Sirjani f'detenzjoni fl-Eġittu - ritratt minn Amnesty |
Ittra ta' immigrant Sirjan…..
Minn dgħajsa għal oħra f'nofs il-Mediterran…
..ittanta xortih lejn l-Italja sitt darbiet
Fl-aħħar jiem smajna bl-istrateġija ġdida tat-traffikanti li bdew jużaw bastimenti kbar ta' 75 metru biex fuqhom jittrasportaw immigranti lejn l-Italja. Traġitti li issa qed jibdew mit-Turkija. Forsi għal min ħaseb li dawn it-traġitti bdew fl-aħħar jiem, is-sitwazzjoni hi li dawn jidher li bdew ġimgħat qabel, b'immigranti fosthom Sirjani jispiċċaw f'nofs il-baħar Mediterran għal diversi jiem. Finalment, it-traffikanti wassluhom fi xtajta li ma kinux jaf fejn hi, ħasbu li kienet l-Ewropa. Fir-realtà kienet l-Eġittu.
Din l-esperjenza, ħarġet minn ittra li inkitbet minn Mohammed is-Sirjan, liema ittra intbagħtet lill-ġurnalist Tom Rollins. Ittra li qed turi li lil hinn minn stejjer ta' immigranti li spiċċaw salvati u finalment fl-Italja jew oħrajn li spiċċaw għerqu, hemm stejjer oħrajn ta' immigranti li għamlu jiem sħaħ fil-baħar Mediterran, abbord diversi dgħajjes. Imwegħdin li l-flus li ħallsu se jwassluhom fid-destinazzjoni li jridu - l-Italja, iżda finalment jispiċċaw f'idejn l-awtoritajiet Eġizzjani. Wieħed minn dawn l-immigranti hu Mohammed is-Sirjan, żagħżugħ li għadu lanqas għalaq 30 sena. Dan bħal dawk l-immigranti li tgħabbew fuq bastimenti kbar, telaq minn Mersin fuq dgħajsa żgħira tas-sajd.
Meta kuntattjat mit-Torċa Tom Rollins, qalilna li Mohammed hu minn post qrib Damasku. Diversi drabi ittanta xortih fil-vjaġġi lejn l-Ewropa iżda qatt ma rnexxew. Ħallas eluf ta' Dollari. Kien spiċċa l-Alġerija, it-Tuneżija, it-Turkija u l-Eġittu u qatt ma rnexxielu jasal l-Ewropa. Familtu ħalliha warajh fis-Sirja. It-tama tiegħu, hi li xi darba jirnexxielu jasal fl-Ewropa. Illum hu jinsab maqbud fl-Eġittu.
Mohammed fl-ittra tiegħu lil Tom Rollins jgħid li "kien fil-21 ta' Ottubru tas-sena li għaddiet, meta beda l-vjaġġ tiegħi. Kienu l-ħamsa ta' wara nofsinhar meta jien irċevejt telefonata mill-broker u hu qalli fejn u fi xħin kelli nmur biex jinbeda l-vjaġġ. Ma tantx kont ħerqan għax din kienet it-tminn darba għalija li ppruvajt nagħmel il-vjaġġ. Mort hemm u qalulna biex noqogħdu fi gruppi ta' tlieta u ħames persuni. Dan biex ma jqumux suspetti mill-awtoritajiet Torok. Mort ma' wieħed jismu Abu Riad biex nixtru xi ħobż u ġobon u xi ftit juice. Ridna li għall-anqas nitrejqu ftit qabel il-vjaġġ u dan minħabba l-ħafna stejjer li smajna ta' persuni li spiċċaw b'ġuħ u għatx kbir. Waqt li konna qed nieklu, ġie raġel li forsi kellu 45 sena u qalilna 'intom Sirjani?'. L-aċċent Għarbi tiegħu ma kienx wieħed tajjeb. Staqsa lil sieħbi ukoll u f'moħħi dak il-ħin bdew għaddejjin ħafna mistoqsijiet. Indunaw bina l-awtoritajiet? Dan xi Pulizija? Se nispiċċa l-ħabs? Imma qabel kelli tweġibiet għal dan hu tawwal idejh li bdiet tirtgħod bl-ammont ta' alkohol li kien xorob. "Dan birra?, staqsiena waqt li pponta subgħajh lejn il-juice. Għedtlu li le u hu qalli li kieku kienet birra kien isejjaħ lill-Pulizija. Tlabtu jingħaqad magħna għall-ikla u tajtu biċċċa ħobż. Hu iżda irrifjuta. Hu reġa' staqsa jekk aħniex Sirjani".
L-ittra tkompli tgħid li "weġibtu u għedtlu li 'jien Sirjan. Għedtlu li anki sieħbi kien Sirjan. Wara li assigura li ma kellniex xorb alkoholiku, hu biddel is-suġġett u offrilna nmorru miegħu f'post fejn kien hemm in-nisa u x-xorb. Għedtlu li jien miżżewweġ u li ma ridtx inmur. Hu qalli "mhemmx inkiwet. Ejja agħti titwila". Jien irrifjutajt u hu qalli "inti Sirjan. Kul u mur orqod". Hu pprova jeħodna x'imkien fejn inkunu nistgħu norqdu. Sieħbi Abu Riad qallu li konna se nmorru norqdu u aħna tlaqna. Morna nistaħbew fil-park u irqadna hemm. Wara sagħtejn ġie raġel li kien magħna u qalilna biex inmorru ġo karozza biex norqdu hemm. Dan għax ix-xufier kien għadu kif fetaħha. Irqadt sas-sagħtejn ta' filgħodu u meta qomt sibt li kien hemm raġel jilmenta li ma jistax jistenna u li mhux se jaċċetta aktar dan it-trattament mit-traffikanti. Hu telaq ħames minuti qabel wasal ix-xufier u martu. Ippruvajna insibuh imma ma irnexxielniex. L-istess immigrant jgħid li ħadu madwar siegħa u nofs sakemm waslu fil-port. Hemmhekk bdew jitilgħu fuq dgħajsa li kienet madwar 10 metri twila. Fuqha kien hemm madwar 60 persuna. Ħriġna bid-dgħajsa u meta waslna f'ibħra internazzjonali sibna dgħajsa tas-sajd b'kuluri bojod u ħomor. Fuqha kien hemm Walid. Għamilna tlett ijiem fuq din id-dgħajsa, sakemm inġabu aktar nies. Esperjenzajna l-ewwel sintomi ta' fuq il-baħar, stordament u remettar. Dakinhar ftakart fi kliem marti dwar is-sintomi tat-tqala. Qatt ma immaġinajt li jien kien se jkolli l-istess esperjenza. Wara tlett ijiem waslu aktar nies. Wara li għabbew l-oġġetti għax hekk isejħulna".
L-ittra tkompli tgħid li "kien hemm min beda jilmenta dwar in-nisa u tfal li kienu telqu siegħa qabel. Minn hawn bdiet it-traġedja. Huma qalu li nisa u tfal telqu l-ewwel biex jiżguraw li jaslu b'mod sigur. Inċidentalment in-nisa tpoġġew f'dgħajsa oħra u wara diversi telefonati qalulna li d-dgħajsa li konna fuqha aħna kienet se tmur lejn l-Eġittu. Qalulna li hemmhekk kienu se jpoġġuna fuq dgħajsa oħra biex isir il-vjaġġ u li aħna konna se niltaqgħu man-nisa fuq dik l-istess dgħajsa. Attwalment waslet dgħajsa ta' kulur blu u tellawna fuqha. Is-sorpriza kienet li fuqha ma kien hemm ħadd. Bdew ilmenti ta' fejn kienu in-nisa u tfal, u Rais Mohammed, imlaqqam 'Abu el Sayed' qalilna li ma jaf xejn. Qal li jaf biss li Walid ma setax iwassalna hu. Abu el Sayed qalilna li "kieku kont naf li ilkom erbat ijiem fuq il-baħar, naħlef li ma kontx inħallikom titilgħu fuq id-dgħajsa tiegħi. Wara diversi telefonati qalulna li n-nisa kienu siguri. Kellna sens ta' ferħ għal din l-aħbar. Fis-sitt ġurnata filgħaxija, instabet id-dgħajsa li fuqha kienu in-nisa u t-tfal. Wara diskussjonijiet, il-kaptan tad-dgħajsa l-oħra qal li dawn in-nisa kienu bi żball fuq id-dgħajsa tiegħu. Ried li jitilqu minn fuq id-dgħajsa tiegħu, għax ried jiltaqa' ma' dgħajsa oħra. Il-kaptan tad-dgħajsa tan-nisa ma riedx li aħna nitilgħu fuq dik id-dgħajsa. Id-dgħajjes bdew jixxenglu minħabba mewġ kbir. Kienu mumenti terribbli. Konna qed inżommu l-affarijiet personali tagħna f'idejna, tisma' l-għajat tan-nisa u tfal, ġlied bejn dawk abbord, bla dwal f'nofs ta' lejl, u l-ħoss tad-dgħajjes jaħbtu ma' xulxin. Bdejna ngħajtu biex jinqatgħu l-ħbula. Hekk ġara u baħħarna bogħod minn dik id-dgħajsa. Meta bdejna noqgħodu mix-xokk, Abu el Sayed qalilna li ma jistax ikompli bil-vjaġġ għax il-magna waqfet. Hu waħħal fil-kaptan tad-dgħajsa l-oħra".
Jenfasizza li "għamilna pressjoni fuq Abu El Sayed biex naraw x'ġara u hu qalilna li l-persuna li suppost ittrasferiet il-flus lil sid id-dgħajsa, irrifjuta li jagħmel dan. Abu Sayed wara diversi telefonati qalilna li sid id-dgħajsa qallu biex ikompli bil-vjaġġ lejn l-Italja. Bejnietna ġbarna $10,000 u reġa' inbeda l-vjaġġ. Wara jumejn wasal mal-kosta Eġiżzjana. Tellgħawna fuq dgħajsa aktar. Fuq din kien hemm friġġ. Qalu lin-nisa u tfal biex joqgħodu fil-kmamar. Wara ġurnata Abu El Sayed qalilna li ma jistax ibaħħar minħabba baħar qawwi. Wara ġurnata ma naraw ebda dgħajsa ġie deċiż li naħtfu d-dgħajsa u nmorru l-Italja. Imxejna lejn il-kabina tal-kaptan u hu beda jgħajjat magħna. Immedjatament il-baħrin dawruna u ppuntaw armi AK 47 lejna. Xi wħud kellhom ukoll skieken. Abu El Sayed kien se jtih ħass ħażin u qalilna li kieku kien jaf li l-magna kienet se twassal sal-Italja kien jagħmel il-vjaġġ hu".
Ikompli jgħid li "sa l-għada konna għadna ma rajna l-ebda dgħajsa. Konna bil-ġuħ. Finalment ġiet dgħajsa u tgħabbejna fuqha. Abu El Sayed qalilna li se jsegwina minn distanza. Wara sagħtejn tbaħħir wieħed mill-membri tal-ekwipaġġ qalilna li kif noqorbdu lejn l-art ridna nitbaxxew biex ma nidhrux. Kif ersaqna lejn qisha gżira żgħira qalulna biex ninżlu fil-baħar u li kienet ġejja dgħajsa oħra għalina. Ma ridniex ninżlu. Qalulna li "jekk mhux se tinżlu se ngħerrqu d-dgħajsa". Sfurzawna ninżlu fil-baħar diversi metri l-barra mill-blat. Kienu it-3.00 ta' filgħodu. Kien hemm kesħa kbira. Ġew fuqna membri tal-militar u ħaduna fiċ-ċentru ta' Abu Qir f'Lixandra. Trattawna b'rispett u umanità. Konna trasferiti lejn l-Għassa tal-Pulizija f'MUntazah u huma urewna it-tbatija u trattament ħażin. Qalulna npoġġu fl-art'. Il-problema tiegħi hi li ma nafx x'se jiġri" itemm l-ittra tiegħu Mohammed is-Sirjan.