Wednesday, October 19, 2016

“Il-karba taż-żgħir qed tinstema … l-ewwel pass u nħarsu lejh b'kawtela” 

           - Leonid McKay Direttur tal-Caritas


Hekk kif f'dan il-baġit kellu sehem importanti l-istudju li wettqet il-Caritas dwar dawk li jinsabu f'riskju ta' faqar, id-Direttur tal-Caritas, Leonid McKay meta mitlub jagħti r-reazzjoni tiegħu lil Inewsmalta qalilna li "b'mod ġenerali ngħid li l-karba taż-żgħir qed tinstema'.  Dan imma hu l-ewwel pass u qed inħarsu lejh b'kawtela.  Qed ngħidu li qed inħarsu lejh b'kawtela għax l-effetti tiegħu żgur li mhux se jkunu immedjati u wieħed irid jara x'se jiġri fil-prezzijiet tal-ikel u l-kirjiet".  Tenna li "aħna minn naħa tagħna kuntenti ħafna li kien hemm bidla fl-atittudni u kien hemm bidla fil-pożittiv.  Qabel konna qed nisimgħu fuq l-abbużi fil-benefiċċji  u issa qed naraw it-tisħiħ tal-benefiċċji. Apprezzajna ħafna  li l-Ministru semma' l-faqar x'inhu, fejn ġew elenkati erba' kawżi.  It-titlu wera biċ-ċar li l-Gvern jemmen li għandu jintervjeni biex jgħin lil dawk fqar.  Il-Gvern qed jemmen li t-tkabbir ekonomiku waħdu mhux biżżejjed għal dawn in-nies u jrid jintervjeni."
Enfasizza li l-mekkaniżmu li jistabbilixxi iż-żieda għall-għoli tal-ħajja magħrufa bħala COLA, ma jirriflettix il-bżonnijiet ta' llum. Hu qalilna li laqgħu b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Gvern li jirrevedi l-fuq l-aġġustament għall-għoli tal-ħajja. 
Leonic Mckay qalilna ukoll li "xi ħaġa li laqtitna kienet ir-riforma tal-pensjoni tal-wens, fejn issa persuni miżżewġin ukoll huma intitolati għall-benefiċċji. Bħala Caritas xtaqna li jkun hemm żieda fil-paga minima imma l-Gvern żied l-allowances.  Bħala Caritas nemmnu li aktar ma jkun hemm flus fil-but għal dawk bi dħul baxx, dawn ikollhom aktar dħul diċenti."
Saħaq ukoll li "jidher li fil-pensjonanti hemm bozza ħamra tixgħel u li dawn għandhom bżonn żieda akbar.  Nibqgħu insostnu li l-anzjani għandhom bżonn basket għalihom."
Leonid McKay saħaq li "nikkritikaw i-fatt li ma smajna xejn fuq l-ikel u din hi spiża sostanzjali għal persuni bi dħul baxx. Naturalment dan hu baġit li fuqu l-gvern irid ikompli jibni". Hu kkritika ukoll il-fatt li se jogħlew it-toiletries.
Kompla jgħid li "jidher li l-karba taż-żgħir qed tinstema'.  Id-dokument tagħna jidher li kellu effett u bħala Caritas sodisfatti imma kawti."
Meta mistoqsi jikkummenta fuq dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil li dan il-baġit ifalli mit-test tal-faqar, McKay qalilna li "mhux se nidħol f'dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni. Il-pożizzjoni tagħna hi li dan kien pass 'l quddiem u kemm fil-baġit u anke wara dawk bi dħul baxx kienu fuq l-aġenda."

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home