Wednesday, October 19, 2016

Il-mod kif ħafna appoġġjaw lil Alex juri li l-pajjiż mexa 'l quddiem 
          - il-Ministru Helena Dalli 

"Alex Caruana hu attiv ħafna fis-soċjetà ċivili u minħabba li hu transesswali minflok attakkawh bl-argument attakkawh bil-passat. Dan inkluż permezz tal-pubblikazzjoni ta' ritratti antiki. Ftit snin ilu konna nistennew li dawn l-attakki jiġu injorati, llum il-mentalità nbidlet u kienu ħafna li qabżu għal Alex. Din l-attitudni tagħti sens ta' tama li dan i-pajjiż qed jimxi 'l quddiem."
Dan iddikjaratu l-Ministru Helena Dalli fil-Parlament. Il-każ dwar l-attakk fuq Alex Caruana kellu l-bidu tiegħu meta l-Viċi President tal-Għaqda, Stephen Florian, li hu lekċerer part tajm fl-università xerred ritratti ta' Alex Caruana fuq is-sit soċjali tiegħu u għamel enfasi li jirreferi għalih bħala tfajla li tagħżel li ssejjaħ lilha nnifisha b'isem maskil.
Dan ħeġġeġ għadd ta' membri tal-għaqda biex ikomplu jikkontribwixxu bil-kummenti dispreġġjattivi tagħhom fil-konfront ta' Alex. Fir-reazzjoni tiegħu għal dan l-attakk, Caruana qal li dawn in-nies li jsejħu lilhom infushom patrijotti qed jinsulentawh sempliċiment għax huwa trans u dan juri li m'għandhom ebda argument validu x'jagħmlu. Kien hemm baraxx ta' għaqdiet u persuni li pubblikament urew is-solidarjetà ma' Alex Caruana u l-mod kif spiċċa vittma ta' attakk feroċi fuq il-ħajja privata tiegħu, sempliċiment għax esprima nuqqas ta' qbil mal-opinjoni ta' grupp li ma jridx jaċċetta l-preżenza ta' Musulmani f'Malta.
Alex Caruana sejjaħ lil persuni minn kull settur tas-soċjetà biex jingħaqdu u jibnu pontijiet ta' rispett u paċi f'dan il-pajjiż biex jieqfu lil nies bħal dawn li qed ixerrdu l-mibegħda. Fi stqarrija l-Università ta’ Malta kienet qalet li fid-dawl tal-avvenimenti riċenti fejn issemma student transgender, l-Università ta’ Malta tenfasizza l-impenn tagħha li tappoġġa u tipproteġi d-diversità u d-drittijiet tal-individwi kollha.
L-Università tiddisassoċja ruħha mingħajr riżervi mill-azzjonijiet kollha, kemm verbali jew f’forma ohra, kif ukoll dawk li jinkoraġġixxu d-diskriminazzjoni u / jew il-mibegħda razzjali kontra kwalunkwe grupp ta’ nies. L-Università tikkjarifika li kuntrarju għal xi rapporti fil-media, l-individwu in kwistjoni, is-Sur Stephen Florian, m’huwiex akkademiku full-time, iżda part-time visiting lecturer. L-Università kienet qalet qed tinvestiga minnufih din il-kwistjoni.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home