'Spekulazzjoni fuq l-Isolation Hospital"…..
…sa issa l-MEPA għadha ma nfurmatx lill-Kunsill
Minkejja l-pressjoni li qed issir minn grupp żgħir ta' residenti fuq proġetti li għandhom jagħtu ħajja ġdida lill-binja storika u abbandunata fl-Imtarfa, il-Kunsill tal-Imtarfa qed jenfasizza li sa issa l-kunsill għadu ma ġiex infurmat mill-MEPA. L-istess kunsill qed isostni li meta jkun infurmat b'dak propost, għax sa issa hemm diversi proposti ta' x'jista' jsir, il-kunsill fiż-żmien stipulat mil-liġi ilaqqa' ir-residenti u jinfurmahom. Jirriżulta li sa issa l-petizzjoni li kienet qed tinġabar kienet ibbażata fuq informazzjoni li għal residenti oħra qed titiqies bħala 'spekulattiva'.
"La għad m'hemmx deċiżjoni finali u li l-kunsill għad irid jirċievi l-informazzjoni, x'sens jagħmel li tiġbor petizzjoni. Jien għalhekk ma ffirmajtx. Fuq kollox hemm binja mitluqa u ta' periklu, u naħseb li hu tajjeb li fl-aħħar din il-binja skedata tibda sservi għal xi skop", qalilna wieħed mir-residenti.
Daniel John Attard, is-Sindku tal-Imtarfa, meta kuntattjat minn L-ORIZZONT, qalilna li "bħala kunsill sa issa għad m'għandniex pożizzjoni. Bħala kunsill qed nistennew lill-MEPA. Nafu li hemm diversi proposti. Suppost għandha ssir faċilità għal anzjani bid-dimensja. Kif niġu kuntattjati mill-MEPA hemm żmien bil-liġi biex nikkonsultaw u nlaqqgħu lir-residenti u hekk se nagħmlu".
Is-sindku informa li għad hemm kollox pendenti għax għad iridu jsiru ħafna studji neċessarji u fil-preżent ma kien hemm ebda garanzija li dan ix-xogħol li qed jissemma' se jsir. Fuq suġġeriment tal-istess Sindku kien hemm qbil unanimu fil-kunsill li meta jasal il-waqt il-kunsill żgur li kellu jieħu pożizzjoni fir-rigward ta' parkeġġ adegwat għall-viżitaturi biex ma jtellfux dak tar-residenti tal-madwar.
Il-kwistjoni tal-Isolation Hospital tmur diversi xhur lura meta l-Gvern kien ħareġ sejħa ta' interess għall-proposti. Kienet intgħażlet il-proposta tal-grupp Malta Healthcare Caterers, li huma sussidjarji ta' Seabank Group. Dan kien ippropona faċilità għall-anzjani li jbatu bid-demensja.
Residenti fil-viċinanzi ilmentaw li dan it-tip ta' proġett mhux kompatibbli maż-żona u li dan kien se joħloqilhom inkonvenjent. Hemm diversi residenti li qed jargumentaw li dan l-iżvilupp se jgħattilhom il-veduta.
minn l-orizzont
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home