https://www.youtube.com/watch?time_continue=1&v=Qgba5IVkCHY
Leaving a mark
Wednesday, October 28, 2015
Dan kien il-kliem li laqagħni bih Fr Khalil Jaar, meta ltqajt miegħu
f'Ħ'Attard u miegħu tkellimt dwar il-ħidma tiegħu ma' refuġjati
Kristjani Iraqqini li hu akkomoda fil-Ġordan. Għandu madwar 400
refuġjat. L-uffiċċju u l-bini li kien jopera fih hu tah lil dawn
l-istess familji. Jgħidlilna li qed isirulu talbiet minn żoni fi Spanja u
l-Kanada fost oħrajn, biex huma jagħtu futur lil xi familji Iraqqini.
Nistaqsuh dwar jekk iħossx li Malta għandha ukoll tieħu xi refuġjati
Kristjani Iraqqini. Qalilna li "naħseb li Malta tista' tieħu xi
refuġjati Kristjani Iraqqini. Tista' tieħu ftit familji. Dawn kapaċi
jgħixu mingħajr assistenza. Huma nies edukati tajjeb. Mhux se jkunu ta'
problema. Nista' ngħidlek li Spanja diġa talbet biex tilqa' għadd ta'
familji nsara mill-Iraq. Kemm is-Sorijiet ta' Toledo kif ukoll
organizazzjoni f'Madrid lesti li jilqgħu refuġjati Iraqqini. Anki
l-Kanada lesta taċċetta refuġjati Kristjani Iraqqini".
"Qed ngħix miraklu kuljum"
Fr Khalil jieħu ħsieb xejn inqas minn 400 refuġjat mill-Iraq u s-Sirja u
dan billi ipprovdielhiom saqaf fuq rashom, assistenza edukattiva u
ikel. Hu bbażat f'Amman fil-Ġordan. Jgħidilna li "meta kien hemm
il-gwerra tal-Kuwajt jien kont ilqajt lil evakwati minn dan il-pajjiż.
Issa f'Lulju ta' sena ilu faqqgħet il-kriżi ta' refuġjati Kristjani
mill-Iraq. Dan seħħ meta l-militanti tal-Istat Iżlamiku (ISIS) ħadu
Mosul.
Dawn imbagħad taw tliet għażliet lill-familji Kristjani li kien hemm
jgħixu f'dawn ż-żoni. L-għażliet kienu li jew jikkonvertu għall-Islam,
jew iħallsu $100 għal kull membru tal-familja li jkollhom jew inkella
jaħarbu għax jispiċċaw maqtulin. Dak il-lejl stess u wara kien hemm
240,000 persuna Kristjana li ħarġu minn Mosul. Biss l-ISIS għamlu
checkpoints fuq il-fruntiera u ma ħallewhom joħorġu xejn magħhom.
Il-parroċċa tiegħi bdiet tilqa' minn dawn ir-refuġjati.
Niftakar tifel żgħir li kien għadu kif wasal u dan kien il-ħin kollu
jibki. Staqsejt lil ommu jekk hux ma jiflaħx iżda sirt naf li dan ma
tħalliex joħroġ ġeru li kienet qed trabbi l-familja. Lil dawn intuhom
ikel, ħwejjeġ, u akkomodazzjoni. Mhux dejjem hi faċli. Ftit ilu kelli
nidħol l-isptar għal operazzjoni tal-Hernia. Nirċievi telefonata li
m'għandhomx ikel xi jqassmu. Għedtilhom li qed l-isptar u tlabthom
ikellmu sid ta' ristorant biex jagħti l-ikel hu u nħallsuh wara. Imma
min ċempilli qalli li jekk ma nħallsuhx mill-ewwel mhux se jagħti ikel.
Għedtilhom tuni ċans ħa naħseb. Tlabt fuq li tlabt. Jgħaddi ftit ħin u
nirċievi telefonata. Min kellimni qalli li organizza festin u kellu
l-ikel tal-lukanda Marriott. Qalli li minħabba tempesta tar-ramel li
ħakmet il-Ġordan, fejn anki l-iskejjel inżammu magħluqa, il-festin kien
tħassar u kienu lesti jġibulna l-ikel għar-refuġjati Iraqqini. Għalija
jien dan hu miraklu" jgħid Fr. Jaar.
"M'għandix stampi ta' qaddisin mal-ħitan…..ir-refuġjati Kristjani huma l-qaddisin"
Fr Khalil jgħid li ħajtu nbidlet għal dejjem mindu beda jagħti
l-għajnuna lil dawn ir-refuġjati. "Dawn saru l-familja tiegħi" jgħid Fr.
Khalil. "Qed ngħix mal-qaddisin. Dawn ħallew kollox warajhom għal
Alla" b'riferenza ċara għal Iraqqini Kristjani li kienu sfurzati jitilqu
minn fejn kienu jgħixu minħabba t-theddid tal-Istat Iżlamiku. "Aħna
familja waħda", jiddikjara Fr. Jaar fejn ma jonqosx li jsemmi ż-żjara
ta' isqof minn Ġerusalemm u jgħid li meta dan daħal fl-uffiċċju tiegħu
qallu li hi xi ħaġa stramba kif mal-ħitan m'għandux stampi ta' qaddisin.
"Għedtlu li għandi stampa ta' ommi li mietet matul s-sena li għaddiet".
Jgħid li kien se jweġibni lura iżda jien għedtlu 'm'għandix bżonn
stampi ta' qaddisin. Jien qed ngħix mal-qaddisin. Dawn n-nies ħallew
kollox warajhom. Id-djar, il-karozzi, il-fabbriki u l-flus. Ħallew
kollox biex jibqgħu Kristjan. X'se ssejħilhom lil dawn? Għalija
qaddisin. Meta nitkellem magħhom ngħidilhom grazzi għal dak kollu li
tajtuni. Bħalissa bħala qassis jien ngħix qisni aristokratiku. L-ikel
tiegħi lest u jnaddfuli d-dar. Jekk ikolli bżonn xi ħaġa nmur għand
l-Isqof. Dawn in-nies imma m'għandhom xejn u huma kuntenti. Dawn tawni
lezzjoni bażika - dik li ngħixu ma' ħaddiehor u li dejjem tgħid grazzi
lil Alla."
"Ninkoraġġihom jidħlu fi proġetti"
Fr Jaar jinkoraġixxi lil dawn ir-refuġjati biex jidħlu fi proġetti li
jiġġeneraw ċertu dħul. Hu jmur jixtrilhom żibeġ mill-bażaar ta' Amman u
dawn ir-refuġjati jittrasformawhom fi brazzuletti mill-isbaħ. Hemm
tifel ta' 12-il sena bl-isem ta' Fad, li qed juri t-talent tiegħu
fil-manifattura ta' ikoni, fejn il-familja qed tgħix minn dak li hu
jbiegħ. Fr. Jaar ma jonqosx li jgħid li waħda mill-uġiegħ ta' ras hi dik
li jipprovdi l-ikel ta' kuljum. Hu organizza sistema ta' kupuni fejn
il-familja permezz ta' dawn il-kupuni jkunu jistgħu jixtru l-ikel.
Jgħid li "hu aħjar għat-tfal li jaraw lil missierhom iħallas permezz
tal-kupun milli jingħataw ikel direttament. Din iżżomm id-dinjità
tal-missier. Il-parroċċa li jmexxi Fr. Jaar tqassam kupuni li jkunu
jiswew €70 u dan isir kull xahar lil madwar 100 familja ta refuġjati.
Staqsejnieh dwar l-immigranti Sirjani li kienu qed jispiċċaw l-Ġreċja
jew mal-fruntiera tal-Ungerja u x'jaħseb dwar il-fatt li immigranti
Sirjani qed isibu fruntieri magħluqin. "Jien meta rajt x'kien qed
jiġri kont preokuppat. Ktibt li xi Ewro Parlamentari li naf u għedtilhom
joqogħdu attenti. Għedtilhom jekk hux qed jiġġennu li jiftħu
l-fruntieri beraħ. Dawn l-ammont ta' Sirjani jippruvaw jidħlu fl-Ewropa
tikkwalifika għal invażjoni. Xi jridu jagħmlu l-Ewropej? L-ewwel iridu
jieqfu milli jbiegħu armi li qed jispiċċaw jintużaw fil-kunflitt Sirjan.
L-Ewropej imbagħad iridu jaraw li jgħinu lis-Sirja u dan billi jissolva
l-kunflitt u jgħinuhom jibnu l-pajjiż mill-ġdid".
"Trid tgħinhom f'pajjiżhom"
Nistaqsuh dwar l-immigranti Afrikani li jaslu f'pajjiżna u jgħidilna li
"l-ewwel trid tara għaliex qed jaħarbu. Qed jagħmlu hekk minħabba
gwerer u persekuzzjoni. Hu importanti li dawn il-pajjiżi minn fejn
ġejjin dawn l-immigranti jkunu mgħejjunin biex jissolva l-kunflitt.
Ħafna immigranti f'pajjiż partikolari se jispiċċaw jiddisturbaw u anke
jiġu ddisturbati. Hi kwistjoni kkomplikata", itemm jgħid Fr Jaar.
Minn L-ORIZZONT
Ritratt u filmat: Ian Noel Pace
Monday, October 26, 2015
ttps://www.youtube.com/watch?v=-ToSdq8FiI0
'Għadni sal-lum indur mal-baċir u jaqbiżli d-dmugħ' - Joseph Amato
Għamel ħajtu fuq il-baħar. Tista' tgħid li dar id-dinja abbord il-bastimenti. Inġinier marittimu li beda mit-tarzna u wara permezz ta' l-esperjenza li kiseb hemm u firma falza, infetħulu opportunitajiet barra minn Malta. Ħadem fuq għadd kbir ta' bastimenti. Bħal kull ħaġa, l-inġinier Joseph Amato kellu esperjenzi sbieħ u oħrajn diffiċli u perikolużi. Jispikkaw dawk fejn tispiċċa tintbagħat f'port u l-merkanzija tkun tankijiet tal-gwerra u armamenti u esperjenzi waqt maltempati. Ma jonqsux li baqgħu f'moħħu xenarji mill-isbaħ li għadda minnhom. Minkejja kollox it-tarzna ta' Malta u l-Malta Shipbuilding baqgħu f'moħħu. Meta ftit jiem ilu ltqajt miegħu u semmejtlu l-Malta Shipbuilding qalli, "'Għadni sal-lum indur mal- baċir u jaqbiżli d-dmugħ." Joseph Amato iddikjara li, "Il-weġġħat tagħna huma l-għeluq tat-tarznari speċjalment il-Malta Shipbuilding. Għadni nħoss in-nuqqas tagħha sal-lum. Ngħaddi minn hemm indur mal-baċir u jaqbiżli d-dmugħ. Dan għas-sempliċi raġuni għax hemmhekk rajna inġiniera, fitters, mekkaniks, u ħaddiema minn snajja' differenti kollha jaħdmu u jirsistu għal skop wieħed li jipproduċu u jaslu għax-xogħol li għandhom. It-tarzna għadna nħossu n-nuqqas tagħha sal-lum. It-tarzna kienet organizzata, ġara li ġara, però t-tarzna setgħet tkun ħafna aktar vijabbli kummerċjalment għal Malta."Joe twieled fit-Tieni Gwerra Dinjija, eżattament fis-sena 1940. Peress li kienu mill-Belt Valletta, kienu spiċċaw evakwati lejn Għawdex. Fi tmiem il-gwerra, l-familja tiegħu marret tgħix f'dar li kellhom f'Tas-Sliema. Kien hawn li f'Joe bdiet tinbet il-ġibda lejn il-baħar. Kien jattendi l-Kulleġġ Santu Wistin u ħafna drabi kien jagħżel li jmur bid-dgħajsa minn Tas-Sliema lejn il-Belt. Fi tmiem il-ġimgħa missieru kien itih 3 pence x'jonfoq u hu kien imur fix-xatt tal-Gżira, jikri dgħajsa u permezz tagħha joqgħod iħares u jammira l-bastimenti navali Ingliżi.
Ma damx ma daħal jaħdem it-tarzna, fi żmien meta fiha kien hemm jaħdmu 10,900 ħaddiem. Hu kien għażel li jkun jifforma parti minn gang ta' 'fitters afloat'. Wara sentejn, kien assenjat biex imur fuq il-Naval Floating Dock AFD8. Il-paga dak iż-żmien kienet ta' 30 xelin fil-ġimgħa.
Minkejja li kien qed jaħdem abbord il-bastimenti, il-ħolma tiegħu kienet li jbaħħar.
Ix-xewqa tiegħu kienet li jidħol kadett mal-Qawwa Navali Ingliża. Biex jagħmel dan ried il-firem tal-ġenituri tiegħu. Missieru li kien man-Navy, ma kellu ebda problema, iżda ommu bdiet tirrifjuta li tiffirma. Għalih din kienet daqqa ta' ħarta kbira. Id-determinazzjoni u l-urġenza li kellu li jingħaqad mal-qawwa navali wasslitu fil-punt li ddeċieda li ma jiddiskuti ma' ħadd. Kif qabeż is-sittax-il sena, avviċina uffiċjal mill-Qawwa tal-Ajru Ingliża u dan qallu li 'fitters' dejjem ikollhom bżonn.
Qabad u mar f'uffiċċju tal-RAF fil-Belt u hemm iltaqa' ma ħabib tiegħu. Ftehmu li jiffirmaw id-dokumenti ta' xulxin anki l-parti fejn suppost iffirmaw il-ġenituri. Wara marru għand il-kappillan u dan iffirmalhom ukoll. L-għada stess kien irriżenja mit-tarzna. Kif stenna, ommu ma laqgħetx tajjeb din id-deċiżjoni.
L-erba' snin li kellu malajr għaddew u hu spiċċa fit-toroq ta' Londra bla xogħol. Kera kamra ma' familja Taljana, imma l-ħsieb f'moħħu kien x'se jagħmel jekk jispiċċa bla flus. "Kont waħdi fit-toroq ta' Londra. Kont naħseb fuq li naħseb dwar x'se nagħmel." Jirrakkonta li kien hemm l-uffiċċju tas-Citizens Advice Bureau u żammu f'moħħu f'każ li jispiċċa bla flus. Mar l-RAF Rehabilitation Office u minn hemm sabulu impjieg bħala inġinier ma' kumpanija tal-karozzi tal-linja.
"Il-ħajja issa kienet qed tittrattani aħjar. B'self żgħir xtrajt dar żgħira f'Kent ftit bogħod mit-tarzna ta' Chatham. Kont ftit bogħod mix-xmara Thames u dan beda jixpruna fija mill-ġdid il-ġibda lejn il-baħar.
Ma damx iżda ma reġa' spiċċa fuq il-baħar u dan hekk kif il-bastiment Everard, kellu bżnn inġinier. Kif applika, bl-esperjenza li kellu ġie aċċettat mill-ewwel. Dan il-bastiment kien iġrr il-karta mill-baħar tat-Tramuntana lejn ir-Renju Unit, bil-baħħar Malti jiddeskrivi l-vjaġġi bħala li kienu iebsin ħafna'.
Abbord l-MV Speciality…tibqa' f'moħħu ġlieda li ħalliet ħerba f'pub
Fost l-esperjenzi li jibqgħu f'moħħ Joe hemm dawk ta' meta l-bastiment
wara ġimgħat ibaħħar kien jidħol f'xi port. Id-divertiment tal-baħrin
ma kienx jonqos. Xi ħaġa li jibqa' jiftakar kienet seħħet fil-port ta'
Limerick eżattament fil-Ma Ryans' Bar. F'dan il-bar inqalgħet ġlieda
bejn il-baħħar tal-MV Speciality u dawk ta' MV Centurity. Il-bar spiċċa
frakass b'xi baħħara anke spiċċaw l-isptar. Il-ġlieda nqalgħet minħabba
n-nisa.
Wara esperjenza qasira ma' Shell Tankers, il-baħħar Malti spiċċa
impjegat ma' kumpanija Ġermaniża, Hansa Line. Ġie assenjat fuq
il-bastiment Westfalia. Il-kaptan, meta kien ferm iżgħar kien jifforma
parti mill-Hitler Naval Boys Brigade. Kienet is-sena 1970, iżda l-kaptan
xorta kienu għadu jaħseb li l-gwerra kienet għadha ma ntemmitx tant li
kien għadu jilbes is-salib tal-ħadid. Matul il-vjaġġ, il-Kaptan
Heinrich Hinze kien idoqq il-marċi militari tat-Third Reich u għal
siegħa sħiħa kien idoqq id-Deutschland Uber Alles - l-innu nazzjonali
Ġermaniż".
Lill-baħħar Malti kien isejjaħlu l-Englander Chief u xejn ma kienet
tinżillu li abbord kellu lil xi ħadd b'passaport Ingliż. Fuq l-istess
bastiment kien hemm ukoll uffiċjal iehor Ġermaniż, Ralph li kien
riservat ħafna. Kien Joe nnifsu li għamel l-ewwel pass biex isir jafu
aħjar u dan billi mar fil-kabina tiegħu.Ralph mill-ewwel spjegalu li l-Ingliżi xejn ma kienu jinżlulu. Jistaqsih x'inhi r-raġuni għal dan, u hu jkun pront jgħolli l-flokk. Hemmhekk seta' jara marka ta' ferita. L-istorja warajha tmur lura għat-Tieni Gwerra Dinjija, meta l-sottomarin li kien fuqu ċeda f'Aalborg. Meta Ralph ħareġ mis-sottomarin baħri Ingliż sparalu għax ħasbu se jispara. Ittieħed lejn sptar Ingliż fejn kien ikkurat u hemm iltaqa' ma' infermiera Ingliża li wara iżżewwiġha.
L-avventura li kien imiss seħħet fuq il-bastiment Sunny Bettina. Dan
bħal bastiment kien ibaħħar lejn l-Amerika Latina. Il-kaptan kien Daniż,
fejn waqt vjaġġ li kien jinkludi waqfa f'Port Arthur f'Texas wasslet
biex il-bastiment inkalja u kellu jqatta' xejn inqas minn erba' xhur
f'tarzna f'Texas.
Għal sitt ijiem sħaħ maqbudin f'urugan... 'tlabt meta għaddejna mill-Bermuda Triangle'
Joe jirrakkonta esperjenza tal-biża li kellu fuq il-bastiment MT Spes,
fejn waqt li dan kien qed ibaħħar fl-Atlantiku nqabdu f'urugan.
Il-bastiment mexa bil-mod ħafna u mgħobbi kif kien f'dik il-maltempata,
ħolqot sitwazzjoni ta' tensjoni fl-ekwipaġġ. Wara tlett ijiem f'din
is-sitwazzjoni diffiċli l-ekwipaġġ kien imsejjaħ mill-kaptan u ġiet
spjegata is-sitwazzjoni. Il-baħrin kollha ngħataw il-passaport. Kien
mument ta' tensjoni kbira. Ikel, gvieret u life vests, flimkien ma'
flares tpoġġew fuq il-bridge tal-bastiment għal li jista' jinqala'.
Il-Gwardji tal-Kosta kienu nfurmati bid-diffikultajiet li kien fihom
l-bastiment. Joe Amato jirrakkonta kif dawk kienu sitt ijiem bla rqad.
Ma jonqosx li jirrimarka li meta l-bastiment kien se jgħaddi
mill-Bermuda Triangle - post li fih għebu ħafna bastimenti, hu niżel
għarkobbtejh jitlob.
L-inġinier Amato fl-avventuri tiegħu fuq il-baħar, baħħar f'kull rokna
tad-dinja. Imma fix-xogħol tiegħu, ġieli tqabbad xogħol, li mhux biss ma
kienx faċli iżda ukoll perikoluż. Każ simili seħħ meta kien hemm ħsara
fuq il-bastiment Sabratha. Kien ġie deċiż li l-bastiment kellu bżonn
żewġ 'airbrakes contactors elettriċi. L-uniku tarzna li kellha dawn
kienet dik ta' Rostock fil-lvant tal-Ġermanja. Ma kienx faċli li
mill-Punent tidħol fil-Lvant tal-Ġermanja. Il-kumpanija li kienet
Ġermaniża ddeċidiet li tibgħat lil xi ħadd b'passaport Ingliż u
b'liċenza tas-sewqan internazzjonali. Amato kellu t-tnejn li huma u
għalhekk kien għażla awtomatika.
Bejn u bejn ruħu kien jaf li mhix faċli b'mod partikolari biex tgħaddi
miċ-checkpoint. Telaq lejn l-ajruport ta' Rotterdam u ħdejn il-lukanda
f'Hamburg li fiha għadda lejl sab karozza BMW 520i tistennih. Baqa'
skantat għax kien għadu qatt ma saq waħda bħalha. Fil-bagoll kellu 2
coolers kbar mimlijin ikel u birra. Kellu ukll $10,000 u 5,000 DM.
Kollegi mill-kumpanija awgurawlu li kollox imur sew. Saq lejn
Grevesmulhen, fejn hemmhekk kien hemm ic-checkpoint. Hawnhekk, ġie
assenjat miegħu uffiċjal tas-sigurtà armat. Dan ma kienx jaf kelma
bl-Ingliż u l-kuntatt bejniethom kien bis-sinjali. L-uniċi drabi li rah
jitbissem kien meta tah il-birra jew l-ikel.
Fil-vjaġġ tagħhom lejn Rostock, waqfu f'Satom u qattgħu l-lejl
f'lukanda. Bl-uffiċjal tas-sigurtà b'għajnejh fuq il-fajl b'dokumenti li
kellu l-inġinier. L-uffiċjal akkumpanjah sal-kamra tiegħu. Wara hu mar
intasab fuq pultruna fejn il-bieb tal-lukanda, biex bħal donnu jkun ċert
li dan ma jħallix il-lukanda. L-għada f'nofsinhar kien fit-tarzna ta'
Rostock. Fl-entratura tat-tarzna, l-uffiċjal tas-sigurtà li kellu miegħu
intalab jinżel mill-karozza. L-inġinier Malti ittieħed fil-kwartieri,
fejn matul it-triq spikkaw l-ħaddiema jħarsu lejn il-karozza BMW.
Ingħata l-ispare parts li mar għalihom u ħallas $6,000. Saq lura lejn
il-grada, għabba lill-uffiċjal tas-sigurtà li kien qed jistennieh u beda
l-vjaġġ lura. Moħħu kien il-ħin kollu jaħseb biex itemm din il-ħidma
kemm jista' jkun malajr. Finalment għadda miċ-checkpoint ħalla
lill-uffiċjal tas-sigurtà hemm u baqa' sejjer fi triqtu.
Maqbud fi Tripli fl-attakki Amerikani…kenn lil tfal u sorijiet wara ċiklun
Esperjenza li tibqa' f'moħħ l-inġinier Malti kienet dik waqt vjaġġ li
wassalhom fil-port a' Puert Cortez. Il-baħrin niżlu l-art jixorbu
fis-soltu 'Bar Aalborg', imma wara xi ħin il-kaptan ordna li dawn
jinġabu lura. Ried isalpa, minħabba li kien riesaq ċiklun lejn
il-Ġamajka. Baħħru f'temp qasir imma d-dipressjoni intensifikat, tant
li spiċċaw f'nofs iċ-ċiklun li kien ingħata l-isem ta' 'Fifi'. Ix-xita
tant kienet qawwija, li l-inġinier Amato jiddeskriviha bħala li "qatt ma
kont rajt bħalha. Il-membri tal-ekwipaġġ kollha ngħataw struzzjonijiet
biex ma joħorġux mill-kabini. Kien lejl twil li ma ninsew qatt."L-għada filgħodu kien il-Ħadd, b'riħ qawwi u aħna f'nofs iċ-ċiklun. Konna qed nieħdu ħsieb il-makkinarju u l-apparat biex ikun fi stat tajjeb, waqt li nqawwu qalb xulxin. L-ebda wieħed minnha ma kien esperjenza maltempata bħal dik qabel. Il-kuntatt ma' Belize u Grand Cayman kienet tajba. Kien il-weekend ta' wara meta l-bastiment irritorna f'Puerto Cortez. Kif rajna l-port ma stajniex nemmnu lil għajnejna. Kien hemm katastrofi sħiħa. Stajna naraw qerda sħiħa għal tul ta' kilometri sħaħ. Meta konna hemm ġejna mitlubin joffru kenn lil xejn inqas minn 20 tfal u erba' sorijiet. Dawn spiċċaw bil-kunvent u l-iskola meqrudin. Il-bastiment spiċċa mibdul fi skola. Xi wħud mill-membri tal-ekwipaġġ niżlu l-art u ġew lura jirrakkontaw stejjer tal-biża ta' dak li raw. Il-bar Alborg kien sparixxa ukoll."
Ma jonqosx li jirrakkonta dak li seħħ f'April tas-sena 1986, meta l-Istati Uniti attakk il-Libja. L-inġinier Malti dakinhar kien abbord l-MV Garyounis f'nofs il-port ta' Tripli.
"Ġejna mqajmin filgħodu kmieni minn ajruplani Amerikani jtiru fil-baxx. Tlajt fuq il-bridge u rajt l-ewwel attakki fuq Tajoura. Kien hemm konfużjoni sħiħa fi Tripli. Fuq il-Garyounis kellna helipad li kienet tidher minn ħafna mili bogħod. Għattejnieh u ndunajna li l-ekwipaġġ Libjan kien telaq minn fuq il-bastiment. Kien lejl diffiċli b'ħafna daqq ta' ħornijiet. Morna nġibu xi ikel u ilma. Eżatt ma' ġenb il-bastiment inġabet frejgata tal-qawwa navali Libjana. Kien hemm il-bastiment Malti bl-isem ta' 'Qormi'. Stajt ġejt miegħu lejn Malta, iżda ppreferejt li nibqa' fuq il-Garyounis. Wara xi ġimgħa, l-ekwipaġġ tal-frejġata Libjana riedu jistartjaw l-magni. Għennihom u ġew startjati. Filgħaxija ġie jżurna l-Kmandant Navali u bqajna skantati meta r-rigal ta' apprezzament li ngħatajna kien flixkun whisky 'Haig'.
Joe, f'karriera twila fuq il-baħar dejjem żamm kont ta' dak li kien jgħaddi minnu. L-esperenzi tiegħu għadhom kif inħarġu fi ktieb u fil-futur mistenni jinħareġ ktieb iehor.
Fi kliemu stess, it-tbaħħir jieħdok lejn ix-xefaq u lil hinn minnu. "Fl-età tiegħi fejn llum għandi 75 sena, għadni qed inħares 'il quddiem, li nbaħħar bejn il-baħar u s-sema blu, fejn irrispettivament mit-temp, jien inħossni komdu."
Ritratt u Filmat: Roger Azzopardi. Minn it-Torċa
Wednesday, October 21, 2015
Għalaqt sentejn…meta niftakar fit-traġedja moħħi jieqaf - Kazkji Agha
"Meta niftakar moħħi jieqaf. Niftakar fit-tfal mejtin f'wiċċ il-baħar. Fl-għajat u t-twerżiq. Inġib quddiem għajnejja lil dawk li sparawlna. Ottubru jibqa' xokkanti għalija. Dak li ġara baqa' ma ħariġx minn moħħi. Illum qed nipprova nibni lili nnifsi mill-ġdid. Għalaqt sentejn. Ottubru 2013 hi data li fiha mitt jew li fiha twelidt? Ma nafx jekk f'din id-data għandix inkun kuntent jew imdejjaq? Il-baħar qatel lil ħbiebi jew qed iżommhom f'post sigur? Il-jum tat-traġedja żgur li għamilni aktar b'saħħti. Jien m'għażiltx li nkun ħaj jew mejjet imma jien għamilt għażla ta' kif irrid ngħix". Dawn huma r-riflessjonijiet ta' Kazkji Agha, Sirjan li jgħix f'Malta u li sentejn ilu kien ġie salvat minn ħalq il-mewt, meta d-dgħajsa li kien fuqha flimkien ma għadd kbir ta' immigranti spiċċat għerqet qrib Lampedusa. F'dik it-traġedja kienu mietu aktar minn 200 immigrant Sirjan.Meta tkellem lil Kazkji u ssemmilu din it-traġedja ma tonqosx l-emozzjoni tiegħu. Id-dmugħ f'għajnejh meta jsemmi lil ommu li issa ilu sew ma jaraha. Ikellimha bit-telefon imma anki meta jagħmel dan ikollu l-biża li jċempel u ma jirrispondi ħadd, bil-ħsieb ikun li seta' ġralhom xi ħaġa fil-gwerra ċivili li għaddejja fis-Sirja. Mhux faċli għalih jirrakkonta, fejn għal ħafna ħinijiet jieqaf u jħares fiss lejn l-art. Fi kliem stess, it-trawma tibqa' hemm, għalkemm illum qed jaħdem f'pajjiżna u għandu jemmen fl-istess ħolma li kellu fis-Sirja - dik li jsir "l-aqwa inġinier tal-elettriku fid-dinja".
Lil Kazkji Agha, inewsmalta.com talbu jikkummenta dwar l-iżviluppi li seħħew fil-ġimgħat li għaddew fejn għadd kbir ta' Sirjani bdew jaqsmu lejn il-Greċja u meta minn hemm marru lejn pajjiżi oħra Ewropej sabu min jagħlaq il-fruntieri. Hu jiddikjara bla tlaqlieq li "jien naħseb li l-istorja se tinkiteb mill-ġdid u dan biex turi kif kien hawn min beda jagħlaq il-fruntieri għar-refuġjati li kienu qed jaħarbu minn gwerra".
Jirrakkontalna l-ewwel xhur f'Malta wara li kien salvat u jgħid li "l-ewwel jiem kien iebsin ħafna. Qatt ma stajt inneħħi minn quddiem għajnejja l-katavri tat-tfal. Dawk li sparalna u d-dehra tal-mewġ u l-baħar. Meta intbgħatt lura lejn Malta wara li kont mort l-Olanda, sibna ħbieb li għenuni ħafna f'Malta biex nibda ħajja ġdida."
Nistaqsuh dwar il-ħarbiet ta' Sirjani minn pajjiżhom u jgħidilna li "llum wara erba' snin ta' ġlied fis-Sirja, id-dinja għadha qed tistaqsi għaliex is-Sirjani qed jitilqu minn pajjiżhom. Telqu għax iridu jwasslu l-messaġġ u qed jgħidu lid-dinja li fis-Sirja hemm gwerra ta' vera".
"Il-ħarba…ridt pajjiż fejn inkun nista' nkompli nistudja"
Kazkji jgħid li "jien mis-Sirja. Għandi 24 sena. Studjajt l-inġinerija elettrika. Kelli ħolma iżda meta bdiet il-gwerra il-kulleġġ li kont qed nistudja fih ingħalaq. Ridt inmur f'pajjiż fejn inkun nista' nkompli bl-istudji tiegħi. Il-familja riduni nkompli nistudja għax kellhom bżonni. Mort l-Eġittu u anke l-Libja u l-għan kien li nipprova nsib kulleġġ biex nistudja. Imma ma sibtx. Ippruvajt anke nsib xogħol. Meta kont il-Libja smajt bil-vjaġġi għall-Ewropa. Il-Libja kienet sare pajjiż perikoluż wara l-waqa' ta' Gaddafi. Ma kinitx post sigur. Ġietni l-opportunità li nitlaq f'Ottubru tas-sena 2013. Fil-vjaġġ spiċċajna bdejna ngħerqu. Kont fortunat għax gejt salvat. Sibt ruħi f'Malta. Kienet diffiċli ħafna din l-esperjenza."
"Għamilt żmien f'Malta ma stajtx norqod"
Itenni li "wara li kont salvat għamilt żmien f'Malta fejn ma stajtx norqod. Dak li għaddej minnu baqa' f'moħħi. Kien diżastru mietu mal-250 persuna. Il-pajjiż li dejjem ridt ngħix fih kien l-Olanda. Inqisu bħala pajjiż fantastiku. Il-pajjiż tal-fjuri. Ridt inkun hemm u kien għalhekk li tlaqt minn Malta u mort hemm. Ġara imma li wara sitt xhur baghtuni lura. Dan għax sabu li jien kont ġejt minn Malta u hawn kienu tteħduli l-marki tas-swaba. Dawk magħrufin bħala regolamenti ta' Dublin jgħidu li l-persuna għandha tintbagħat lura fil-pajjiż fejn ikunu ittieħdu l-marki tas-swaba u erġajt spiċċajt f'Malta. Illum qed nipprova nibni futur f'Malta".
"Kienet sorpriża kbira meta rajt id-dgħasja li konna se nivvjaġġaw biha fil-baħar"
Mistoqsi dwar kif fil-Libja sema bl-Ewropa, hu jgħid li "kien hemm min irrakkomandali dan l-vjaġġ. Qaluli li fl-Ewropa hemm futur. Jien ridt nasal fl-Ewropa. Kif se nagħmel dan ma kontx naf. Qaluli li hemmhekk żgur se jkolli possibilità li nkompli nistudja. Kienet ta' sorpriża kbira għalija meta rajt id-dgħajsa b'għajnejja. Kienet dgħajsa żgħira tas-sajd. Kont f'sitwazzjoni fejn ma stajtx inmur lura. L-għażla kienet biss li nkompli bil-vjaġġ. Id-dgħajsa kienet ippakkjata b'aktar minn 500 persuna Sirjani. Wara li għamilna ġurnata fil-baħar, u wara li sparaw lejna, id-dgħajsa bdiet tegħreq. Kien hemm min tilef it-tfal, oħrajn tilfu l-mara. Nisa spiċċaw tilfu l-irġiel tagħhom. Familji sħaħ spiċċaw tkissru. Iddispjaċieni ħafna għalihom. Jien kont qed nivvjaġġa waħdi.
"Tlift lill-akbar ħabib tiegħi…..naħseb li għadu fid-dgħajsa"
"Jien ukoll tlift lill-akbar ħabib tiegħi. Jiddispjaċini ħafna għalih u għal familtu. Kien fil-parti ta' ġewwa tad-dgħajsa. Kieku rajtu meta bdiet tegħreq id-dgħajsa kont ngħinu żgur. Kien fuq ġewwa tad-dgħajsa u naħseb li hemm għadu. F'Malta rajt uħud minn dawk salvati ma jistgħu jorqdu. Sirjan partikolari tilef lil uliedu. Kien joħlom bihom kull filgħaxija."
"Irrid nerġa' nara l-ommi….jekk tieqaf il-gwerra nmur lura"
Kazkji jirrakkonta li "f'Malta qed naħdem ma kumpanija fil-qasam tal-elettriku. Sse nkompli nistudja. Irrid insir inġinier tal-elettriku. Se nkompi għaddej b'ħajti. Jekk tieqaf il-gwerra nmur lura s-Sirja. Ommi tkun kburija bija .Irrd nerġa' naraha. Nittama għall-inqas. F'Malta ħdimt diversi xogħlijiet bħala tikħil, fil-qasam tal-ikel u anke bħala 'helper'. Nixtieq li xi darba jkolli l-kumpanija tiegħi".
"F'Malta kuntent ħafna…meta nisma l-mewġ iħabbat nibża' ħafna"
Imma għaliex l-Olanda kienet il-post li ried imur fih? "L-Olanda togħġobni għal ħajja normali li hemm. Post magħruf għall-futbol. Fittixt ix-xogħo iżda dan sibtu f'Malta. Missieri għandu 55 sena. Fis-Sirja m'hemmx xogħol bħalissa. Ma nafx minn fejn iġibu l-ikel. Il-familja tiegħi għandha bżonn l-għajnuna u jien ngħinhom bil-flus li naqla'. Meta nċemplilhom u jirrisponduni nkun kuntent ħafna. Imma l-biża tiegħi hi li xi mument ma jirrispondunix għax tkun ġratilhom xi ħaġa bil-gwerra. Jekk jiġri hekk inkun sirt inġinier tal-elettriku għal xejn. Irrid nerġa' narahom. F'Malta kuntent ħafna. Għandi diversi ħbieb Maltin. Biss meta nisma' l-mewġ iħabbat nibża ħafna", temm jgħid Kazkji.
minn inewsmalta.com
Tuesday, October 20, 2015
Din is-sena l-Pulizija ma ressqet l-ebda persuna l-Qorti fuq kummenti razzisti f'siti soċjali
Huma diversi dawk l-għaqdiet u individwi li jilmentaw dwar kummenti razzisti minn Maltin fuq is-siti soċjali. L-organizazzjoni 'The People for Change' f'rapport li kienu ħejjew kienu indikaw b'mod ċar li għandhom daħlu rapporti ta' inċitament ta' mibegħda razzjali fuq il-medja soċjali. Quddiem dan, għamilna kuntatt mal-Korp tal-Pulizija u waqt li għaddejnielhom diversi kummenti li saru fl-aħħar jiem u ġimgħat staqsejnihom kemm kien l-ammont ta' persuni li tressqu l-Qorti b'rabta ma' razziżmu fuq siti soċjali. Ir-risposta tal-Pulizija kienet li, "Ninfurmak li matul din is-sena ma tressqet l-ebda persuna b'rabta ma' kummenti razzisti li nkitbu fuq is-sit soċjali 'Facebook."B'rabta ma' kummenti li għaddejna lill-Pulizija u li nkitbu fuq is-sit soċjali Facebook, u ġbidnielhom l-attenzjoni dwar jekk humiex konxji ta' kummenti li nkitbu fis-sit tal-Għaqda Patrijotti Maltin, il-Pulizija qalulna li, "Ninfurmaw li l-Pulizija tinvestiga kull ksur ta' liġi kriminali li tiġi għall-konjizzjoni tagħna."
Fost il-kummenti li ġbidna l-attenzjoni tagħhom lill-Pulizija kien hemm li, "Dawk iridu…..jekk ma jobdux l-ordnijiet tal-Pulizija….BOOOOOOOM". Kumment iehor kien li, "Ma nistax nifhem x'jedd għandhom dawn jaqbdu u jkissru l-fruntiera biex jgħaddu! Mela din arthom jew? X' qed jistennew biex jaqbdu l-armati u jiġbruhom kollha u jitfgħhom fuq vapur lura lejn pajjiżhom? Mela nsiet il-Ġermanja meta ġabret pajjiżi sħaħ u tefgħethom f'kamp wieħed jew?"
Intant 'The People for Change" f'rapport li kienu ħarġu intitolat "The Malta Human Rights Report 2014", kienu qalu li minkejja leġiżlazzjoni u politika li tipproteġi persuni minn razziżmu u diskriminazzjoni, naraw li l-esperjenza ta' razziżmu u inugwaljanza hi xi ħaġa kontinwa fil-ħajja ta' persuni etniċi u ta' gruppi minoritarji f'Malta.
Ir-rapport kien semma kif The People for Change nidew sit li fih dawk li huma vittmi ta' razziżmu jistgħu jirrappurtaw dan. Dan is-servizz hu intiż biex jgħin lil persuni jirrappurtaw każi simili u biex jinfurmahom dwar ir-rimedji. Sa issa fost ir-rapport li daħlu għand dan is-sit hemm każijiet ta' abbuż verbali, diskriminazzjoni fuq it-trasport pubbliku u servizzi oħra u anki inċitament ta' mibegħda razzjali fuq il-midja soċjali.
Skont ir-rapport, l-awtoritajiet Maltin għandhom bżonn jieħdu l-pariri ta' Francois Crepeau, rappreżentant tal-Ġnus Magħquda fuq l-immigrazzjoni, li kien saħaq li fejn tidħol l-immigrazzjoni irregolari l-pajjiż għandu jieħu attitudni umana.
minn inewsmalta.com
Monday, October 19, 2015
Immigranta twelled ftit minuti biss wara li ġiet salvata
Fl-aħħar sigħat ġew salvati 242 persuna li kienu qed jaqsmu b'dinghy mil-Libja lejn l-Ewropa. Fost dawn l-immigranti hemm sitt nisa tqal.
Waħda minn dawn in-nisa welldet ftit minuti biss wara li kienet salvata, abbord il-bastiment 'Dignity' ta' Medecins Sans Frontieres. It-tarbija (ritratt) ingħatat l-isem ta' Divan.
Dewmien fix-xogħol fuq l-Ipoġew ta' Ħal Saflieni
Ix-xogħlijiet fuq l-Ipoġew ta' Ħal Saflieni jidher li se jdumu aktar minn dak previst ftit tax-xhur ilu. Waqt li kien issemma li l-Ipoġew se jkun magħluq fl-ewwel ħames xhur tas-sena d-dieħla, issa qed jirriżulta li x-xogħol li se jsir mistenni jitlesta f'Settembru tas-sena li ġejja. Jidher li dan id-dewmien seħħ minħabba studji tekniċi li kien hemm bżonn isiru fil-post. Ftit tal-ġimgħat ilu nħarġet tender għax-xogħlijiet, liema xogħlijiet huma bżonjużi biex jagħtu dehra isbaħ lil dan il-post.Ta' min jgħid li uffiċjal ta' Heritage Malta li kien tkellem magħna ftit tal-ġimgħat ilu kien qalilna li fl-ewwel ħames xhur tas-sena li ġejja, l-Ipoġew ta' Ħal Saflieni se jkun magħluq għall-pubbliku. Kien qalilna li dan se jingħalaq bejn Jannar u Mejju iżda għad m'hemmx dati speċifiċi ta' meta se jinfetaħ. Enfasizza li dan se jsir bħala parti minn programm ta' konservazzjoni.
Minn studji li diġà saru, qed joħroġ biċ-ċar li l-akbar sfida li għandu l-Ipoġew hi dik tal-bidla fit-temperaturi. Peress li hi struttura taħt l-art, bidla fit-temperaturi twassal għal tibdil fil-kundizzjoni tal-ġebla fosthom fl-imluħa tal-ġebla li tispiċċa tikkristallizza u tagħmel ħsara lill-istess tpinġijiet li hemm.
Il-kuratriċi tal-Ipoġew, Marie Elena Zammit, meta f'okkażjoni oħra kienet ikkummentat magħna dwar dan, qalet li l-istudji se jiddeterminaw jekk hemmx deterjorazzjoni tas-sit u jekk fl-affermattiv, ir-rata ta' din id-deterjorazzjoni u l-ħsara li qed issir.
Il-kuratriċi kienet qaltilna li, "Sa issa diġà saru diversi studji. Se nkunu qed nagħmlu wkoll studju fuq id-deterjorazzjoni tal-istess sit. Dan hu parti minn dawn l-istudji. Jiġifieri l-istudju dwar id-deterjorazzjoni mhux studju waħdu. Dan hu sit delikat, u fih hemm diversi tpinġijiet uniċi f'Malta. Dawn l-istudji qed isiru biex ikollna aktar informazzjoni u b'hekk inkunu nistgħu nieħdu miżuri biex is-sit jitmexxa u jkun protett b'mod aħjar."
Kienet enfasizzat li permezz ta' dawn l-istudji se tkun tista' tinħoloq metodoloġija fejn se jkun stabbilit jekk hux qed issir deterjorazzjoni fil-ġebla tal-istess sit. Bħalissa wkoll għaddej studju fejn qed jaraw l-istat ta' kull ħajt, saqaf u art fejn qed ikun dokumentat kollox. Dan hu studju importanti għax permezz tiegħu se jkunu stabbilit jekk hemx tibdil u deterjorazzjoni fil-ġebla.
Marie Elena Zammit kienet sostniet li, "L-akbar sfida li għandna hi l-bidla fit-temperatura. Din toħloq sfidi kbar għax meta t-temperatura tinbidel, l-imluħa tal-ġebla tinbidel u tikkristalizza. Din tagħmel ħsara lill-ġebla u lit-tpinġijiet li hemm u li dawn jinsabu fuq il-wiċċ tal-ġebla."
Dan il-proġett hu ffinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea taħt l-EEA. L-Ipoġew ta' Ħal Saflieni kien tempju li tħaffer fil-blat kważi 4,500 sena. Jixbah tempji oħra li nstabu fuq wiċċ l-art fosthom dak ta' Ħal Tarxien. Il-blat ta' dan it-tempju uniku, li tħaffer kollu bl-idejn, għandu fond ta' 13-il metru u hu maqsum fi kmamar fi tliet livelli.
L-isbaħ kamra u l-isbaħ parti ta' dan l-Ipoġew hi l-kamra tan-nofs, li qisha qiegħda wieqfa fuq kolonni. Fl-istess sit hemm dak li jissejjaħ l-Oraklu - toqba fil-ħajt minn fejn il-ħoss jidwi mal-maqdes kollu. F'din l-istess kamra hemm it-tpinġija li turi s-siġra tal-ħajja.
Fis-saff ta' fuq nett kienu jindifnu l-mejtin. Fis-saff tan-nofs tħaffru kmamar fit-tond - li jixbhu lil dawk tat-tempji u dawn ġew imżejnin bi tpinġijiet. Fis-saff ta' taħt nett hemm kmamar oħra mqassmin qishom xi wieħed mit-tempji.
minn inewsmalta.com
Iltaqa' miegħu għall-ewwel u l-aħħar darba…'ġbidtlu wieħed mill-aħħar ritratti" - Theo Vella
"Niftakar l-aħħar kliem li qal qabel spiċċajna l-konferenza li konna
fiha. Qalilna "ibqgħu inżlu fit-toroq u spjegaw lin-nies l-importanza li
jissieħbu fl-unjins". Hemmhekk kien jintervjeni ħafna. Ġbidtlu wieħed
mill-aħħar ritratti. Is-Sibt, l-għada li spiċċat il-konferenza li konna
fiha bgħattlu messaġġ fuq sit soċjali. Ma smajtx mingħandu. Wara niġi
infurmat minn trejdunjonisti oħra li Ali Kitapci kien spiċċa maqtul
fl-attakk terroristiku li sar f'Ankara fit-Turkija".
Dan qalu lil inewsmalta.com, Theo Vella (ritratt lemin),
rappreżentant tal-GWU li tlett ijiem qabel l-attakk terroristiku
f'Ankara kien ma' Ali Kitapci f'konferenza tal-ETUI. Theo Vella kien
qed jirrappreżenta s-settur tal-korpi dixxplinati f'isem il-General
Workers Union.
Theo Vella, meta kkuntattjat qalilna li "jien ltqajt miegħu għall-ewwel
darba tlett ijiem qabel sar l-attakk. Hu kien jispikka għax kien
jintervjeni fuq kollox. Kien dejjem jgħid li għandek tmur għal strajk u
meta konna ngħidulu jekk jippruvaw isolvu kwistjoni madwar medja, hu
kien jgħid li dak kien għalxejn għax in-naħa l-oħra ma tiġix. Jien kont
wieħed minn dawk li ġbidtlu l-aħħar ritratti. Kont sorpriż meta bgħatt
messaġġ lil diversi trejdunjonisti li kien hemm fuq s-sit soċjali u dawn
wieġbu iżda hu le. It-tweġiba tiegħu la waslet u lanqas se tasal. Dan
għax ġejna nfurmati mis-Segretarju tat-TUC tar-reġjun ta' Yorkshire u
Humber Bill Adams li Ali kien vittma tal-attakk terroristiku." Dawk
preżenti għal din il-konferenza intalbu jagħtu donazzjoni finanzjarja li
se tmur għall-familja.
Ali tista' tgħid li ta' ħajtu għat-trejdunjoniżmu. Fit-Turkija llum qed
jitqies bħala 'wieħed mill-eroj mhux imsemmi'. Hu kien parti
mill-Independent Transportation Union, l-unjin li f'dan l-attakk tilfet
14-il membru.
minn inewsmalta.com
Il-Biker Alex Vella jibqa' maqbud f'Malta...'leave speċjali' ma jingħatalux
Alex Vella, il-biker Malti Awstraljan li issa ilu għal dawn l-aħħar sena u nofs maqbud f'pajjiżna kellu talba għal 'leave speċjali' rifjutata. Minkejja dan il-ġlieda tiegħu kontra l-Gvern Awstraljan se tkompli. Vella spiċċa maqbud f'pajjiżna minħabba li l-Gvern Awstraljan stennieh joħroġ mill-Awstralja u mbagħad irtiralu l-Visa. Vella kien għal vaganza f'Malta meta seħħ dan.
Il-biker li hu l-mexxej tal-akbar klabb tal-mutur fl-Awstralja 'Rebels', fl-aħħar sigħat ingħata sentenza mill-Qorti Awstraljana fejn fiha l-Prim Imħallef Robert French u l-Imħallfin Virginia Bell u Stephen Gageler, f'deċiżjoni unanima iddeċidew li ma jagħtux leave speċjali lil Vella biex jidħol fl-Awstralja. Hu ilu sena u nofs mifrud minn martu u uliedu.
Matul din is-sena Alex Vella integra sew fil-komunità Mostija, fejn ta' kull filgħodu jiltaqa' u jissoċjalizza ma' għadd ta' persuni fil-Mosta f'ħanut tat-te partikolari fil-pjazza tal-Mosta u anke jmur il-quddies kuljum.
Vella, li għandu l-mara, it-tfal u neputijiet fl-Awstralja, se jkompli bil-ġlieda tiegħu u dan wara li tliet imħallfin tal-Qorti Federali iddeċidew li Vella għandu jinżamm milli jidħol fl-Awstralja wara li l-gvern Awstraljan kien waqqaflu l-visa. Vella fil-Qorti sostna li l-gvern Awstraljan kien naqas milli joffrilu ġustizzja naturali.
Vella kien ddikjara ftit sigħat wara li ġiet kanċellata l-visa li, “Ħallewni noħroġ mill-Awstralja u għalquli l-bieb. Din hi logħba li l-awtoritajiet Awstraljani ilhom jilagħbu miegħi. Din hi daqqa minn wara. Jien se niġġieled bil-qawwa kollha. Ġratli darbtejn oħra, waħda minnhom seba’ snin ilu u kelli wkoll niġi lejn Malta. Waqqfuli l-visa bla raġuni ta’ xejn. Għamlu hekk għax jafu li hu diffiċli għalija li minn hawn niġġieled il-każ."
Meta kien tkellem ma' inewsmalta.com Vella kien spjega kif għal darb’oħra l-awtoritajiet Awstraljani ddeċidew li jittrattawh b’mod inġust meta stennewh joħroġ mill-Awstralja u meta raw li sar dan, irrevokawlu l-visa.
“M’għandhomx raġuni għaliex jagħmlu dan. Din hi xi ħaġa li ilhom jagħmluha miegħi,” kien qalilna Alex Vella li llum għandu 61 sena.
minn inewsmalta.com
Il-vjaġġ ta' tama ta' tifel Sirjan...qatt ma nesa l-għajnuna li ngħata minn Malta
Ritratt: Ian Noel Pace
Kien għad lanqas kellu għaxar snin meta għadda minn sensiela ta'
esperjenzi terribbli. Ġlied qalili, sparar, imwiet, ġuħ u vaġġi ebsin.
Tensjoni ma taqta' xejn. Kellu jitlaq minn pajjiżu. Jispiċċa l-Libja.
Wegħduhom li se jagħmlu vjaġġ lejn l-Ewropa b'bastiment kbir
bħat-Titanic. Minflok sabu dgħajsa antik tas-sajd. Spiċċaw familja
mifruda għax ma kellhomx flus biżżejjed għall-vjaġġ. Id-dgħajsa spiċċat
attakkat minn traffikanti. Spiċċat għerqet u hu u familtu spiċċaw
fil-baħar.
Jiddaħħal f'Malta u hawn sab għajnuna kbira. Samira Jamil, Libjana li
tgħix f'Malta u taħdem b'mod volontarju biex tgħin immigranti li waslu
Malta, għenet bil-kbir lil din il-familja Sirjana. It-tifel Al Rosan,
iddaħħal fl-iskola St Michael. Beda jgħix mill-ġdid. Samira saret ħabib
tal-familja. L-istess l-għalliema Sue Gregory.
Fl-iskola kienu jsiru attivitajiet biex jgħinu l-din il-familja tħallas
il-kera tad-dar. Kien minn din l-iskola li ngħata rigal li apprezzah
ħafna - iPad. Il-firda ta' din l-familja mill-ħbieb f'Malta meta marru
l-Ġermanja,ħolqot diqa kbira.
Din il-familja Sirjana issa ilha sena l-Ġermanja, imma qatt ma nsew
l-għajnuna li rċevew f'Malta. Mhux ta' b'xejn li Al Rosan jgħid li hi
x-xewqa tiegħu li jerġa' jiltaqa' ma' Samira. Hi min-naħa tagħha
tirrispondi li "inti tifel inkredbbli. L-istorja tiegħek tmiss il-qlub.
Grazzi għalik li ltqajt ma' ħafna nies u esperjenzajt l-umanità fl-aqwa
tagħha. Nittama li narak ma ndumx".
Fl-aħħar jiem, Samir Jamil kitbet l-istorja ta' dan it-tifel Sirjan u
familtu. Storja li nkitbet mit-tifel stess Al Rosan flimkien ma'
tpinġijiet li għamel. Samira, għandha interess kbir biex tisfida
l-isterjotipi, u tibni pontijiet bejn kulturi differenti. L-istorja li
nkitbet minn Al Rosan, ġiet ippubblikata minn Barakabit.com. Bla dubju
ta' xejn li l-istorja ta' din il-familja u l-ħsibijiet ta' dan it-tifel
f'dak li għadda minnu, juruk stampa ċara tat-tbatija u l-inċertezza
tar-refuġjati Sirjani.
Il-ħajja fil-kamp kienet perfetta…bil-gwerra nqered kollox
"Isejħuli Hamada. Twelidt fis-sena 2003 fil-kamp tar-refuġjati ta' Al
Yarmouk f'Damasku. In-nanniet tiegħi kienu Palestinjani. Konna kuntenti.
ll-kamp kien id-dar tagħna. Kien hemm mal-400,000 Palestinjan. F'Al
Yarmouk m'hemmx tined. Hemmhekk hemm bini proprja - djar, skejjel,
kliniks, ħwienet u anke barbiera. Missieri kellu ħanut u kien ibiegħ
mowbajls, satelliti u anke kompjuers. Kien imsejjaħ Al Rayed. Kien hemm
tlett persuni jaħdmu miegħu. Meta ma kontx inmur skola, jien kont inmur
ngħinu fil-ħanut. Il-ħajja f'Al Yarmouk kienet perfetta, imma meta bdiet
il-gwerra inbidel kollox. Id-dar tagħna saret post tal-biża. Biex
naħarbu l-missili, konna nistaħbew fil-kamra tal-banju. Il-ħamsa li
konna, nintefgħu hemm u nżommu ma' xulxin. Konna nirtogħdu bil-biża.
Il-ġlied kompla jintensifika u jmur għall-agħar. Infirex għat-toroq. Ma
stajtx nmur skola iżjed. Ħuti ma setgħux imorru l-università. Missieri
kellu jagħlaq il-ħanut. Konna nibżgħu nimxu fit-toroq. Fuq is-soqfa kien
ikun hemm l-isnipers, lesti biex jisparaw lejn kull moviment. Matul
il-ġurnata kollha konna nisimgħu l-ħoss tal-isparar u r-rokits. Kull
darba li kien ikollna noħorġu mid-dar, konna nibżgħu li ma nirritornawx
lura. Għal jiem u ġimgħat għexna mingħajr elettriku u konna nużaw
ix-xemgħat. Ilma ma kellniex u ma stajniex ninħaslu. Missieri ma setax
juża l-karozza aktar għax ma petrol ma kienx hemm. Ħadd ma baqa' jiġi
għandna. Lanqas tfal fit-toroq ma bqajna naraw. Kull meta kont inħares
lejn ommi kont naraha tibki. Missieri kien jipprova jitbissmilna imma
din kienet differenti mit-tbissima ta' qabel. Kien jidher imħasseb u
beżgħan. Nista' naħseb x'kien għaddej minn moħħu imma jien qatt ma
staqsejt."
Missieri qalilna li se jkollna nitilqu mid-dar…morna għand in-nanniet
"Missieri kien infurmana li se jkollna nitilqu mid-dar. Għall-ewwel
morna għand in-nanniet. Għal ftit jiem hemmhekk konna siguri imma
l-ġlied kompla jmur għall-agħar. Kuljum konna naraw l-ajruplani jisparaw
l-missili. Kienu xeni li tara fil-films. Ma stajniex norqdu. Lejl
minnhom kelli uġiegħ qawwi fl-istonku imma minħabba l-ġlied ma setgħux
jeħduni l-isptar. Kellna nitilqu mingħand in-nanniet u morna għand
in-nanniet l-oħra. Imma wara ftit jiem il-ġlied laħaq ukoll lil Damasku.
Kien hawn li missieri qalilna li se jkollna nitilqu mis-Sirja.
Ġejna infurmati minn xi ħbieb tagħna li baqgħu fil-kamp ta' Al Yarmouk
li l-ħanut ta' missieri kien intlaqat b'missila. Anki d-dar tagħna
intlaqtet. Bdejt naħseb fuq kamarti u fuq il-ġugarelli u kemm ħadt gost
nilgħab bihom. Missieri qalilna li ftit konna se nġorru affarijiet,
ħallejna kollox warajna. Ommi riedet iġġib ir-ritratti kollha imma kien
hemm ħafna. Ġabet xi ftit u l-oħrajn ħalliethom hemm. Li tlifna kollox
kien xokk għal familja tagħna. Missieri kien jgħid li aħna xortina tajba
aktar minn familji oħra. Dan għax konna għadna flimkien. Xi ħbieb
tagħna kien spiċċaw inħatfu u oħrajn kienu l-ħabs. Kont noqgħod
nissemma' l-konversazzjonijiet tal-adulti fuq dak li kien għaddej.
Ġieli kont nipprova nagħlaq widnejja biex ma nismax, imma ma kienx
jirnexxieli".
Il-vjaġġ ta' tama…jispiċċaw il-Libja
"Mis-Sirja tlaqna lejn il-Libanu, wara lejn l-Eġittu u minn hemm morna
l-Libja. Missieri kien semgħa li fil-Libja jista' jsib xogħol u li ħuti u
jien stajna nkomplu bl-istudji tagħna. Ivvjaġġajna mis-Sirja lejn
il-Libanu u fl-Eġittu dħalna bla problemi. Id-diffikulta kienet meta
ġejna biex nitilqu mill-Eġittu lejn il-Libja. L-Eġizzjani ma riduniex
nitilqu. Staqsejt lil missieri għaliex u qalli li għax Palestinjani.
Rajt li ħafna familji Sirjani li kienu magħna tħallew imorru l-Libja.
Konna l-unika familja li tħallejna fl-fruntiera. Kien bil-lejl meta rajt
lil ommi tibki u tgħid lill-uffiċjal li "mhux biżżejjed li kellna
l-missili sparati lejn id-dar tagħna u kellna naħarbu biex ma nmutux.
Twelidna s-Sirja u għexna hemm. Id-dokumenti ta' vjaġġar tagħna nħarġu
mis-Sirja." Kien hemm xi lukandi fiż-żona imma dawn kienu kollha
mimlijin. Kellna norqdu mal-art. Konna bil-ġuħ u għajjenin. Il-bagalji
użanihom bħala imħaded imma biex nitgħattew ma kellniex. Filgħodu kien
hemm xi ħadd li sar jafu missieri u offra li jwassalna l-Libja hu. Kien
traffikant. Missieri ħallsu u hu għabbiena fuq wara ta' trakk. Qalilna
biex nitbaxxew u għattiena bi gverti.
Meta wasalna fuq il-fruntiera, l-uffiċjal inkarigat qalilna li ma
kellniex it-timbru fuq id-dokument tal-ivvjaġġar. Morna lura l-Eġittu,
fejn iddeċidejna li nibqgħu hemm. Missieri pprova jsib xogħol hemm imma
xogħol ma kienx hemm. Ipprova jdaħħalna fi skola imma qalulu le. Wara
xahar l-Eġittu tlaqna lejn Benghazi. Sibna dar biex ngħixu fiha u ħuti
bdew jaħdmu. Il-ħajja hemm ma kinitx faċli. L-ikel kien għali u kien
hemm il-ġlied fit-toroq. Jien bdejt inmur fi skola iżda ma kontx
kuntent. It-tfal l-oħra kienu jidħku bija. Jien kont l-uniku tifel
b'għajnejja blu. Fis-Sirja kont nieħu gost. Ommi qaltli li jekk inmur
tajjeb fl-eżamijiet kienet se tixtrili iPad. Għaddejt u ommi żammet
kelmitha. Kont kuntent bih u kont nilgħab ħafna logħob u nara
l-cartoons. Anki l-ġenituri tiegħi kienu jużawh biex jikkuntattjaw qraba
fis-Sirja. Kien l-isbaħ rigal li qatt ingħatajt."
"F'Benghazi iltqajna ma' ħafna Libjani li saru ħbieb tagħna. Kienu
jgħinuna u kienu jitrattawna qisna l-familja tagħhom. Imma l-ħajja anki
hemm bdiet issir diffiċli u ddeċidejna li nitilqu.
Missieri kien semgħa bid-dgħajjes li jagħmlu vjaġġi lejn l-Ewropa
mil-Libja. Tkellimna ma' qraba tagħna fl-Isvezja u huma dejjem kienu
jgħidulna biex nagħmlu l-vjaġġ. Huma kienu jgħidulna li l-Isvezja tilqa'
lill-Palestinjani. Missieri qalilna li dan l-vjaġġ hu ċans
għall-familja biex tibda tgħix mill-ġdid. Kollha konna beżgħana
mill-baħar għax konna smajna bi stejjer ta' għarqiet. Lil missieri
qalulu li l-vjaġġ se jkun sigur. Hu xtara xi ġgieket ta' salvataġġ.
Qalulna li d-dgħajsa li konna se nivvjaġġaw biha kienet kbira daqs
il-bastiment Titanic. Missierna qalilna li r-raġel kien żgurah li fuq
id-dgħajsa kien se jkun hemm ħafna ikel, ilma, gabini privati,
lifejackets, bugħaddasa u anke tabib. Missieri ssellef il-flus minn
qraba biex iħallas għall-vjaġġ. Ma kellux flus biżżejjed għall-vjaġġ
tal-familja kollha. Xi ħadd kellu jibqa' l-Libja. Yamen iddeċieda li
jibqa' hu peress li kien it-tifel il-kbir. Sellimnielu b'dieqa kbira u
bkejna. Aktar tard ommi qaltli "li ħallejna lil Yamen warajna tfisser li
ħallejt parti minn qalbi l-Libja". Hi qaltli li ma kinitx ċerta jekk
hux se terġa' tarah. Minn Benghazi qbadna ajruplan u morna lejn Tripli.
Irkibna fuq karozzi tal-linja. Magħna kien hemm familji oħra. Ħaduna
fil-belt li minnha kellna naqbdu d-dgħajsa. lltqajna ma' Khaled. Dan
ħadna lejn dar żgħira u qalilna li l-vjaġġ se jkun l-għada. Kien hemm
żewġ kmamar u fihom kien hemm 125 persuna. L-irġiel inżammu f'kamra u
n-nisa u tfal f'kamra oħra. Kien hemm kamra tal-banju waħda. Ġieli
stennejna għal nofs siegħa sakemm ikollna ċans nidħlu fil-kamra
tal-banju. Ma kienx hemm sodod. Kutri lanqas ma kien hemm. Kien hemm
persuni li mardu bis-sogħla. Ma stajniex niftħu twieqi. Ommi qaltli hawn
qisna qegħdin ġo ħabs. Kien hemm rabja kbira fost in-nies. Wara tmint
ijiem infurmawna li nistgħu nagħmlu l-vjaġġ. Għall-ewwel Khaled qal li
t-tfal kienu se jivvjaġġaw bla ħlas. Iżda wara bidel dan u qal li kull
tifel jew tifla ried iħallas $500. Xi familji kellhom tlieta jew erbat
itfal. Kienet se tiġihom spiża kbira. Ħadd ma ried iħalli t-tfal warajh u
spiċċaw iħallsu."
"Irkibna fuq dinghies u ħaduna fuq dgħajsa. Khaled kien il-ħin kollu
qed jgħajjat magħna. Meta wasalna fuq id-dgħajsa ma stajniex nemmnu dak
li konna qed naraw. Dgħajsa żgħira, antika u mkissra. Missieri beda
jipprova jikkalmana imma minn wiċċu stajt nara li anki hu kien beżgħan.
Kien hemm ħafna nies fuq id-dgħajsa. Missieri qalli li kien hemm madwar
350 persuna fuq dgħajsa li tesa' 100 persuna. Spazju aktar ma kienx
hemm. Wara sagħtejn ta' tbaħħir, resqet dgħajsa lejna u bdejna naraw lil
dawn in-nies jgħajtu mal-kaptan tad-dgħajsa. Riedu li nirritornaw lura
lejn Zuwara. Għall-ewwel missieri qalli li dawk in-nies kienu
mill-Gwardji tal-Kosta Libjana, iżda wara qalli li kienu traffikanti
oħra li ġġieldu ma' Khaled fuq il-flus. Riedu aktar flus mingħandna.
Il-kaptan irrifjuta li jmur lura u wara ħafna għajat smajna xi tiri
sparat mid-dgħajsa ż-żgħira. F'daqqa waħda smajna diversi sparaturi. Ma
kull waħda minnhom qalbi waqfet. It-tfal bdew jgħajtu u jżommu
mal-ġenituri tagħhom. Id-dgħajsa tagħna spiċċat mimlija toqob
tal-isparar. Missieri qalli li l-pompa tad-dgħajsa waqfet taħdem għax
intlaqtet."
"In-nies fuq id-dgħajsa ż-żgħira kienu rrabjati ħafna. Ippruvaw
jgħerrqu d-dgħajsa billi jdawruha b'ħabel u bdew jagħmlu ħafna mewġ biex
forsi d-dgħajsa tegħreq. In-nies bdew iwerżqu u jgħidu li huma
refuġjati mis-Sirja. Qatt ma bżajt daqshekk f'ħajti, lanqas meta l-bombi
niżlu fil-kamp ta' Yarmouk. Niftakar lil missieri jintefa' fuqna biex
ma nintlaqtux mill-bullits. Kien hemm xi nies li intlaqtu. Magħna kien
hemm xi tobba Sirjani. Kien hemm mara qed tibki. Ħsibtha għax kienet qed
tibża imma ommi qaltli li dik kien se jkollha tarbija. Filfatt welldet
tifel."
"F'ħin minnhom il-kaptan qal li konna mitlufin. Kelli l-idea li kaptan
dejjem ikun jaf fejn hu sejjer, imma mhux dan. F'dan il-mument
id-dgħajsa bdiet timtela' bl-ilma u bdiet titlef il-bilanċ. Il-kaptan
beda jipprova jagħmel kuntatt mal-gwardji Taljani. Il-magna waqfet u
magħha waqfet qalbna. Hu għamel kuntatt ma' Khaled f'Zuwara u talbu
jagħmel kuntatt ma' Tas-Salib l-Aħmar. Ma ġara xejn u bdejna nitilfu
t-tama li se nkunu salvati. Stennejna u tlabna li ma nmutux. F'ħin
minnhom id-dgħajsa tmejlet u qam paniku. Mhux kulħadd kellu ġgieget
tas-salvataġġ. Missieri tana il-ġgieġet tas-salvataġġ u talabna
nilbsuhom. Qabel tlajna fuq id-dgħajsa, ommi rabtitli l-iPad ma qaddi
biex ma nitlifhiex. Meta libsitni l-ġakketta qaltli biex inneħħi l-iPad.
Għamilt kif qaltli. Spiċċajna fl-ilma ma' ħafna nies oħra. Ħafna kienu
f'diffikulta għax ma kinux jafu jgħumu. F'ħin minnhom il-kaptan ipprova
jieħu l-ġakketta ta' missieri imma hija waqfu. Lil ommi ma stajt naraha
imkien. Bdejt ngħajjat 'mama', 'mama'. Bdejt nibla' l-ilma. F'ħin
minnhom rajt lil ommi xxejjirli. F'daqqa waħda smajt ħoss kbir u rajt
helikopter li beda jdur fuqna. Bdejna ngħajtu għall-għajnuna.
Mill-helikopter qalulna biex nistennew għax is-salvataġġ kien għoxrin
minuta bogħod. Missieri qalli li konna se nkunu salvati mill-Forzi
Armati Maltin. Il-helikopter kellu bandiera bajda u ħamra. Tefgħu xi
ġgieget ta' salvataġġ. Waslu dinghies u għabbew lin-nisa u tfal. Ħarist
lura għall-aħħar darba u rajt li dgħajsa li konna fuqna kienet inqalbet
kompletament. Kont naf li kien għad hemm nes maqbudin fiha. Beżgħu
jaqbdu fl-ilma. Rajt ħafna iġsma mejtin f'wiċċ l-ilma. Kont naf li dawk
l-iġsma kienu ta' nies u ta' tfal li kienu magħna f'Zuwara. Qatt ma
ħassejtni mdejjaq daqs daknahr. Dak li rajt se jibqa' miegħi għal
dejjem. Li tasal fuq l-art u tħossok sigur, hi xi ħaġa li ukoll ma
tinsiha qatt."
"Itteħidna f'post f'Ħal Far u kienu jiġu ħafna nies bl-għajnuna. Kien
hemm ġenituri li kienu qed jibku għax tilfu l-uliedhom. Ommi u missieri
kienu jippruvaw jgħinu persuni oħra. Kien hemm raġel li kien jibki
ħafna. Ommi qaltli li martu li kienet tqila għerqet u waħda mit-tfal
tewmin tiegħu għerqet ukoll. It-tifla l-oħra kienet magħna u qalulha li
ommha kienet l-isptar. Kien hemm mara u raġel li tilfu it-tfal kollha.
Waħda mill-ewwel li ġiet iżżurna kienet Joanna Muscat. Kienet
torganizzalna għadd kbir ta' attivitajiet. Għenuna ninsew dak li
għaddejna minnu.
Mat-tieni ġurnata ġiet mara li kienet titkellem bl-Għarbi. Kien jisimha
Samira Jamil. Kienet Libjana imma li għexet f'Malta sa minn mindu
kellha 10 snin. Jien kont insejħilha Samira il-amira. Saret ħabiba
speċjali tal-familja. Konna nistennew iż-żjara tagħha. Ippruvat
issibilna dar imma ma kinitx faċli. In-nies bdew jibżgħu jikru djar
għar-refuġjati. Ġurnata minnhom Samira ġiet u qaltli li l-kap tal-iskola
fejn jattendu it-tfal tagħha kienet se taċċettani fl-iskola tagħha.
Konna kuntenti ħafna b'dan. Imma f'moħħi bdew ġejjin ħafna mistoqsijiet.
Kif se nitkellem mat-tfal? Se nagħmel ħbieb magħhom? Kont insejt ħafna
mill-Ingliz li tgħallimt.
Mindu dħalt fl-iskola St Michael ħassejtni milqugħ mill-ewwel.
Mill-iskola stajt nara l-baħar. Kont inkun feraħ u mdejjaq fl-istess
ħin. Dak kien il-baħar li fih għerqu xi wħud minn ħbiebi. Imma kien anke
l-baħar li ġabni f'Malta. Wara ġimgħa mill-iskola tawni rigal. Ftaħtu u
ma stajtx nemmen lil għajnejja. Kien iPad bħal dak li kelli nħalli
fil-baħar. Missieri ma setax isib xogħol. Fl-iskola kienu jaħmu
l-kejkijiet u jbiegħu biex permezz tal-flus li jdaħħlu nkunu nistgħu
nħallsu l-kera tad-dar. L-għalliema Miss Sue kienet tiġi żżurna. Kienet
aktar minn għalliema. Ġurnata minnhom lil Samira għedtilha li nixtieq
nitgħallem ngħum imma kont nibża' mill-baħar. Jien ġieli qomt bil-lejl
nwerżaq għax inkun qed noħlom li qed negħreq. Kont kuntent ħafna meta
bdejt inmur nitgħallem ngħum. Kont infurmat li ħija kien qabad dgħajsa
mil-Libja u daħal Lampedusa. Konna ferħanin għalih".
Morna l-Ġermanja
"Wara sena f'Malta, iddeċidejna li nmorru l-Ġermanja. Missieri kien
baqa' ma sabx xogħol u ħuti riedu jkomplu jistudjaw. Ridna nerġgħu
ningħaqdu bħala familja. Jien ukoll ridt li dan isir imma ma ridt nitlaq
lill-ħbieb li kelli hawn u l-iskola. Bkejna fl-ajruport. Għal darba
oħra konna se nerġgħu nivvjaġġaw. Reġa' kien ix-xahar ta' Ottubru.
Wasalna Berlin. Kienu qalulna li sabulna dar f'belt imsejħa Mullheim.
Tlaqna mill-kamp li konna fih biex morna fiha. Xahrejn wara li konna
dħalna f'din d-dar, kellna żjara sorpriża. Kienet ġiet Miss Sue. Hi ġiet
biex tiċċelebra għeluq snini miegħi. Kienet l-isbaħ rigal. Ħadna ġost
ħafna. Bnejna snowman flimkien. Kienet l-ewwel darba, u għamilnielu
Keffiyeh madwar għonqu.
F'April ta' din is-sena kellu żjara oħra sorpriża. Megan, l-aqwa ħabib
li kelli u ommu ġew iżuruna għal ftit jiem. Issa ilna sena hawn. Meta
ġejt ma kontx naf bil-Ġermaniz imma issa naf sew. Ilna tlett snin li
tlaqna mis-Sirja. Al Yarmouk illum ma jintgħarafx. Belt fanażma. Aħna
fadlilna biss il-memorji ta' dan il-post. Forsi xi darba nmorru lura
imma naħseb li jrid jgħaddi żmien."
'Qatt ma nsejna l-infern li ħoloq il-Vulcan' - anzjani Żabbarin
Dawn kienu l-kummenti li għaddewlna residenti Żabbarin li 40 sena ilu kienu preżenti għat-traġedja li ħalliet mara mejta u ħames membri tal-ekwipaġġ mejtin fit-traġedja tat-tiġrif tal-ajruplan Vulcan fuq Ħaż-Żabbar.
inewsmalta.com permezz tal-fotografu Ian Noel Pace u l-ġurnalista Victor Vella, marru Ħaż-Żabbar fejn tkellmu ma' anzjani dwar din it-traġedja li llum qed tagħlaq 40 sena.
Karmena Demicoli ta' 70 sena qaltilna li, "Kont sejra bit-tfal l-iskola. Kienu xi s-1.15 ta' waranofsinhar. Kienet ġurnata sabiħa ħafna. Kelli ħabiba jisimha Lucy u għedtilha ejja mmorru ftit kmieni bit-tfal. Morna jien, hi u t-tfal.
F'ħin minnhom smajt bħal splużjoni fl-arju u nara ajruplan. Kien qed jaqbad u jisplodi fl-ajru. Beda sejjer paq paq paq. Immutajt. Fl-istess ħin qed narah jinfetaħ bl-istess splużjoni. Biċċa minn żaqqu marret 'l hemm u biċċiet oħrajn ġew 'l hawn. Il-ġewnaħ waqa' fit-triq il-ġdida. Naraw bħal daħna kbira ħafna. Kelli t-tifla ż-żgħira Mariella u lil din kont kaxkartha. Lit-tfal lanqas bgħatniehom skola. Ommi kienet anke ġiet tfittixni. Kien hawn traġedja. Wara qaluli li l-ġewnaħ niżel fit-triq il-ġdida. Issa hemm ikollok it-tfal tal-skola. Kumbinazzjoni lanqas ħadd ma ħareġ. Veru li l-Madonna tal-Grazzja ħelsithielna. Meta jasal iż-żmien tiegħu jien nibda ngħid li traġedja bħal din qatt ma rajt. Dakinhar kont qisni qed nara film. Qatt ma nsejtha; dejjem niftakar fiha," tirrakkonta Karmena.
Angelica Schembri, li toqgħod f'dar li jisimha Vulcan u hemm anki biċċa mill-ajruplan imwaħħla mal-faċċata, meta tkellmet ma' inewsmalta.com qaltilna li, "Jien kont hawn fid-dar. Smajna splużjoni. Hsibnieha xi ċilindru tal-gass. Lil ommi għedtilha l-marelli dan iċ-ċilindru x'ħoss għamel. Ħriġt niġri u kif ħarist 'il fuq nara daħna kbira."
Tispjega kif ġew infurmati biex jitilqu minn darhom u marru f'żona oħra f'Ħaż-Żabbar. Ma stajniex ma nistaqsuhiex dwar il-biċċa metall li hemm mal-faċċata tad-dar tagħha u l-isem 'Vulcan', u tgħidilna li dik kien ġabha missierha.
inewsmalta.com tkellem ukoll ma' Grace Pace, li qaltilna li, "Kieku dak iż-żmien kont ngħix hawn u ma kontx għand ommi ma kont inkun naf xejn. Inzerta li ommi kellha attakk f'qalbha u konna morna ngħixu għal xi żmien magħha. Kont qed nieħu t-te u ommi kienet fis-sodda u smajna qisu ħsejjes bħal trikki trakki. Ommi qaltli "ġew għalina. Daħluna". Il-ħoss ġie qisu mill-bitħa. Jgħidu li jien fil-gwerra meta kont għadni daqsxejn ta' tifla meta kont nisma' l-ajruplani kont nitla' fuq il-bejt. Dakinhar insejt lit-tfal u tlajt fuq il-bejt. Ftaħt il-bieb biex nara x'ġara. Nara mhux ħuġġieġa waħda imma ħafna ilsna tan-nar. Għedtilha ġara xi ħaġa fit-triq il-ġdida. Ittawwalt fit-triq u rajt infern. Rajt lill-kappillan u t-tabib. Inkwetajt għax ir-raġel kien xogħol u t-telefown inqata'. Hu kellu jimxi mill-Fgura sad-dar għax ma setax iċempel. L-għalliema tat-tifel ġiet id-dar bex iċċempel u sserraħ ras il-qraba tagħha. Imma ma setgħetx taqbad. Morna t-triq il-ġdida u rajna dak id-diżastru. Kullimken iswed u tifrik. Dik li mietet, kien hemm xi ħadd li qalli li kienet spiċċat maħruqa u kienet qisha qed tara zokk ta' sigra. Għarfuha minn xi ħaġa tad-deheb li kellha."
Tgħidilna li, "Għadda dan iż-żmien kollu u l-qatgħa tibqa' fuqek. Allavolja għaddew erbgħin sena. Meta niftakar tiġini dehxa. Kull sena niftakar fiha."
F'dik it-traġedja mietet Vinċenza Zammit ta' 48 sena u ħames membri li kienu jiffurmaw parti minn ekwipaġġ ta' sebgħa fuq ajruplan militari Ingliż tat-tip Vulcan Bomber. L-ajruplan wara li sploda kien ħalla straġi sħiħa fi Triq is-Santwarju f'Ħaż-Żabbar. L-ajruplan kien fuq titjira ta' taħriġ minn Londra għal Malta u kien mistenni jdum Malta tlett ijiem.
Kawża tal-isplużjoni mhux inqas minn għoxrin Malti, fosthom tifel ta' madwar seba' snin, kienu ttieħdu b'urġenza fl-Isptar San Luqa. Wara li ġew imdewwijin tmienja minn dawk feruti intbagħtu lejn id-dar u sebgħa oħra nżammu għal aktar kura.
Kien għall-ħabta tas-siegħa ta' waranofsinhar meta l-ajruplan Vulcan deher riesaq lejn l-ajruport. Kif kien xi mitejn jarda bogħod, qabel ma mess mal-mitjar, l-ajruplan beda nieżel b'ħeffa mhux tas-soltu. Bis-sabta li ħa, il-Vulcan tajjar ir-roti tax-xellug u għal xi tul tkaxkar fuq denbu. Dan l-episodju qasir kien il-bidu ta' traġedja li kexkxet liż-Żabbarin.
Jidher li l-bdot kien iddeċieda li ma jkomplix jillandja u reġa' tar. Dan irnexxielu jagħmlu. Dilettant tal-ajvazzjoni li dakinhar kien qed jisma' r-radju fuq il-frekwenza tat-Torri tal-Kontroll, sema' lill-bdot jgħid li "se nagħmel dawra oħra". It-tweġiba mit-Torri tal-Kontroll kienet li "naħseb li l-ajruplan qed jaqbad".
L-ajruplan deher qed idur iżda kif kien fuq Ħaż-Żabbar dan iddisintegra u sploda. Żewġ membri tal-ekwipaġġ irnexxielhom jaqbżu bil-paraxut.
Żewġ partijiet kbar mill-ajruplan niżlu fl-iskola primarja u fuq bejt ta' garaxx li hemm fi Triq Santa Tereża viċin l-iskola. Għalkemm dak il-ħin fl-iskola kien hemm xi tfal u xi għalliema, b'fortuna kbira ħadd ma weġġa'. Partijiet żgħar oħra ġew f'għelieqi fil-qrib, fuq bjut, fi djar u fi pjazza San Ġakbu magħrufa bħala l-Misraħ. Għadd ta' aerials tat-televiżjoni tqaċċtu u d-dawl elettriku nqata' minnufih. Għadd ta' karozzi fil-qrib inħarqu bl-istess petrol li ħalla warajh l-ajruplan sekondi qabel niżel fl-għalqa.
Fi Triq is-Santwarju kien hemm konfużjoni sħiħa u fl-għelieqi 'l ġewwa minn Triq Santa Duminka, fejn straħ l-ajruplan, kien hemm storja oħra. In-nies marret bi ħġarha fuq il-post fejn kien hemm xeni deskritti minn dawk preżenti bħala 'tat-tkexkix'. Fil-ġenb ta' din l-għalqa kien hemm l-ajruplan miksi bi dħaħen u nirien. F'ħin minnhom instemgħu żewġ splużjonijiet qawwija. Waqt li kienet qed issir ġlieda kontra n-nirien, ġriet l-aħbar li kien hemm dar li kienet qed taqbad.
Tħejja dokumentarju
Intant fl-okkażjoni tal-40 sena anniversarju minn din it-traġedja, is-Sottokumitat Edukazzjoni u Żgħażagħ fi ħdan il-kunsill lokali ta' Ħaż-Żabbar ħejja dokumentarju biex ifakkar din it-traġedja. Dan jikkonsisti f'intervisti u filmati antiki. Il-ġrajja se titfakkar b'quddiesa llum u wara jkun hemm programm qasir fejn se jintwera dokumentarju.
minn inewsmalta.com
Thursday, October 8, 2015
F'sena…..
Ħamest itfal Maltin adottati
minn Maltin
Waqt li s-sitwazzjoni ta' adozzjonijiet minn Maltin minn pajjiżi barranin baqgħet waħda kajmana għall-aħħar b'pajjiżi li Maltin kienu jadottaw minnhom baqgħu magħluqin, qed jirriżulta li bejn Awwissu tas-sena li għaddiet u Awwissu ta' din is-sena kien hemm 5 tfal Maltin li kienu adottati minn familji Maltin. Din l-informazzjoni ngħatat mill-Ministru Michael Farrugia fil-Parlament.
Ta' min jgħid li n-numru ta’ adozzjonijiet ta` minuri Maltin minn ġenituri adottivi Maltin fis-sena 2009 kien ta' sitt itfal. Fis-sena 2010 kienu ġew adottati tlett minuri Maltin fejn il-ġenituri adottivi kienu Maltin. Fis-sena 2011 kien hemm minuri wieħed li ġie adottat. Fis-sena 2012 kienu ġew adottati tlett minuri Maltin u fis-sena 2013 ma saret l-ebda adozzjoni ta` minuri Maltin minn ġenituri Maltin.
"Semmielna fejn Lawrence Gonzi qal li
l-faqar hu perċezzjoni?….Ġunju tas-sena 2010
Hekk kif fil-ħin tal-mistoqsijiet Parlamentari kien hemm għadd ta' domandi dwar il-faqar u dawk f'riskju ta' faqar, qam battibekk bejn il-Ministru Michael Farrugia u d-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar. Il-battibekk qam meta l-Ministru Farrugia qal li dan il-Gvern qed jaħdem biex inaqqas il-faqar u li mhux se jagħmel bħal Prim Ministru Lawrence Gonzi li kien jgħid li l-faqar hu perċezzjoni. Kien hawn li d-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar talab lill-Ministru Farrugia jgħid fejn Gonzi kien qal li l-faqar hu perċezzjoni.
Il-Ministru Farrugia waqt li ma semmiex fejn u meta dan intqal, sostna li din kien qalha f'attivita li fiha semgħu ħafna nies.
inewsmalta hi nfurmata li Gonzi kien iddikjara dan nhar il-Ġimgħa 25 ta' Ġunju tas-sena 2010. Dakinhar meta kien qed jirreferi għal rapport Ewropew dwar il-faqar f'Malta, liema rapport kien sab li 61 fil-mja qed jiġġieldu sew mal-ħajja biex jgħixu b'mod partikolari biex iħallsu l-kontijiet għoljin tad-dawl.
Lawrence Gonzi kien qal li l-Gvern qed jagħmel ħiltu ibiddel il-perċezzjoni tal-faqar f'Malta.
Konsumaturi b'aktar aċċess għal
drittijiethom
Intant il-Parlament lbieraħ iddiskuta l-att li jemenda l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur għal affarijiet oħra konsegwenzjali jew anċillari għal dan. Il-Ministru Helena Dalli spjegat li dan l-abbozz se jkun qed jagħti aktar aċċess biex il-konsumaturi jieħdu dak li ħallsu għalih.
L-att jgħid li l-konsumaturi għandhom id-dritt ta’ aċċess għall-proċeduri tal-ADR li jikkonċernaw dak it-tilwim li jista’ jkollhom ma’ negozjanti. Iżda meta ma jkunx hemm entità tal-ADR kompetenti sabiex tieħu ħsieb li tinstab soluzzjoni għal dan it-tilwim, dan it-tilwim għandu jintbagħat lil dik l-entità tal-ADR residwa jew dawk l-entitajiet tal-ADR residwi lijistgħu minn żmien għal żmien jkunu maħtura abbażi ta’ din it-Taqsima. L-att jgħid li kuntratt ta’ bejgħ tfisser kull kuntratt li permezz tiegħu n-negozjant jittrasferixxi jew jimpenja ruħu li jittrasferixxi l-proprjetà ta’ oġġetti lill-konsumatur u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz ta’ dawn l-oġġetti, kif ukoll kull kuntratt li għandu bħala s-suġġett tiegħu kemm oġġetti kif ukoll servizzi. L-att jgħid li kuntratt ta’ servizz tfisser kull kuntratt li mhuwiex kuntratt ta’ bejgħ li abbażi tiegħu n-negozjant iforni jew jimpenja ruħu li jforni servizz lill-konsumatur u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz għal dan.
"Ippubblika l-kuntratt mal-kumpanija
Spanjola li tmexxi t-trasport pubbliku"
- Id-Deputata Nazzjonalista Marthese Portelli
Id-Deputata Nazzjonalista Marthese Portelli fil-ħin tal-aġġornament tal-Parlament tkellmet dwar il-problema tat-traffiku u qalet li hemm ħafna u ħafna ħaddiema li qed jaslu tard kull filgħodu waqt li għadd ta' ħwienet qed jispiċċaw jiftħu ukoll tard. Hi appellat lill-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi biex jippubblika l-kuntratt mal-kumpanija Spanjola li qed tmexxi t-trasport pubbliku.
Kif il-Gvern jitratta t-traffiku hi
garanzija li fil-futur se jkollna falliment
- id-Deputt Nazzjonalista Censu Galea
Id-Deputat Nazzjonalista Censu Galea, fl-aġġornament tal-Parlament qal li "l-mod kif il-Gvern qed jitratta l-kwistjoni tat-traffiku, hi garanzija li fiż-żmien li ġej se jkollna falliment u minn dan se nbatu aħna bħala Maltin."
Censu Galea tkellem dwar il-problema tat-traffiku u qal li ta' kull filgħodu minn fejn l-Knisja ta' San Pawl il-Baħar sar-rawndebawt li tinsab fil-bidu tal-lokal tieħu xejn inqas minn nofs siegħa biex tasal. Hu spjega li minkejja li saret Triq il-Kosta, xorta waħda fiż-żmien li ġej se jkun hemm problemi mar-rawndebawt fil-bidu ta' San Pawl il-Baħar.
Hu qal b'ton sarkastiku li f'dan qed isiru l-mirakli u dan għax f'nifs jingħad li żdiedu dawk li qed jużaw tal-linja u mill-banda l-oħra t-toroq huma ġġamjati bit-traffiku.
Minn L-ORIZZONT
Wednesday, October 7, 2015
It-traffiku diskuss fil-Parlament….
Żieda ta' karreġġjati hi proposta
biex jittaffa t-traffiku
"X'se nagħmlu fuq it-traffiku?" "Se nibqgħu naħlu siegħa filgħodu u oħra filgħaxija mwaħħlin f'konġestjoni?" "Se nibqgħu Malta tieqaf u tiġġamja kull meta tagħmel ħalba xita qawwija? Dawn huma uħud mill-mistoqsijiet tal-pubbliku inġenerali dwar il-konġestjonijiet tat-traffiku li qed jesperjenza pajjiżna. B'mod mhux previst id-diskussjoni dwar it-traffiku kkaratterizzat id-dibattitu Parlamentari talbieraħ. Kien dibattitu li dam xejn inqas minn sagħtejn u nofs. L-istess kif fit-traffiku tkun wieqaf bil-ħin għaddej, fil-Parlament spikkaw diskorsi politiċi u retoriċi. Kien biss mid-diskors tal-Prim Ministru, Joseph Muscat li ħarġu proposti ta' x'jista jsir u x'se jkun implimentat fil-ġimgħat li ġejjin. Proposta li qatt ma kienet issemmiet hi dik ta' 'Tidal Systems' fejn ċerti toroq tiżdidilhom karreġġjata minn naħa l-oħra tat-triq f'ħinijiet meta jkun hemm it-traffiku.
Joseph Muscat ħabbar li fil-baġit se jitħabbru xi proposti u dwar dawn se ssir konsulazzjoni pubblika. Joseph Muscat spjega kif ta' kuljum 40 karozza ġdida qed joħorġu fit-toroq tagħna. Hu tkellem dwar Singapore u qal li hemm m'hemmx problema ta' traffiku għax il-karozza hi meqjusa bħala lussu.
Karreġġjata tonqos minn naħa u tiżdied
f'oħra hi miżura li se titwettaq f'ċerti toroq
- il-Prim Ministru
Il-Prim Ministru Joseph Muscat fid-dibattitu dwar it-traffiku qal li l-infrastruttura tat-toroq qed tikkrolla. Tenna li qed tiġi esplorata l-implmentazzjoni ta' t-tidal systems. Qal li din tfisser li jkollok triq b'erba karreġġjata, tnejn 'l fuq u tnejn l-isfel. Tidal System tfisser li f'ħin ta' filgħodu meta jkun hemm konġestjoni f'dik it-triq f'direzzjoni partikolari tiżdied b'karreġġjata li tkun fuq in-naħa l-oħra tat-triq li minnha ma' jkunx għaddej traffiku. Dan hu esperiment li se jibda f'ċerti toroq. Hu enfasizza li din il-proposta mhux se ssolvi l-problema imma għandha tgħin.
Hu spjega li l-Gvern tiegħu ma sab l-ebda pjan nazzjonali dwar it-traffiku.
Il-Parlament iddiskuta l-problema tat-traffiku mingħajr il-preżenza tal-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi. Dan wassal biex Marthese Portelli qalet li dan forsi juri li dan hu ministru irrilevanti. Il-Ministru Bonniċi qal li fil-mozzjoni tal-Oppożizzjoni m'hemmx proposta waħda.
Bin-naħa Nazzjonalista permezz tad-Deputata Kristy Debono jistaqsu x'qed jagħmel il-Gvern dwar it-traffiku, u bid-Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli tgħid li l-Prim Ministru ta' llum kien qal li se jitratta t-traffiku.
Il-Ministru Owen Bonniċi qal li l-problema tat-traffiku hi realtà li qed jiffaċċjaw in-nies. Qal li l-agħar ħaġa li tista' ssir hi dik li d-dibattitu ikun politiċizzat.
B'għajat minn naħa Nazzjonalista hu semma' kif fis-sena 2000, Censu Galea li dak iż-żmien kien Ministru kien qal li jridu jittieħdu miżuri biex il-pajjiż jilqa' għall-isfida tat-traffiku. Tenna li 11-il sena wara l-Ministru Austin Gatt kien qal li l-pajjiż m'għandu ebda pjan nazzjonali holistiku dwar it-trasport u t-traffiku. Hu imbagħad ikkwota r-rapport tat-telfa tal-Partit Nazzjonalista fejn d-dewmien biex isiru ċerti toroq u toroq fi stat ħażin kienu parti mir-raġunijiet tat-telfa tal-Partit Nazzjonalista.
Wara l-intervent tal-Ministru Bonniċi, tkellem il-Kap tal-ppożizzjoni Simon Busuttil u qal li l-Oppożizzjoni lesta li tiddiskuti t-traffiku f'din is-seduta. l-Prim Ministru wieġeb għal dan billi qal li m'għandux problema li dan isir basta mingħajr vot. L-Oppożizzjoni qablet ma' dan.
Ma jreġix l-argument li l-problema
tat-traffiku ġejja mill-passat
- Dr. Simon Busuttil
Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr. Simon Busuttil, fid-dibattitu Parlamentari qal li ma jreġix l-argument li l-problema tat-traffiku ġejja mill-passat u dan għax dan il-Gvern ilu hemm sentejn u nofs.
Hu qal li l-problema tat-traffiku saret problema nazzjonali. Tenna li n-nies qed jaħlu siegħa filgħodu u oħra filgħaxija mwaħħlin fit-traffiku. Enfasizza li kien hemm min tilef titjira, oħrajn tilfu operazzjoni jew appuntament l-isptar, waqt li tfal qed jaslu tard l-iskola. Qal li l-ħin moħli fit-traffiku jaffettwa b'mod negattiv l-ekonomija u anke żżid it-tniġġiż. Tenna li l-argument li l-problema ġejja mill-passat ma jreġix u dan għax issa dan il-Gvern ilu sentejn u nofs li tela'.
Qal li l-gvern jinsab f'sitwazzjoni fejn hemm żewġ ministri, Joe Mizzi u Evarist Bartolo li qed jimpikaw bejniethom u jitfgħu l-botti l-xulxin.
Nies qed jixtru l-essenzjali biss
minħabba t-traffiku
- Marthese Portelli
Id-Deputata Nazzjonalista, Marthese Portelli fl-intervent tagħha iddikjarat li hawn nies li qed jixtru dak biss li hu essenzjali u dan minħabba l-problema tat-traffiku. Fl-intervent tagħha, hi semmiet diversi setturi li jintlaqtu b'mod negattiv minn konġestjoni tat-traffiku. Hi saħqet li hemm bżonn li jsir pjan u studju dettaljat dwar il-problema tat-traffiku.
"Int għandek xogħlok grazzi
għall-Gvern Nazzjonalista"
- Toni Bezzina lis-Segretarju Parlamentari Ian Borg
Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina iddikjara li s-Segretarju Parlamentari Ian Borg għandu x-xogħol li għandu grazzi għall-Partit Nazzjonalista. Ian Borg hu responsabbli mill-fondi Ewropej. Toni Bezzina ddikjara li jaqbel mal-proġett ta' junction fil-Marsa.
minn L-ORIZZONT
Traġedja li għandna tfal li qatt
m'għamlu test jew eżami
Waħda mill-problemi li jiffaċċjaw l-amministrazzjonijiet tal-iskejjel hi dik tal-pressjoni li ssir minn ġenituri biex uliedhom jingħataw Learning Support Assistant (LSA). Dwar il-kwistjoni tal-LSA's fl-iskejjel u r-riżultati jew nuqqas ta' riżultati li qed jinkisbu wassal biex fil-Parlament, il-Ministru Evarist Bartolo ddeskriva bħala traġedja nazzjonali l-fatt li hemm studenti li ta' 15-il sena la jkunu għamlu test u lanqas eżami. Hu qal li maż-żmien ingħatat illużjoni perikoluża lill-ġenituri li l-LSA hi soluzzjoni maġika. Iddikjara li hemm każijiet fejn l-LSA's saru bastun għat-tfal fejn dawn spiċċaw jgħaddu l-bżonnijiet fuq l-adulti li jkun hemm magħhom.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo, fil-ħin tal-mistoqsijiet fil-Parlament, qal li, "Il-kwistjoni tal-LSA's hi waħda mill-akbar sfidi li għandna. Kull Gvern ipprovda servizzi u ħoloq programmi bla ma stenna li jkollu nies imħarrġin għal dawk is-servizzi. Kellna żmien ilu l-għalliema ta' emerġenza u dawn kienu nies li jafu ftit skola u li bagħtu għalihom għax għallinqas kienu jafu xi ħaġa. Il-proċess ta' inklużjoni inxtered u kiber ħafna bla ma kien hemm nies imħarrġin.
"Ilum qegħdin f'sitwazzjoni xejn feliċi fejn inti tidħol tagħmel xogħol responsabbli ħafna ma' dawn it-tfal u dan mhux dejjem b'taħriġ meħtieġ. Illum nafu li fix-xejra differenti ta' diżabilitajiet li jkollhom it-tfal, hemm bżonn nies imħarrġin tajjeb. Nafu x'inhi s-sitwazzjoni. Sena u nofs ilu għamilna awditjar tas-sistema u ħareġ rapport interessanti ħafna. Waħda mir-rakkomandazzjonijiet li saret hi dik li jkun hemm taħriġ. Hemm bżonn żewġ tipi ta' korsijiet - dak li nġeddu t-tagħlim u l-għarfien tal-LSA's u taħriġ għal dawk li ma ħadux taħriġ."
Enfasizza li, "Għal ħafna snin iż-żewġ naħat tal-Kamra, bħala politiċi biex nissimplifikaw l-affarijiet u forsi biex nidhru ħelwin, tajna l-illużjoni perikoluża lill-ġenituri li jekk tfal għandhom problema l-LSA hi soluzzjoni maġika. L-LSA mhix soluzzjoni maġika. Għandna sitwazzjoni flok l-LSA tgħin lit-tfal jiżviluppaw dawn saru bastun għat-tfal. Saru bastun biex flok it-tfal jitgħallmu jimxu u jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, dawn spiċċaw l-ħin kollu jittrasferixxu l-bżonnijiet fuq l-adulti li hemm magħhom.
"Għandna tfal, tragedja ngħidilha din, li jaslu fis-sekondarja fejn dawn la qatt għamlu test jew eżami u għax bl-LSA jiġu eżentati. Imbagħad ta' 12, 13, u 14-il-sena nippretendu li se jiffjorixxu f'personalitajiet indipendenti. Irridu nibdew, naf li hi diffiċli, li jkollna l-flessibilità li noħolqulhom programmi imfasslin għalihom. L-LSA's xogħolhom hu li jiffaċilitaw u li jkunu pont ta' x'qed jiġri fil-klassi. Dawk it-tfal inkejluhom mhux kemm imorru skola u kemm għandna bl-LSA. B'dan niġu l-ewwel fl-Unjoni Ewropea. L-istatistika li għandna nkunu kuntenti biha hi kemm ikomplu jistudjaw wara s-16-il sena. Hawnhekk qegħdin f'sitwazzjoni miżerabbli. Irid ikollna mudell li jekk irridu ugwaljanza u inklużjoni dawn it-tfal niżviluppawlhom il-ħiliet tagħhom.
"Ikun għamel pass tajjeb dan il-pajjiż meta l-LSA's l-ewwel jagħmlu kors bħal għalliema u wara jingħataw l-warrant meħtieġ. Jien ngħid li, iva, dawn għandhom ikollhom warrant," qal Evarist Bartolo.
minn L-ORIZZONT
Tuesday, October 6, 2015
Birdlife fi Strasburgu titlob l-appoġġ tal-MEP's…..
Kampanja kontra l-kaċċa barra minn Malta… ….
"Birdlife ma jistgħux iniżżlu t-telfa"
Kważi sitt xhur wara li għadda r-referendum dwar jekk għandhiex tibqa' l-kaċċa fir-rebbiegħa fejn maġġoranza qablu li tibqa' l-kaċċa fir-rebbiegħa għal gamiema u s-summiena, l-Birdlife imbarkat fuq kampanja ġdida. Dan hekk kif f'dawn il-jumejn membri ta' Birdlife Malta kienu fil-bini tal-Parlament fi Strasburgu u hemmhekk qed iħeġġu Parlamentari Ewropej biex jingħaqdu mas-sejħa tagħha biex il-Kummissjoni Ewropea tieħu proċeduri fil-Qorti kontra Malta dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa u l-insib. Din il-kampanja ġdida qed issir fi żmien meta f'pajjiżna kellna staġun mill-aktar kwiet fejn jidħlu illegalitajiet marbutin mal-kaċċa. Dan qed jiġi kkonfermat minn sorsi qrib it-Taqsima tal-nfurzar tal-Pulizija u anke mill-CABS infushom. Anki persuni li jsegwu mill-qrib il-passa ta-għasafar f'Settembru qed isostnu li dan kien staġun kwiet. Mhux biss kien staġun kwiet imma qed tidħol prassi fost għadd ta' kaċċaturi li jiġbdu ritratti ta' tajr protett. Birdlife fil-laqgħat li kellha ma' Parlamentari Ewropej fi Strasburgu qed isostnu li Malta qed tikser liġijiet Ewropej meta qed tħalli li jinqatlu u jinqabdu eluf ta' tajr kull sena. Waqt li semmiet li l-gamiema daħlet fl-lista ta' għasafar f'periklu fl-Ewropa, imma din qed tinqabad f'Malta fir-rebbiegħa. Birdlife enfasizzat li se tibgħat ittra lill-Kummissarju għall-Ambjent, Karmenu Vella u fiha se titolbu jieħu azzjoni kontra Malta. Mitlub jikkummenta minn L-ORIZZONT, is-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK) Lino Farrugia qalilna li "hu minnu li l-gamiema fl-Ewropa ġiet klassifikata vulnerabbli. Imma din ġiet klassifikata hekk mhux minħabba l-kaċċa ta' Malta". B'riferenza għall-kampanja ġdida ta' Birdlife, qalilna li "għadhom ma jridux jammettu l-Birdlife. Kien hemm kawża u rbaħniha u anke r-referendum rbaħna. Jagħmlu huma u aħna nagħmlu aħna", temm jgħid Lino Farrugia.
Minn L-ORIZZONT
Il-Pulizija ma tistax tiħu passi
kontra min jilbes il-Burka
Il-kwistjoni tal-Burka li jilbsu ċerti nisa barranin qajmet diskussjoni kemm il-darba, fejn huma bosta dawk li jargumentaw li din m'għandhiex tiġi permessa. Fil-Parlament, il-Ministru Carmelo Abela ddikjara li l-Pulizija ma tistax tiħu passi kontra min jilbes il-Burka.
Kien id-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli li staqsa x'passi jittieħdu mill-pulizija jekk persuna tkun f’post pubbliku b’wiċċha mgħammad? Staqsa ukoll liema huma l-eċċezzjonijiet fejn il-pulizija ma’ tieħux passi kontra persuni b’wiċċhom mgħammad?
Il-Ministru Carmelo Abela wieġeb li ninsab infurmat li l-Pulizija tieħu il-passi neċessarji kontra kull persuna li tkun l-iebsa xi maskra jew tibdel is-sura tagħha bi ksur tal-Artiklu 338(n) tal-Kodici Kriminali. Passi ma jittieħdux kontra persuni li jilbsu velu li jkopri ir-ras u l-wiċċ minħabba twemmin reliġjuż, peress li dan ma jammontax għal ksur tal-istess kontravenzjoni. Iżda il-Pulizija jistgħu jordnaw il-kxif jew tneħħija ta’ dan il-velu meta jkollhom suspett raġjonevoli li dik il-persuni tkun ser tagħmel reat"
Minn L-ORIZZONT
Bumbardamenti mir-Russja fis-Sirja…..
"Ma naf bl-ebda kunflitt li
ssolva bil-bombi"
- il-Prim Ministru Joseph Muscat
Hekk kif fl-aħħar jiem komplew il-bumbardamenti mill-Qawwa tal-Ajru Russa fis-Sirja, il-Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara fi stqarrija ministerjali wara mistoqsija mill-Kap tal-Oppożizzjoni, li hu ma jaf bl-ebda kunflitt li ssolva bil-bombi. Il-Kap tal-Oppżizzjoni bil-mistoqsija talab informazzjoni dwar x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar l-attakki mir-Russja.
Fl-istqarrija ministerjali dwar dak li rriżulta mis-summit fi Brussels, l-Prim Ministru ddikjara li bil-pożizzjoni li ħadet Malta, jekk f'pajjiżna jiġi fi kriżi b'influss ta' immigranti, Malta tistenna solidarjetà konkreta.
Muscat qal li diversi gvernijiet Ewropej bidlu l-pożizzjoni tagħhom dwar l-immigrazzjoni. Dwar dan, għadda botta politika Dr. Simon Busuttil fejn iddikjara li anki Joseph Muscat bidel il-pożizzjoni għax dan kien semma' l-push back għall-immigranti. Minn naħa tiegħu Busuttil ddikjara li push back ma tistax issir.
Minn naħa tiegħu, Dr. Joseph Muscat qal li "push back saret darba biss u ma saritx minn dan il-Gvern"
Hu spjega li Malta ma ssemmietx mal-Greċja u l-Italja u dan għal raġuni li "aħna għax m'għandniex kriżi. Sa llum m'għandniex kriżi. Daħlu biss 105 persuna. Tista' tinbidel għada filgħodu".
minn L-ORIZZONT
Li titgħallem sengħa f'dan il-pajjiż saret tabu……
Emoraġija immorali fost
studenti tal-ħames sena
- il-Ministru Evarist Bartolo
Minn Victor Vella
"Emoraġija immorali. Din trid tkun trattata b'mod urġenti". Dan iddikjarah il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo b'riferenza għall-fatt li xejn inqas minn 25 fil-mija tal-istudenti tal-ħames sena tas-sekondarja meta jispiċċaw dik s-sena la jidħlu fid-dinja tax-xogħol u lanqas ikomplu jistudjaw. Hu ddeskriva dan bħala "telf ta' studenti" u semma' l-bżonn ta' aktar edukazzjoni vokazzjonali. Minn naħa tiegħu, l-Prim Ministru, Joseph Muscat iddikjara li t-tagħlim tas-snajja f'Malta sar tabu.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Bartolo qalu dan waqt li indirizzaw konferenza li fiha ġie mniedi rapport intitolat bħala l-Indiċi tal-Impjegabilità. Dan hu l-ewwel rapport tax-xorta tiegħu li sar f'pajjiżna. Dan ir-rapport janalizza s-suq tax-xogħol b'mod partikolari fejn jidħlu l-impjiegi li jkunu fihom dawk li jkunu għadhom kif iggradwaw.
Mir-rapport joħroġ li jekk wieħed jieħu dawk li ggradwaw mill-Università ta' Malta fis-sena 2012 isib li 74.1 fil-mija sabu impjieg fl-istess linja li studjaw fiha. Minn dawn kien hemm 65.2 fil-mija li kienu qed jaħdmu f'xogħol li jaqbel mal-linja tagħhom u li kienu kwalifikati għalih. Kien hemm 8.9 fil-mija li kienu qed jaħdmu f'xogħol li kien fl-istess linja li huma studjaw imma li huma jkollhom livell ta' edukazzjoni akbar minn dak rikjest għal dak ix-xogħol partikolari.
Kien hemm imbagħad 25.9 fil-mija tal-gradwat li kienu qed jaħdmu f'xogħol li mhux fl-istess linja li studjaw fiha.
Jekk imbagħad wieħed jieħu s-sena 2013 u jara x'ġara minn dawk il-gradwati li ggradwaw fis-sena 2012 u fejn kienu qed jaħdmu isib li dawk li kienu qed jaħdmu f'xogħol fil-linja li studjaw fiha żdiedu minn 74.1 fil-mija għal 79.4 fil-mija. Dawk li kienu qed jaħdmu f'xogħol li mhux relatat mal-linja tagħhom naraw li dan naqas minn 25.9 fil-mija għal 20.6 fil-mija.
Fost il-fakultajiet universitarji li kellhom l-akbar ammont ta' gradwati li kienu qed jaħdmu f'xogħol mhux relatat ma' dak li studjaw, hemm il-Fakultà tal-Arti li kellha 67.9 fil-mija ta' dawk li gradwaw fis-sena 2012 li kienu f'impjieg li mhux fil-linja ta' dak li studjaw fiha. Il-Fakultà tal-Liġi u l-Fakultà tal-Kommunkazzjoni kellhom 66.1 fil-mija u 53.3 fil-mija tal-gradwati f'xogħol li mhux relatat ma' dak li studjaw għalih.
Fejn jidħlu l-istudenti li jiggradwaw mill-MCAST naraw li minn dawk li ggradwaw fis-sena 2012 kien hemm 53.5 fil-mija li kienu qed jaħdmu f'xogħol li kien fil-linja ta' dak li studjaw. Minn dawn kien hemm 41.5 fil-mija li kienu kwalifikati għal dan ix-xogħol u 12 fil-mija li kellhom kwalifiċi għola għax-xogħol li kienu qed jagħmlu. Kien hemm imbagħad 46.5 fil-mija li kienu qed jaħdmu f'xogħol li mhux fil-linja ta' dak li studjaw. Sena wara dan il-persentaġġ niżel għal 44.6 fil-mija.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat, waqt li ndirizza l-konferenza qal li r-riżultati pożittivi fl-istudju tal-Indiċi tal-Impjegabilità 2015 huma sinjal qawwi li s-sistema edukattiva u l-ekonomija tal-pajjiż qegħdin jaħdmu.
Saħaq li hi propju rabta intrinsika bejn il-prestazzjoni ekonomika tal-pajjiż u l-abbiltà ta’ persuna li ssib ix-xogħol li wasslet għal riżultati pożittivi fl-Indiċi tal-Impjegabilità (Employability Index 2015) imħejji mill-Korporazzjoni għat-Taħriġ u x-Xogħol. Tenna li d-dokument għandu jitqies bħala biċċa għodda li se tippermetti ppjanar aħjar għall-ġejjieni tal-pajjiż.
Huwa saħaq li l-iskop tal-istudju mhuwiex li jirrestrinġi s-sistema, iżda li jintuża bħala mezz li bih l-istituzzjonijiet edukattivi jimxu ‘l quddiem. Permezz ta’ dan l-eżerċizzju, iż-żgħażagħ se jkollhom l-opportunità jagħmlu għażla infurmata meta jiġu biex jiddeċiedu dwar il-futur tagħhom.
Il-Prim Minisru qal li l-istudju juri li s-sistema qiegħda taħdem iżda dan ma jfissirx li għandna nistrieħu fuq is-suċċessi li saru. Tenna li issa mhux biss qed naraw li student isib xogħol, iżda hu possibbli naraw li x-xogħol jilħaq l-aspirazzjonijiet u l-aspettativi tiegħu.
Il-Prim Ministru saħaq li mhemmx triq waħda biss għas-suċċess akkademiku u edukattiv. Huwa dover morali tal-pajjiż li joffri lil dawk l-istudenti b’abbiltajiet differenti, toroq oħra, bħalma huma s-snajja’ u edukazzjoni vokazzjonali oħra, sabiex huma wkoll ikunu suċċess f’ħajjithom. Bħalma jsir f’pajjiżi Ewropej oħra, jeħtieġ inwessgħu l-opportunitajiet għall-istudenti biex jimxu ‘l quddiem u ma joħorġux mis-sistema.
Mill-istudju ħareġ li l-investiment fl-edukazzjoni jwassal biex ikun hemm iktar opportunitajiet ta’ xogħol għall-istudenti, li dawn isibu xogħol fi żmien relattivament qasir u li jsibu xogħol li jixtiequ u li tħarrġu għalih. Huwa propju dan il-messaġġ li għandu jitwassal għand iż-żgħażagħ.
Flimkien mal-edukazzjoni, hemm il-ħtieġa għal iktar esperjenza f’xogħlijiet oħra. Is-sistema edukattiva għandha tibda tħares lejn iktar opportunitajiet biex tesponi l-istudenti għal xogħlijiet differenti. Għaldaqstant ta’ min iqis l-importanza tal-mobilità fil-qasam tax-xogħol.
Il-Prim Ministru kkonkluda billi qal li "l-ekonomija fl-aħħar mill-aħħar hija l-għerq ta’ dan is-suċċess - L-edukazzjoni sservi biex ssaħħaħ is-sistema iżda l-ekonomija trid tibqa’ tikber u għaldaqstant il-Gvern se jkompli bl-impenn li mexa bih s’issa sabiex jissokta t-tkabbir ekonomiku" tenna l-Prim Ministru.
L-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem (MEA) qalet li mill-istudju joħroġ li waqt li dawk li jkunu f'edukazzjoni terzjarja fl-Unjoni Ewropea jammontaw għal 37 fil-mija, ir-rata f'Malta hi ferm inqas u hi ta' 27 fil-mija. Mir-rapport joħroġ li waqt li r-rata tal-qgħad fl-Unjoni Ewropea hi ta' 10.7 fil-mija f'Malta hi ta' 3 fil-mija biss.
Minn L-ORIZZONT