Thursday, October 20, 2016

Ma riedx li l-Malti jkun rekwiżit għal xogħol fis-servizz pubbliku!

Fost l-ilmenti li waslu quddiem il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku kien hemm ilment minn persuna li ma titkellimx sew il-lingwa Maltija. Din ilmentat li kienet ġiet dikjarata bħala 'ineleġibbli' li tapplika għal kariga fis-servizz pubbliku u dan minħabba li ma kinitx titkellem u tifhem sew bil-lingwa Maltija. Din il-persuna lmentat li għal dik il-kariga, il-lingwa Maltija kellha titneħħa minn rekwiżit.
Il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku ma qablitx u ddikjarat li għal dik il-kariga li fiha kien se jkun hemm kuntatt man-nies, kellu jkun obbligatorju li min japplika ikkun jaf jitkellem u jifhem sew bil-Malti. Il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku fir-rapport annwali għas-sena 2015 qalet li kellha 32 ilment mill-miktub u li dawn kienu jirreferu għal proċess ta' għażla.
Ħafna mill-ilmenti saru qabel inħareġ ir-riżultat tal-proċess tal-għażla u kienu jirrigwardaw ilmenti fejn il-persuni konċernati ġew deskritti 'ineleġibbli' biex japplikaw għal dik kariga partikolari.
Il-Kummissjoni qalet li minn dawn l-ilmenti kien hemm 2 każi fejn instab li dawk li lmentaw filfatt kienu eleġibbli li japplikaw. Intqal li peress li r-riżultati kienu ġew pubblikati, il-Kummissjoni ordnat lil bord tal-għazla biex jintervista lil dawn l-applikanti fl-iqsar żmien possibbli u biex imbagħad jissottomettu riżultat rivedut.
F'wieħed mill-ilmenti, kien minħabba l-fatt li waqt intervista tal-bord tal-għażla, il-bord ra li skont il-GP47 tal-applikant, dan kellu salarju akbar mill-post li kien qed japplika għalih. Intqal li meta ċ-Ċerpersin staqsiet lill-applikant hux lest jaħdem b'inqas paga, l-applikant irtira l-applikazzjoni. Ġara iżda li wara l-pubblikazzjoni tar-riżultat sar magħruf li dan l-uffiċjal kien ingħata GP47 form li kellha informazzjoni skorretta dwar l-iskala tal-paga tiegħu.
Minħabba dan in-nuqqas, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku iddeċidiet li dan l-applikant jingħata opportunità oħra. Il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku qalet li l-ilmenti l-oħra instab li verament kienu persuni ineleġibbli li japplikaw.
Wieħed minn dawn l-ilmenti kien minn persuna li ġiet dikjarata ineleġibbli għax ma kinitx titkellem u tifhem sew bil-Malti kif kienet waħda mir-rekwiżiti. L-applikant kien ilmenta li f'dik is-sejħa għal dik il-kariga ma kellux ikun hemm ir-rekwiżit li wieħed ikun jaf jitkellem u jifhem il-lingwa Maltija.
Il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku ikkonfermat li dik il-kariga kien se jkollha kuntatt dirett mal-pubbliku u għalhekk kien obbligatorju li dak li jkun ikun jaf jitkellem u jifhem sew bi-Malti. Il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku qalet li matul is-sena 2015 kien hemm rakkomandazzjoni biex 20 membru tas-servizz pubbliku ikunu sospiżi b'mod temporanju minħabba proċeduri kriminali, żewġ tkeċċijiet u 10 twissijiet ta' tkeċċija.


0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home