeneraliżat u qalet li l-kaċċaturi kollha qed jaqblu mall-istqarriji relatati li saru minn għaqdiet oħra."


Sadanittant, il-FKNK hija infurmata li l-astuni filfatt xorta qattgħu l-lejl il-Buskett u komplew il-migrazzjoni tagħhom trankwillament l-għada filgħodu.

Min-naħa tiegħu, il-kaċċatur Jeremy Portelli, f'kummenti lil inewsmalta.com qalilna li "minkejja li l-poplu ta risposta fir-referendum b'mandat kontra Birdlife. F'dan il-pajjiż ċkejken il-poplu għażel it-tolleranza. Jiddispjaċini ngħid li fl-opinjoni tiegħi għad hawn min għadu fl-estremiżmu. Ma nafx kif hawn min qed jgħid li bil-mużika - xi ħaġa li l-bniedem jieħu pjaċir fil-mistrieħ tiegħu - kif din se taffettwa l-għasafar. F'dan iż-żmien dawn ikunu qed ipassu u ma jkunux bil-bejta".


0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home