Sunday, October 23, 2016





“Tlaqt u lejn Malta aktar ma nersaqx” - Stephen Wyatt, inġinier mill-Istati Uniti


Kellu tamiet kbar għal ħajja f'Malta. Ħaseb li kienet se tkun faċli għalih jgħix hawn, waqt li jkompli bin-negozju tiegħu. Ġie f'pajjiżna f'Jannar tas-sena 2015.  F'inqas minn sentejn wara, kien kostrett jitlaq minn pajjiżna. Spiċċa maqful ġo daru.  Spiċċa jixtri l-ikel bi kwantitajiet biex jevita li jmur b'mod regolari jixtri fil-ħwienet. Spiċċa dejjem f'daru ma joħroġx barra. Ir-raġuni kienet kummenti razzisti minħabba l-kulur tal-ġilda tiegħu. Ironikament dawk li jikkummentawlu jew jgħajruh jaħsbuh Afrikan u jibagħtuh hemm. Fir-realtà hu inġinier mill-Istati Uniti. Ilbieraħ kien l-aħħar jum li Stephen Wyatt ta' 58 sena għamel f'pajjiżna. Illum hu se jkun qed jitlaq minn pajjiżna biex jibda jgħix f'pajjiż ieħor. "Jien se nitlaq u lejn Malta iżjed ma niġix. X'niġi nagħmel biex nesperjenza dawn l-attakki? Se ngħid lil min hu bħali biex 'l hawn ma jiġix", jgħidilna Stephen b'ton irrabjat, wara li mil-lum se jibda jgħix f'pajjiż ieħor Ewropew.
"Dort xejn inqas minn 80 pajjiż madwar id-dinja. Għext ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, il-Ġermanja u anke l-Ungerija. Jiddispjaċini ngħid Malta hi l-aktar pajjiż razzist li għext fih" jikkumment Stephen ma' L-ORIZZONT.

Jitkellem bla tlaqlieq dwar l-esperjenza tiegħu meta kien joħroġ b'mod regolari fit-toroq Maltin. "Kont nara nies jiskantaw lejja. Qishom qed jaraw xi ħaġa ta' barra minn hawn. Imbagħad ikun hemm min jibagħtni lura lejn l-Afrika. Din ma tagħmilx sens għax jien mill-Istati Uniti.  Anki tmur tixtri l-prodotti tal-ikel jew affarijiet oħra żgħar, tispiċċa tisma' kummenti dispreġjattivi fuq il-kulur tal-ġilda jew ir-razza. Biex nevita bdejt nixtri l-prodotti tal-ikel b'ammonti kbar. B'hekk ma jkollhiex għalfejn noqgħod inmur nixtri ta' spiss", jgħid Stephen Wyatt.
Fi kliemu stess "aktar m'għadda żmien mindu beda jgħix hawn, aktar beda jara li s-sitwazzjoni sejra għall-agħar."  
Isemmilna każ fejn kien sar attakk fuqu f'ristorant f'Malta u spiċċa biex anke kellu jagħmel rapport fl-Għassa tal-Fgura. 
Jiddikjara li minħabba dawn l-inċidenti spiċċa litteralment ma jiċċaqlaqx minn daru.  "Jien ippreferejt nibqa' f'dari flok noħroġ. Il-mara li hi mill-Każakstan, tispiċċa toħroġ fi tmiem il-ġimgħa, mingħajri", jgħid Stephen. 
"Rajt nies li kif jarawn jibdew iħarsu. L-espressjoni ta' wiċċhom tinbidel. Tarahom iżommu anke l-basket, donnu għaddielhom xi ħsieb li se neħodulhom. Ngħid li din issir aktar minn persuni anzjani milli miż-żgħażagħ", jenfasizza Stephen.

Residenti f'razzett imdaqqas u modern fl-inħawi tal-Fgura, kienet xena tal-qsim il-qalb l-aħħar mumenti ta' din il-familja, li flimkien ma' binha ta' sentejn, kellhom jitilqu mill-post li ħasbu li jistgħu jgħixu fih b'mod trankwill.
"Hawn min jaħseb li hu superjuri fuq razza oħra. Hawn wisq preġudizzji f'Malta. Irrid inwassal il-messaġġ li Malta għandha reputazzjoni tajba imma meta tiġi hawn min hu bħali isib realtà oħra.Anki fejn kont naħseb li kont se nkun protett, esperjenzajt ir-razziżmu. Irrappurtajt anke l-Għassa tal-Pulizija, imma ma smajt xejn mingħandhom. Din hi l-esperjenza tiegħi. M'għandix għal x'hiex nistħi", jisħaq Stephen Wyatt.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home