Thursday, December 31, 2015

F'mixja ta' 5 kilometri nġabru 36 borża skart

Mixja ta' ħames kilometri mill-inħawi ta' Ħondoq ir-Rummien sal-batterija ta' Sant' Antnin u madwarha fil-Qala, Għawdex, wasslet biex dawk li ħadu sehem fiha ġabru xejn inqas minn 36 borża ta' skart. Iżda f'dawn l-inizjattivi qed jispikka l-fatt li Maltin u Għawdxin ftit li xejn qed jipparteċipaw f'dawn l-inizjattivi.   Louis Debattista, l-organizzatur ta' dawn il-mixjiet u ġbir ta' skart, f'kummenti li tana qalilna li, "Irrid nara aktar Għawdxin u Maltin jieħdu sehem f'dawn il-mixjiet. F'dawn aħna naraw is-sbuħija tal-kampanja Maltija u nieħdu l-inkarigu li niġbru l-iskart li niltaqgħu miegħu. Bħala grupp ridna li anke nħawlu siġar u nagħmlu tabelli magħhom li juru l-isem ta' min ikun ħawwilha. Nixtiequ li jkun hemm multi aktar qawwijin għal min jinqabad iħammeġ fil-kampanja. Konna  ġejna mwegħdin fondi minn Eco Gozo iżda qatt ma ħadna xejn," qalilna Louis Debattista.



'Siġar ta' Chernobyl' f'Buġibba… ikomplu jiġbdu l-attenzjoni anki tat-turisti

Qed jissejħu siġar ta' Chernobyl. Issibhom fil-lokal ta' Buġibba. Huma siġar li tpoġġew mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar. Tpoġġew mhux biex joffru dehra aktar ħadra fil-lokal, għax dawk li saru għal dan il-għan tħallew jinxfu max-xatt mingħajr qatra ilma, imma biex iżidu mal-atmosfera tal-Milied.
Imma huma siġar li fi kliem għadd ta' residenti u turisti huma uniċi. Qegħdin bla ebda dawl magħhom, għalkemm hemm min qed jgħid li kien hemm imma nsteraq. "Dawn ma ħolqu ebda atmosfera tal-Milied. Imdawrin bil-cones li jintużaw għat-traffiku u b'tape li jintuża mill-Pulizija. Xbajt nara turisti jiġbdulhom ir-ritratti u jitkażaw. Saru magħrufin bħala is-siġar ta' Chernobyl għax siġar 'għerja'", qalilna l-istess resident. Waħda mis-siġar dik li kien hemm fil-Pjazza ta' Buġibba, donnha biex tkompli żżid mar-rabja u d-diżappunt, spiċċat inqalbet.
Il-kritika tar-residenti u l-kommunità kummerċjali ma naqsux. "Jien stennejt li jekk jagħmlu s-siġar biex iżejnu, għall-inqas isirilhom it-tiżjin. Li tarahom bil-lejl bla dwal u bi nhar bla tiżjin ma fihom gost ta' xejn. Qishom saru ta' bilfors. Meta tara li dan hu post turistiku li Diċembru kien tajjeb f'dawk li huma turisti, konna nistennew xi ħaġa aħjar."
Ċensu Galea, missier is-Sindku Nazzjonalista ta' San Pawl il-Baħar, ma naqasx li jwieġeb għal dawk li kkritikaw u anke kitbu f'sit tal-kunsill dwar is-'siġar ta' Chernobyl".  Fi kliem id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea, "Jien kuntent għax għall-inqas din is-sena r-residenti innutaw il-preżenza ta' dawn is-siġar. Imma dawn huma l-istess siġar tas-sena li għaddiet. Anki l-cones huma tas-sena li għaddiet. Imma s-sena li għaddiet ħadd ma tkellem dwarhom.  Qed nittama li min ikkritika u qed isib id-difetti din is-sena, is-sena d-dieħla jersaq 'l quddiem biex ikun hawn ambjent aħjar."
Sid ta' negozju f'Buġibba, meta mitlub jikkummenta b'mod speċifiku dwar dak li qal Censu Galea, qalilna li "hemm baħar jaqsam bejn dak li ġara is-sena li għaddiet u din is-sena f'dak li hu tiżjin. Is-sena li għaddiet kien hawn ħafna u ħafna aktar tiżjin. Sfortunatament din is-sena l-armar kien qed isir bl-għaġġla fl-aħħar ħinijiet fl-ewwel jiem ta' Diċembru. Ħafna mill-armar tas-sena li għaddiet lanqas biss intrama."

Kuntenti li qraba ta' Aylan daħlu l-Kanada… is-Sirjani f'Malta qed jgħixu tajjeb

Ir-ritratti li kienu xxukkjaw lid-dinja u li kienu juru tifel  Sirjan Aylan mejjet fuq xtajta Torka, ħolqu diskussjoni sħiħa dwar it-traġedja Sirjana u l-vjaġġi riskjużi li jagħmlu l-immigranti. Fl-aħħar sigħat, qraba ta' Aylan iddaħħlu l-Kanada, fejn hemmhekk se jibdew jgħixu ħajja ġdida. Zakaria Alkhatib, mill-Kommunità Sirjana f'Malta meta mitlub jikkummenta dwar dan qalilna li "din hi xi ħaġa tajba ħafna. Għallinqas issa dawk il-qraba se jibdew ħajja ġdida fil-Kanada, xi ħaġa li kellhom bżonn ħafna". 
Dwar is-sitwazzjoni tal-immigranti Sirjani f'Malta, Alkhatib qalilna li "llum is-Sirjani li hawn f'Malta qed jgħixu tajjeb. Ħafna aħjar hawn Malta milli baqgħu is-Sirja. Aħna naraw il-bżonnijiet u dak li jkunu jinħtieġu. Qed jgħixu tajjeb hawn u ħafna minnhom qed jaħdmu. Dawk li jkollhom bżonn ngħinuhom aħna ukoll."
Fl-aħħar sigħat sar magħruf li l-qraba ta' Aylan, waslu l-Kanada bħala refuġjati. Mohammed Kurdi, martu u l-ħames t'itfal tagħhom iddaħħlu l-Kanada fejn huma kienu appoġġjati minn Tima Kurdi, li tiġi oħt Mohammed.  Mohammed jiġi hu missier Aylan, li x-xewqa tagħhom ukoll kienet li jidħlu l-Kanada.
Waqt li hi għamlet traduzzjoni ta' dak li beda jgħid, Mohammed irringrazzja lill-Gvern Kanadiż u lill-Gvern talli l-ħolma li kellhom saret realtà.
"Kuntent ħafna, kuntent ħafna" kienu l-kliem li beda jgħid Mohammed.  It-tifel tiegħu, Shergo, qal li jinsab anzjuż li jmur l-iskola u jibda ħajja ġdida." Intant missier Aylan, Abdullah llum qed jgħix il-Ġermanja. Flimkien ma' Aylan kienu mietu ħuh ta' 5 snin u ommu.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat f'kummenti li kien ta' lil it-Torċa dwar ir-ritratt ta' Aylan mejjet fuq ix-xatt, kien qal li ""Irrabjat u ssummat. Imma jkolli ngħid li dik id-dehra għalija 'deja vu'. F’dawn is-sentejn u nofs fil-Gvern bħala Prim Ministru rajt għexieren ta’ ritratti ta’ tfal ta’ immigranti mejtin. Rajt missirijiet, ommijiet, tfal u trabi tat-twelid jinġabru mejtin mill-baħar". Kien tenna li "Permezz ta’ dan ir-ritratt, Aylan għandu isem u wiċċ. Hemm mijiet ta’ tfal oħra – bħal tifel li dfinna f’Malta meta sellimna lil 29 immigrant b’funeral f’Malta – li mietu u ma nafux min huma u qatt ma ħarġu ritratti tagħhom f’media internazzjonali.”
Żied jgħid li "r-rabja tiegħi kont qed indawwarha f’enerġija biex inwassal il-kobor ta’ din it-traġedja fil-fora Ewropej. Imxejna ‘l quddiem. Il-problema ma għadhiex ta’ Malta jew l-Italja. Kif għedna fl-aħħar snin, il-problema hija Ewropea u dinjija. Aylan se jibqa’ simbolu ta’ traġedja li qed tiġri kuljum. Jalla Aylan ma jkunx memorja oħra kerha li tintesa hekk kif tgħaddi l-furja ta’ traġedja oħra.”

Buġibba 'ghost town'... problemi ta' skart, apatija kbira f'tiżjin tal-Milied

"Hawn żoni f'Buġibba li t-turisti qed isejħulhom 'ghost town'. Anki l-fanali tal-pjazza hemm minnhom ilhom żmien twil ma jixegħlux. Għandna toroq bla dawl. L-ilmenti u tgergir mit-turisti regolari," kienu l-kummenti li għadda lil inewsmalta.com operatur turistiku dwar is-sitwazzjoni f'Buġibba u San Pawl il-Baħar.
It-turisti ma jonqsux li jikkummentaw, fejn is-Sur Graham mir-Renju Unit baqa' skantat bid-differenza li ra f'dak li hu dwal tal-Milied bejn il-Belt, Tas-Sliema u Buġibba. "Hawn żoni li tibża' fihom bil-lejl u dawn mhux bogħod mil-lukanda. Kważi m'hemm dwal ta' xejn."
Għall-familja Roberts,  l-iskart hu xi ħaġa li dejjaqhom b'mod partikolari dik li tara munzelli ta' skart li jdum hemm. Apparti l-problema ta' dwal, hemm ilmenti regolari li ilhom għaddejjin fl-aħħar xhur u li kien hu stmat li fix-xitwa ma jibqgħux, u dawn huma marbutin mal-iskart fejn hemm żoni li qed jibqgħu kkaratterizzati minn skart li jintefa' hemm, fosthom anke skart goff.
Din is-sena wkoll f'dan il-lokal spikka l-fatt li kien hemm nuqqas kbir ta' dwal tal-Milied, bl-armar jibda jitpoġġa fl-ewwel jiem ta' Diċembru. Attivitajiet li kienu jsiru qabel fosthom il-villaġġ tal-Milied ma sarux, fejn dawn in-nuqqasijiet ħolqu tgergir kbir fost il-kommunità kummerċjali ta' Buġibba u San Pawl il-Baħar. 
"Ilni hawn bin-negozju aktar minn 25 sena. Qatt ma kien isir tiżjin tal-Milied. Beda jsir l-ewwel tiżjin fis-sena 2012, meta dak iż-żmien is-Sindku Mario Salerno kien xtara għadd ta' armar.  Din baqgħet tiġi ripetuta fis-sentejn ta' wara. Inxtraw b'kollox madwar €60,000 f'tiżjin. Din is-sena sfortunatament, ħafna minn dan it-tiżjin baqa' f'garaxx tal-kunsill. Qed jinġabu ħafna skużi għaliex ma intramax kollu. Li hu żgur hu li bħala kommunità kummerċjali qed naraw wisq apatija u telqa' f'dan il-post turistiku".
Negozjant iehor qalilna li "donnu li hawn kunsill li hu staġnat. Siġar li saru ftit xhur ilu biex isebbħu tħallew jinxfu u aktar qed ikerrhu flok isebbħu. L-uniku xogħol li sar fuq il-promenade ta' Buġibba sar mill-Foundation for Tourism Zone Development. Issa dawn anke se jagħmlu festun mill-Gillieru sal-lukanda Suncrest u jibqa' mixgħul is-sena kollha. Għandek żoni residenzjali, li huma bla dawl. Toroq fi stat ħażin. Imnalla jkunu tad-Direttorat tat-Tindif li regolament inaddfu ż-żona għax kieku diżastru jkollna. Quddiem dan aħna regolarment niffaċċjaw l-ilmenti tat-turisti".
L-eks sindku jispjega… u jgħid li s-Sindku preżenti aħjar tagħmel il-wisa'
Mistoqsi dwar dawn l-ilmenti, l-eks Sindku ta' San Pawl il-Baħar, Ray Tabone qalilna li "nista' nikkonferma li sar tiżjin tal-pjazza ta' Buġibba fl-aħħar ħinijiet.  L-armar kollu li konna xtrajna bħala kunsill Laburista ma intramax. La fil-pjazza u lanqas fil-viċinanzi. Waħħlu siġar tal-Milied immejlin u għerja. Is-Sindku  Nazzjonalista Graziella Galea meta ffaċċjata b'dan għax kien hawn kritika kbira, bdiet iġġib skuża bil-flus. L-ewwel qalet għax il-kuntratt kien ġab kont li mhux reġistrat u skont hu ma tħallasx tal-Milied l-iehor.   Dan ġie wara kważi sena. Jien għedt lis-Sindku u lis-Segretarju ta' qabel biex jitkellmu u jivverifikaw miegħu. Dan ma seħħx. Partijiet sħaħ minn Buġibba u l-Qawra ma żżejnux dinis-sena.   San Pawl il-Baħar intrema' f'nofs Diċembru. L-ewwel ġabet skuza li miet missier wieħed mill-kumitat tal-festa, imbagħad ġabet skuża tad-dejn u dan meta l-armaw kollu nxtara mill-kunsill.  Wara tmien xhur taħsibha ħarġet bl-idea li tagħmel sotto kumitat. Lanqas il-villaġġ tal-Milied ma sar fil-Qawra u Buġibba u dan meta xahrej ilu approvajna li hemm flus biex isiru."
L-eks Sindku Ray Tabone qalilna wkoll li "lanqas l-ikla għall-kunsillieri u staff ma saret u l-anqas ir-reception għall-ħaddiema u entitajiet lokali ma saret. Fil-veru sens tal-kelma Milied ta' Scrooge".
Ma naqasx li jgħidilna li "jien naħseb li din ma tistax tgħid li kienet sindku suċċess erba' snin ilu u issa qed tagħmel l-istess żbalji. Naħseb ikun rigal mill-isbaħ tal-Ewwel tas-Sena jekk twarrab u tagħti ċans lil xi ħadd minn sħabha biex imexxi hu, forsi l-affarijiet jiċċaqilqu".
Tammetti li t-tiżjin hu ftit
Min-naħa tagħha, is-Sindku Nazzjonalista Graziella Galea, iddefendiet il-kritika li saret u qalet li "l-kuntrattur li tqabbad is-sena l-oħra baqa' ma tħallasx għalkemm kien ippreżenta l-kontijiet. Il-ħsieb hu li s-sena d-dieħla isir sotto kumitat biex jaħdem fuq it-tiżjin u b'hekk il-ħwienet ukoll jagħtu is-sehem tagħhom kif isir f'lokalitajiet oħra".  F'kumment iehor li kitbet fuq is-sit soċjali tal-kunsill qalet li "spjegajt għaliex l-armar tal-Milied intrama' tard.  Mhux inwaħħal f'ta' qabli imma qed nagħti raġuni. Li l-armar hu ftit  naqbel. Għalhekk hemm bżonn l-involviment tal-ħwienet kif isir f'postijiet oħra u mhux niddependu biss mill-kunsill.  Diversi żoni f'Malta ġew imżejnin totalment mill-ħwienet għax kien hemm inizjattiva.
Is-Sindku ma naqsitx li tikkummenta dwar ilmenti dwar munzelli ta' skart li tħallew fl-aħħar sigħat fi Triq l-Iskruna, u qalet li "l-iskart qed jinġabar. Il-gwardjani u l-pulizija se jkunu infurmati biex issir aktar superviżjoni fiż-żona. Sfortunatament jekk mhux se jinħarġu ċitazzjonijiet, din is-sitwazzjoni se tibqa' tirrepeti ruħha. Nappella għal aktar kollaborazzjoni biex il-lokalità tinżamm nadifa.
David Dillnutt, li għal xi żmien kien residenti fir-Renju Unit u llum hu residenti f'Buġibba jikkummenta dwar x'kien għamel il-kunsill fejn kien jgħix fir-Renju Unit biex twaqqfu abbużi simili. Jgħid li "snin ilu fejn kont ngħix jien fir-Renju Unit kien hemm problema simili. Il-kunsill kien impjega żewġ persuni u dawn bdew iduru l-iskart li kien jitħalla illegalment. Dawn bdew jirritornaw dak l-iskart lis-sidien u jwaħħluhom multa ta' €1,500. L-abbuż waqaf fi żmien qasir".


Ipoteżi li l-prezz taż-żejt jonqos bi $15 il-barmil fl-2016

Huwa mistenni li l-Iran, pajjiż bir-raba’ l-ikbar riserva dinjija taż-żejt, ikollu nofs miljun barmil iżjed kull jum fis-swieq internazzjonali matul is-sena id-dieħla. Dan wara li tneħħew is-sanzjonijiet kontra l-esportazzjoni taż-żejt mill-Istati Uniti u pajjiżi oħrajn fil-poter tal-Punent.
B’rabta ma’ din id-deċiżjoni, rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) jgħid li matul is-sena d-dieħla, l-prezz taż-żejt jista’ jinżel bi $15-il barmil. Dan it-tnaqqis iżda huwa biss ipoteżi għalkemm aħbar li l-prezz taż-żejt jinżel tinżel tajjeb mal-konsumaturi. Lil’hinn min dan, l-ekonomisti huma aktar kawti. Il-ġurnal L-ORIZZONT quddiem dak li jgħid ir-rapport tal-IMF tkellem ma’ ekonomisti f’Malta. Waqt li uħud iddeskrivew ir-roħs fil-prezz taż-żejt bħala pożittiv għal pajjiżna, oħrajn jippreferu li dan jibqa’ stabbli. Irid jingħad li Malta għandha ftehim ta’ hedging sa Marzu 2016.
'Aħjar stabbli u la jitla’ u lanqas jinżel' - Karm Farrugia
L-ekonomista Karm Farrugia f’kummenti argumenta li jinħtieġ stabbilità fil-prezz taż-żejt. Huwa spjega li ż-żejt huwa l-iktar ħaġa sensittiva fil-minerali kollha li jipproduċu d-dinja. “Wieħed mill-fatturi importanti fi kwalunkwe proċess ekonomiku hija l-istabbilità. L-aħjar ħaġa hi li l-prezz taż-żejt la jitla u lanqas jinżel. Dan il-Gvern qed jirnexxielu jħalli l-prezz stabbli. Jinħtieġ stabbilità fil-prezz.”
Tal-pompi tal-petrol pożittivi għal tnaqqis fil-prezz taż-żejt
Min-naħa tiegħu, Carlo Cini, ir-rappreżentant tal-pompi tal-petrol f’Malta, meta ġie kkuntattjat sostna li jekk il-prezz taż-żejt ikun baxx, dan jista’ jaffettwa lil Malta pożittivament. Dan għaliex in-nies ikunu jistgħu jaffordjawh aktar.
Cini żied jgħidilna li l-aħħar żieda fil-prezz tal-fjuwil saret tliet snin ilu, taħt amministrazzjoni preċedenti.
'Ma nemminx li l-prezz taż-żejt se jinżel bi $15-il barmil' - Silvio Schembri
L-ekonomista u Deputat Laburista Silvio Schembri, meta mitlub jikkummenta dwar ir-rapport tal-IMF, waqt li qalilna li ma jemminx li l-prezz taż-żejt se jinżel bi $15-il barmil, spjega li xi ħaġa simili tiddependi minn liema angolu taraha. Enfasizza li "ovvjament meta jonqos il-prezz taż-żejt hemm elementi pożittivi. Biss jekk qed nitkellmu fuq hedging, it-tnaqqis mhux se jaffettwa daqshekk fl-immedjat. Qed nitkellmu fuq  xi ħaġa ipotetika, biss jekk tkun tidher reali se twassal biex ikollok hedging bi prezzijiet aktar baxxi.
Quddiem dawn ir-rapporti hemm il-pożittiv u negattiv, skont kif taraha.  Malta bħala pajjiż mhix produttur taż-żejt u għalhekk tnaqqis fil-prezz taż-żejt ikollu ħafna affarijiet pożittiva. Biss ikun hemm ukoll  effetti negattivi, per eżemplu fuq l-enerġija alternattiva. Jekk il-prezz taż-żejt se jinżel għal livell redikoli indikati mill-IMF, se jkun vijabbli li tinvesti f'enerġija alternattiva?"
L-ekonomista Schembri qalilna li "pero biex ngħidu kollox ma naħsibx li eventwalment il-prezz taż-żejt se jinżel bi $15-il barmil. Qed nitkellmu fuq ipotesi u s-suq taż-żejt hu volatili ħafna. Pajjiżi li huma prodotturi taż-żejt għandhom kunflitti u gwerer u dan ukoll jaffettwa.  Hemm il-fattur li  jekk inti l-produtturi taż-żejt trid tara l-investiment li  jrid isir biex jitħaffru bjar ġodda."
Sadanittant, aktar kmieni dan ix-xahar, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija ikkwotat iż-żieda fiż-żejt bħala fattur ewlieni fil-previżjonijiet tal-inventarji globali li jistgħu jitilgħu għal 300 miljun barmil fl-2016. Ir-rapport tal-IMF jgħid ukoll li l-esportazzjoni mill-Iran naqset b’madwar miljun barmil kull jum sa mis-sena 2011, qabel ma tpoġġew sanzjonijiet fuq l-esportazzjoni mill-Iran. Ix-xahar li għaddha biss l-Iran kellu maħżun madwar 36 miljun barmil żejt f’tankers offshore.
L-IMF sostna li, “jista’ jseħħ tnaqqis ulterjuri fil-prezzijiet taż-żejt meta tiżdied l-esportazzjoni mill-Iran.”
Il-ġurnal IB TIMES jiddeskrivi it-tnaqqis fil-prezz taż-żejt bħala, “sinjal tajjeb għall-konsumaturi fl-Istati Uniti”. “B’inċertezzi imminenti kbar fis-swieq taż-żejt u tal-gass is-sena d-dieħla, il-prezzijiet tal-fjuwil aktarx se jibqgħu baxxi u se jkunu ta’ benefiċċju għall-konsumaturi infushom.”
Il-ġurnal jgħid ukoll li l-prezzijiet tal-petrol għandhom tendenza li jsegwu d-direzzjoni taż-żejt mhux maħdum, peress li raffineriji taż-żejt tal-Istati Uniti jixtru miljuni ta’ bramel ta’ żejt kull jum.
L-Arabja Sawdija, wieħed mill-pajjiżi l-aktar li jipproduċi żejt fid-dinja, issenjala tnaqqis fil-baġits finanzjarji nhar it-Tnejn li ġej bħala parti mill-isforz usa tiegħu li jlaħħaq mal-prezzijiet mill-aktar baxxi taż-żejt f’aktar minn għaxar snin.

Tuesday, December 29, 2015





Maqtugħ mid-dinja f'Kagando...imma qalb persuni "tal-ġenn"

Kagando hu post mdawwar bil-muntanji fl-Uganda. Biex tasal għalih ddum sejjer xejn inqas minn tmien sigħat bil-karozza. Post li fih tkun litteralment maqtugħ mill-kumplament tad-dinja.  Post li fih hemm Maltija li ħalliet xogħlha u ħalliet kollox warajha biex taħdem u tgħin pazjenti fi sptar li hemm fiż-żona li hu għeri minn ħafna affarijiet bażiċi. Ma timmaġinax fid-dinja ta' llum b'pazjenti jorqdu taħt is-sodod jew mal-art, imma fl-isptar ta' Kagando din hi realtà. Fl-aħħar ġimgħat, ma' Rita ingħaqad voluntier iehor Edward Sultana. Baqa' impressjonat bil-morda lebrużi li jiddeskrivi l-ħbiberija tagħhom bħala 'sensazzjonali'.  Tħallat u ltaqa' man-nies tal-post li jsejħilhom bħala 'nies tal-ġenn". "Minkejja d-diffikultajiet kbar li għandhom u t-tbatijiet li jiffaċċjaw, huma nies ferħanin ħafna. Tbissima sinċiera. Diffiċli biex tispjegaha. Fil-villaġġi, la hemm toroq, la elettriku u lanqas trasport. Jiġġieldu mal-ħajja kuljum. Imma ssibhom dejjem lesti biex jgħinu lil xulxin".  Ma tonqosx l-esperjenza umana, fejn tifla żgħira abbandunata serqitlu qalbu u baqa' jaħseb fiha anke meta ġie Malta. Offrielha biċċa ħobż u ħaditha mill-ewwel. Illum qed jipprova jgħinha minn Malta. inewsmalta.com tkellem ma' Edward Sultana, inġinier dwar l-esperjenza tiegħu fl-Uganda. Jgħidilna li "naħseb li aħna bħala Maltin b’mod in ġenerali għandna  livell għoli ta’ għixien mdawwrin b’ħafna kumditajiet. Il-fenomenu tal-faqar madwar id-dinja hu  nkwetatanti. Diffiċili tispjega kif id-dinja ta' llum għad hawn nies li m'għandhomx saqaf fuq rashom jew garanzija ta' ikel jew ilma, kura medika jew edukazzjoni. Diffiċli aktar taċċetta kif f'dawn iċ-ċirkostanzi id-dinja qisa tħares in-naħa l-oħra u tħalli lil dawn in-nies ibatu waħedhom, minsija minn kulħadd. Għalhekk ħassejt il-bżonn li nagħmel volontarjat l-Afrika, kontinent mill-isbaħ, li għadda minn sekli ta'  abbużi u li għadu qed jipprova joħroġ mill-morsa tal-faqar."
Nistaqsuh għaliex l-Uganda u Kangando? Dwar dan Edward jgħidilna li "f’Awwissu li għadda ltqajt ma’ mara Maltija, Rita Miller, li għal dawn l-aħħar sitt snin telqet ix-xogħol tagħha ta' infermiera l-Ingilterra biex tgħin f’dan l-isptar żgħir fil-muntanji fl-Uganda. L-istorja tagħha hija ta’ inspirazzjoni kbira. Li tasal li titlaq ix-xogħol u l-kumdità ta' darek biex tgħin b'mod volontarju ġo villaġġ nieqes minn kull ġid materjali huwa ġest nobbli immens. Minn hemm bdew il-pjanijiet tiegħi biex immur l-Uganda u għall-perjodu qasir ngħin kif nista' fix-xogħol ta' din il-mara. L-Uganda qiegħda fin-nofs ta' 'l Afrika u l-Afrika mhux eżattament żgħira!! Minn Malta għall-Uganda hemm vjaġġ ta' kważi 12-il siegħa. Biex wara tasal f'Kagando mill-ajruport hemm vjaġġ iehor ta' xi tmien sigħat bil-karozza tal-linja jew karozza. B'kollox domt kważi ġurnata u nofs nivvjaġġa biex nasal".
Nistaqsuh kif hu jsejjaħ lil dawk morda bil-lebbra bħala 'tal-ġenn' u 'ħbieb tiegħi'. Itenni li "l-lebbra hija marda krudili. M’iniex tabib, imma l-konsegwenzi huma evidenti. Meta titlef l-użu ta' idejk jew saqajk hija dejjem iebsa, speċjalment f’dawn il-pajjiżi fejn l-għixien bażiku tiegħek u tal-familja  jiddependi daqstant fuq xogħol iebes manwali. Ħafna minn dawn il-pazjenti tilfu l-familji tagħhom u ilhom snin twal jgħixu ġo l-isptar mingħajr ma ħadd ma jiġi jżurhom. Sitwazzjoni xejn sabiħa. L-espressjoni ta’ wiċċhom u l-ħarsa f’għajnejhom jirriflettu it-tbatijiet li għaddew minnhom tul ħajjithom. Il-ħin li tqatta magħhom, l-attenzjoni li ttihom tiġi apprezata bi tbissima mill-isbaħ. Dijn hi sensazzjoni unika. Nies ta' karattru kbir u sod. Kuntent ħafna li ltqajt magħhom."
Edward jgħidilna li "l-ġurnata qatt ma kienet tkun l–istess u trid taddatta għall-bżonnijiet tal-ġurnata. Bħala inġinier, l-aktar xogħol li kelli kien fuq problemi li kellhom fuq apparat ġo l-isptar. Imma kien hemm ġranet li tlajna ġo villaġġi mifruxin mal-muntanji nagħmlu programmi edukattivi jew narmaw u nqassmu siġġijiet tar-roti għat-tfal fil-bżonn. Hemm tibda tara it-tbattijiet li jgħaddu minnhom dawn in-nies.  F‘każijiet oħra fejn l-ammont ta' pażjenti kien għoli ħafna, tgħin lit-tobba u infermieri fil-qadi ta' dmirijithom. L-isptar huwa l–uniku sptar f'dan ir-regjun vast ġol-muntanji u huwa żgħir għal ammont kbir ta' pazjenti li jżuruh. Saħansitra jiġu mill-pajjiż ġar tal-Kongo biex jieħdu trattament mediku. Diffiċli timmaġina li ġo sptar tara pazjenti reqdin ma' l-art, taħt is-sodod, fuq kuxin rqiq tal-foam. Sfortunatament dawn huma iċ-ċirkostanzi li jridu jgħaddu minnhom, ma  għandhomx għażla oħra."
Jenfasizza li "personalment kienet esperjenza kbira għal ħafna raġunijiet. Dan il-vjaġġ sewa ta' opportunità biex nħares lejn id-dinja minn lenti oħra, minn perspettiva differenti imma sfortunatament reali. Ma nimmaginax li llum fis-seklu 21 bl-avvanzi kollha tagħna, għad hawn nies mingħajr l-affarijiet bażiċi tal-ħajja bħal dar, ikel u edukazjoni. Tal-mistħija għal kull pajjiż li jsejjaħ ruħu ċivilizat li jħalli lil ħutu f’ċirkustanzi tant iebsin. Punti pożittivi kienu ħafna wkoll. Dawn in-nies allavolja neqsin min kull ġid materjali, sinjuri fil-ġid minn aspett uman. Tara tfal jiġru wara ballun taċ-ċraret, ħafjin, kważi bla ħwejjeġ imma bi tbissima minn naħa għal oħra ta' wiċċhom, nies li għandhom ħin biex isellmu u jgħinu lill-ġirien tagħhom neqsin min kull sens ta rebgħa u għira. Affarijiet li aħna fil-ħajja mgħaġġla ta' kuljum nsejna u kasbarna. Bil-flus tixtri ħafna affarijiet li jagħmlulna ħajjitna iktar komda, imma l-flus ma jixtrux ħbiberiji u wisq inqas kuntentizza. Tammira wkoll il-ħafna volontarji li jiġu minn kull naħa tad-dinja biex jgħinu lil dawn in-nies fil-bżonnijiet tagħhom. Meta kont hemm kien hemm grupp ta' tobba mill-Awstralja li marru l-Uganda biex iwettqu operazzjonijiet fuq nisa li kellhom kundizzjoni medika minħabba problemi waqt it-tqala. Mingħajr din l-operazzjoni, dawn in-nisa kienu qed ibatu minn problemi fiżiċi kbar. Dawn it-tobba tawhom lura ħajja diċenti. F'ġimgħa u nofs wettqu kważi mitt operazzjoni, 10 kuljum bil-Ħadd b‘kollox. Eżempju ċar ieħor hi l-istess Rita Miller li bla heda u bla waqfien u b'mod volontarju, tgħin lil dawn il-pazjenti fl-isptar u fi proġetti oħra fil-muntanji."
Itenni li "għalija dawn huma nies b'valuri u umanità kbira. Nies li jagħmlu xogħol siwi li ħadd ma jaf bih. Kif tista' tididskrivi il-qalb u l-ġenerożità  ta’ dawn in-nies?".
Jibqgħu f'moħħ Edward diversi esperjenzi umani. Jgħidilna li "hemm diversi esperjenzi umani li baqgħu f'moħħi. Kultant affarijiet żgħar jagħmlu differenza kbira fil-ħajja ta' dawn in-nies f’tant bżonn.  Diffiċli li tagħżel waħda fuq l-oħrajn. Waħda li żgur ma ninsiex hija meta tlajna f’villaġġ fil-muntanji nqassmu siġġijiet tar-roti għal tfal bi problemi fiżiċi. In-nies ta' madwar il-villaġġ kienu avżati minn qabel biex jiġu l-knisja ħalli ssirilhom analiżi u jingħatalhom apparat skont il-bżonn. Il-kundizzjonijiet fiżiċi ta'  dawn it-tfal kienu severi. Kieku ma kienx għal dawn is-siġġijiet tar-roti li jiġu mogħtijin b'xejn minn organizazzjonijiet minn madwar id-dinja, dawn it-tfal kienu jqattgħu il-kumplament ta' ħajjithom moħbija ġewwa djarhom."
Edward jgħid ukoll li "każ iehor kien ta' tifla żgħira li kienet qed tistenna bilqiegħda ħdejn ħanut żgħir ġo l-isptar. Waqt li xtrajt biċċa ħobż żgħira għalija, tajtha biċċa. Wiċċha xegħel waqt li ħaditha minn idejja. Ħaditha qisha lanqas riedet temmen. Meta wasalt lura Malta staqsejt għaliha. Ommha kienet  abbandunat lil din it-tifla l-isptar għax ma setgħetx tieħu ħsiebha. Xtaqt għamilt ħafna aktar għaliha. Każ iehor kien ta' mara b'tifel li kien daħal l-isptar isofri mil-malarja. Din il-familja żgħażugħa ma kelliex biex tħallas għall-kura medika. Irriżulta li din il-mara kienet armla. Il-kont kien ta' inqas minn €10. Tajniha il-flus. Aċċettat il-flus bi dmugħ f'għajnejha. Parti mill-flus li ġbart qabel din il mawra ħa jmorru għall-fond umanitarju biex jgħinu lil dawk il-familji li ma għandhomx mezzi biex iħallsu għat-trattamenti mediċi meħtieġa."
Dwar il-villaġġi fil-muntanji, jisħaq li "l-muntanji huma vasti u jinfirxu sal-pajjiż ġar tal-Kongo. Toroq ma jeżistux u l-unika mezz ta' trasport hu bil-mixi minn ġo passaġġi mħarbtin kollha tajn mal-ġnub weqfin tal-muntanji.  F’ċertu każi, l-eqreb sptar jew skola huma sigħat jekk mhux ġranet il-bogħod min dawn id-djar mifruxin f'dawn il-muntanji. Eżempju tal-problema li din toħloq huwa l-ammont kbir ta’ nisa li jkollhom iwelldu fid-djar mingħajr l-ebda għajnuna. F’każ ta’ kumplikazzjonijiet, ir-raġel irid iġorr il-mara litteralment fuq daru min ġo dawn il-passaġġi perikolużi biex iwassalha l-isptar. Mhux dejjem jaslu fil-ħin. Id-djar huma bażiċi ħafna mibnijin bit-tajn, bla dawl elettriku jew ilma. It-tfal u nisa jridu jimxu siegħat twal biex isibu nixxiegħa ta’ l-ilma biex jiġbruh u jġorruh lura ġo  kontenituri marbutin ma' rashom. L-ilma mhux dejjem ikun tajjeb għax-xorb u din tkun kawża ta' mard iehor. Problema iġġib lil oħra. L-ikel li jkollhom huwa frott l-għelieqi żgħar li għandhom mal-ġnub ta' dawn il-muntanji weqfin. Bix-xita hemm riskji kbar li l-art iċċedi, bil-konsegwenza li kull sena jmutu numru kbir ta' nies. Isajru bil-ħatab, ġeneralment ġo djar biex jistkennu mix-xita. Id-duħħan li joħrog huwa ħażin ħafna għan nifs u l-għajnejn . Wieħed mill-ħafna proġetti li għandha Rita Miller ġo Kagando hija dik imsejha 'Rwenzori Women',  organizazzjoni żgħira li xogħlha hu li twassal tagħlim bażiku u analiżi medika lil dawn in-nies f'dawn il-villaġġi remoti fil-muntanji. L-analiżi medika tinkludi 'deworming' (jaraw jekk hemmx dud jikber fl-istonku tan-nies), Aids, każi ta' malnutrizzjoni fost ħafna oħrajn. Bħala edukazzjoni hemm programmi bħal iġene bażika, ikel sustanzjuz. Il-bżonnijiet huma ħafna", itemm jgħid Edward.minn L-ORIZZONT

It-tensjoni u l-inċertezza jkomplu għal LSA - jappella l-Avukat Ġenerali

Il-Learning Support Assistant li ftit tal-ġimgħat ilu rebħet il-każ fil-Qorti t'Għawdex fuq allegazzjonijiet li kienu saru, sabet li l-inċertezza u t-tensjoni li kienet għaddejja minnha se tkompli f'dawn il-jiem ta' festi. Dan hekk kif qed isir magħruf li l-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza li ngħatat u li fiha hi kienet ġiet illiberata mill-Qorti minn akkuża li kkorrompiet studenta minuri ta' 11-il sena. Il-Qorti kienet qalet li għandha dubji kbar dwar dan il-każ, fosthom għaliex ħafna mistoqsijiet f'dan il-każ baqgħu mhux imwieġba.  L-appell li sar ħoloq diżappunt fost l-ogħla uffiċjali tal-Unjin tal-Għalliema (MUT).
Il-każ jinvolvi lil Karen Mercieca ta' 37 sena mill-Qala, li taħdem bħala LSA fl-iskola primarja ta' Għajnsielem, L-allegat każ seħħ f'Novembru tal-2011. Fis-sentenza tal-Qorti intqal li l-investigazzjoni tal-Pulizija bdiet wara rapport li sar mill-ġenituri tal-istudenta, fejn ġie allegat li l-LSA Mercieca kienet messet lit-tifla tagħhom waqt li kienet qiegħda l-iskola primarja ta' Għajnsielem.  Min-naħa tagħha, l-LSA ċaħdet l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tagħha, u dan mill-bidu nett minn meta l-Pulizija bagħtu għaliha.
Irriżulta li t-tifla tbati minn kundizzjoni magħrufa bħala global development delay, kundizzjoni deskritta fil-kamp mediku legali li hija defenita għal meta tifel jew tifla jkollhom intellet anqas minn dak ikkunsidrat bħala normali. 
X'ħin ġiet biex tiddeċiedi, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud ħadet diversi konsiderazzjonijiet. Fost dawn kien hemm l-istqarrijiet magħmula mill-imputata u x-xhieda minnha mogħtija f'dawn il-proċeduri. Il-Qorti qalet li Mercieca kienet dejjem konsistenti f'dak li dejjem qalet, apparti l-fatt li l-atteġjament u l-komportament tagħha ma taw l-ebda indikazzjoni li hija ma setgħetx titwemmen. 
Ikkonsidrat ix-xhieda li tat il-Kap tal-Iskola Primarja ta' Għajnsielem ta' dak iż-żmien Pauline Grech, li qalet li Mercieca kienet tqisa bħala waħda mill-aktar LSA's dedikati fl-iskola. 
Grech qalet ukoll li meta din it-tifla ġiet minn skola oħra, f'ċirkostanzi xejn sbieħ. L-omm allegat li fl-iskola fejn kienet, it-tifla kienet kważi ibbuljata minn l-amministrazzjoni tal-iskola. Dan kollu wassal lit-tifla biex il-ħin kollu tkun tibki u ma riditx tmur l-iskola.
Grech qalet li fl-ewwel sena, it-tifla ma riditx tmur l-iskola. Saħansitra kienet ommha stess li kienet iċċemplilha u tgħidilha li t-tifla ma riditx tattendi l-iskola. Grech qalet ukoll li ma kienx faċli li tikkomunika mat-tifla.
Min-naħa tagħha, il-Qorti qalet li meta wieħed tqis kollox mhix konvinta dwar il-provi mressqa mill-Prosekuzzjoni. Qalet li għalhekk il-Prosekuzzjoni ma rnexxielhix tipprova l-każ tagħha. 
Il-Qorti qalet li hemm ħafna mistoqsijiet marbutin ma' dan il-każ, li baqgħu qatt ma ġew imwieġba. Fost oħrajn, dawn il-mistoqsijiet jinkludu l-fatt li missier it-tifla qatt ma ttella xhud, x'tip ta' għajnuna ngħatat it-tifla f'dan il-proċess, għaliex f'każ sensittiv bħal dan ma ddaħħlitx il-Pulizija tal-iswadra kontra l-vizzji u għaliex l-akkuża hija ffirmata minn żewġ Spetturi u Spettur minnhom ma deher imkien fl-investigazzjoni u lanqas ta x-xhieda tiegħu.
Il-Qorti staqsiet ukoll x'ġara bejn il-7 u l-14 ta' Novembru tas-sena 2011. “Kif persuna li allegatament abbużat mit-tifla tkun milqugħa fid-dar tagħhom? Għaliex tħalla ż-żmien u tħalla kuntatt mat-tifla sakemm sar rapport tal-allegat abbuż? Għaliex kien hemm trapass ta' żmien minn meta sar l-allegat abbuż u r-rapport lill-Pulizija?” staqsiet il-Qorti. Wara li qieset dawn il-fatturi kollha, il-Qorti kienet illiberat lill-imputata minn kull akkuża. 
Ta' min jgħid li l-MUT kienet esprimiet is-solidarjetà kollha tagħha mal-edukatriċi u mal-familja tagħha li ġew mgħoddija minn martirju twil ta' erba’ snin b’konsegwenzi serjissimi fuq saħħet il-persuna u l-familja tagħha.
minn L-ORIZZONT

Miċħuda talba ta' omm biex binha jkun magħha fil-festi

Il-battalja legali li kienet għaddejja biha Janice Dunn, liema battalja kellha bl-għan li hi tieħu lil binha li jinsab f'Malta lejn l-Iskozja f'dawn il-jiem ta' festi, kellha żvolta fl-aħħar sigħat. Dan hekk kif il-Qorti tat deċiżjoni li t-tifel, bl-isem ta' Frazer, għandu jibqa' f'Malta.  F'Marzu li ġej se jkun hemm proċeduri legali dwar il-kustodja tat-tifel - li għandu missieru Malti. Il-Qorti Maltija appuntat avukat tat-tfal fejn dan irid jistabbilixxi jekk Frazer iridx li jingħaqad ma' ommu fl-Iskozja jew inkella jekk jibqax ma' missieru Daniel Borg Olivier f'Malta.
Ta' min jgħid li fl-aħħar ġimgħat l-omm kienet iffaċċjata b'żewġ sentenzi mill-Qrati li permezz tagħhom kellha ġġib lil binha lejn Malta u issa f'deċiżjoni oħra tal-Qorti Maltija ġie deċiż li sakemm tkun deċiża l-kustodja dan għandu jibqa'  jinżamm f'Malta.
Il-ġurnal Skoċċiż Daily Record kien xandar ritratt ta' Janice flimkien mat-tifel tagħha Frazer waqt li kienu f'lukanda f'Malta.
Ir-rapport jgħid li Janice, li għandha 42 sena, irritornat lejn Malta tliet xhur ilu wara li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja qalet li hi ħatfet lit-tifel minn Malta. Hi ħadet it-tifel minn Malta u marret bih f'Barrhead fejn tgħix, post li jinsab qrib Glasgow.
Janice qajmet il-każ mal-awtoritajiet Skoċċiżi iżda dawn infurmawha li ftit li xejn jistgħu jgħinuha.
Meta tkellmet mad-Daily Record hi qalet li, "Din hi daqqa doppja, l-aktar issa li ġej l-Milied. Qed inħoss li ħadd mhu jara l-interessi ta' Frazer. Hu jrid  ikun ma' familtu u ma' ħbiebu fl-Iskozja."
Janice Dunn kienet ilha tgħix f'Malta għal 15-il sena. Hi talbet lill-Qrati Maltin biex tieħu lit-tifel fl-Iskozja għall-Milied, iżda din ma ġietx aċċettata.
minn L-ORIZZONT



Il-każ tal-ekspriġunier li ħareġ mill-ħabs b'ta' fuqu senduqu...

'Irrid inkun missier tajjeb'


Lil hinn mix-xinxilli, grokkijiet, u festini, iż-żewġ eks priġunieri li wieħed minnhom ħareġ mill-ħabs b'ta' fuqu senduqu kellhom ferħa kbira f'dan il-Milied. Ferħa li ma kinitx tinvolvi għajnuna materjali jew finanzjarja. Kienet ferħa li kienu ilhom jixtiquha. Dik li jiltaqgħu mat-tfal tagħhom li kienu ilhom ma jarawhom. Għalihom dan kien l-akbar rigal li setgħu jingħataw minkejja l-bżonnijiet li għandhom. Din ix-xewqa ntlaqgħet fl-aħħar sigħat u dawn l-eks priġunieri wieħed ta' 31 u l-iehor ta' 34 sena reġgħu ltaqgħu ma' wliedhom. Grazzi għall-ġenerożità, dawn l-istess tfal ingħataw rigali minn missirijiethom bħal tfal oħrajn.  L-emozzjonijiet ma naqsux. Spikka dak li qal wieħed mill-priġiunieri meta b'rasu fuq spallejn wieħed mill-voluntieri infexx f'bikja u qal, "Irrid inkun missier tajjeb".
Din ix-xewqa ta' dawn iż-żewġ eks priġunieri, li bil-għajnuna li qed jirċievu qed jakkwistaw ħajjithom milll-ġdid, saret bis-saħħa ta' dak li jissejjaħ 'After Care Programme' tal-Prison Fellowship Malta, għaqda li qed tgħin lil dawn iż-żewġ eks priġunieri, tassistihom u fuq kollox tagħmel superviżjoni tal-mod ta' kif qed jgħixu.
Il-laqgħa ta' dawn l-eks priġunieri ma' uliedhom qed titqies bħala pass kbir 'l quddiem, anki għar-rijabilitazzjoni ta' dawn iż-żewġ persuni.  "Kienu passi diffiċli imma saru għax dawn iż-il-persuni  qed jimxu fuq il-pariri li qed intuhom', qalilna wieħed mill-voluntieri.
Qalilna li "kien sabiħ li ħadu rigali lit-tfal tagħhom biex jibdew il-kommunikazzjoni u r-relazzjonijiet ta' ġenituri."
Fil-Milied kielu ikla minn idejn ekspriġuniera….ferħa bi track suit
Fil-jum tal-Milied,  kien ukoll jum differenti għalihom għax waqt li fil-jiem ta' qabel kienu rċevew għajnuna u ikliet mingħand diversi persuni li għenuhom, għall-Milied kielu  minn taħt idejn eks priġuniera li ddeċidiet li ssarjilhom.
Fil-Milied ukoll irċevew it-track suits li kienu qed jixtiequ fejn tant ferħu li inxtrawlhom it-track suits, li libsuhom dak il-ħin stess. Dawn inxtraw u ngħataw mill-Azzjonai Kattolika.  Wieħed mill-ġirien għaddielhom ukoll friġġ.
Id-diżappunt…..trasport baqa' ma wasalx
Waqt li l-għajuna li qed jingħataw għenithom bil-kbir biex jibdew iħarsu b'mod pożittiv lejn il-ħajja, xorta waħda għad jonqos għajnuna biex dawn iż-żewġ eks priġunieri jiġu sew fuq saqajhom. Sa issa għadhom qed jorqdu mal-art, għax minkejja li kien hemm diversi li offrew kmamar tas-sodda, sa issa għadha ma ssolvietx il-problema tat-trasport. Minkejja l-appelli, ma ġiex provdut trasport biex din l-għamara tinġabar u tinġarr.
Il-voluntier li qed jieħu ħsiebhom qalilna li "hemm min lest itihom twin tub u affarijiet oħra, imma rridu t-trasport biex inġorruhom. Sa issa dan għadu ma wasalx."
Dan il-każ qed juri kemm jekk wieħed jieħu ħsieb u jsegwi b'mod kontinwu u kuljum lil eks priġunieri, hemm ċans tajjeb li dawn jibdew mexjin 'l quddiem. Il-voluntier waqt li spjegalna l-ħidma li qed iwettaq magħhom qalilna li "ħolma li għandi hi li jkollna ċentru li joffri kenn u għajnuna lil eks priġunieri li jkollhom bżonn. Dan sakemm iqumu fuq saqajhom. Dan għandu jkun il-perjodu ta' transizzjoni bejn ħabs u d-dħul lura fis-soċjetà.
Dwar il-ħidma tiegħu magħhom, l-istess voluntier jgħidilna li " l-enfasi hi fuq kif isir l-infieq.  Ngħidilhom iżommu record ta' x'jonfqu. Nurihom li jridu jerfgħu għall-bżonnijiet ta' għada.   Wieħed minn dawn l-eks priġunieri jixtieq jitgħallem jikteb u jaqra. Nittamaw li forsi jkun hawn xi ħadd li jkun lest jgħallmu dan".
Tkellimna wkoll ma' Mark Vella mill-Prison Fellowship li qed imexxu dan il-programm. Qalilna li "nappella għal aktar voluntiera. Irridu nibdew sezzjoni f'Għawdex. Qed nistenna risposta mill-Isqof t'Għawdex jgħidli fejn nistgħu niltaqgħu u aħna nibdew laqgħa fix-xahar għall-voluntiera hemm ukoll. Nappella għal tfal li għandhom ġenitur il-ħabs jew li huma eks priġunieri biex jinkitbu fl-Angel Tree Club, li hi sezzjoni ta Prison Fellowship Malta għal tfal ta' taħt it-13 il sena. Dawn ikollhom ħafna attivitajiet bla ħlas."
Mark Vella jgħidilna li "l-messaġġ tiegħi hu wieħed ċar. Meta persuna titteħdilha libertà u spiċċat magħluqa f'ħabs hi saret responsabilità tal-Istat. It-tmexxija tal-ħabs għandha politika, protokol ta' kif tibda ma' kull individwu. Hemm nies imħarrġin u professjonali biex kull persuna tingħata attenzjoni minn x'ħin tirfes l-għatba tal-ħabs dwar is-saħħa, l-edukazzjoni,  u l-ħiliet tal-persuna. Hemm l-aspett soċjali u t-tul tas-sentenza. Hemm ir-raġunijiet li wasslu għar-reat, it-tfulija, ir-responsabbiltajiet, il-qraba u t-tfal tal-persuna. Isir Care Plan għal tul is-sentenza. Crisis plan f'każ li l-persuna tingħata l-pleġġ. Il-ħabs għandu jkollu r-riżorsi. Work shops, skola, Pjan għar rilaxx tal-persuna mill-ħabs. Nemmen li l-Gvern għandu jagħti aktar spazju lil Ngos. Jħallina nagħtu s-sehem tagħna. Imma l-akbar attenzjoni trid tkun wara li dan joħorġ mill-ħabs ħalli persuna ma terġax taqa' għall-kriminalità."
Enfasizza li "ż-żamma fil-ħabs ta kull persuna se tgħolli l-ispiża. Għalhekk il-ħabs irid jintbagħat biss min ma jistax isir mod iehor. Hu l-poplu li bħalissa qed iħallas madwar €65 kuljum għal kull persuna li hemm il-ħabs. Is-soċjetà trid li persuna li toħroġ mill-ħabs għandha tkun fi stat li tista' taħdem  u mhux dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali. Wieħed irid iżomm f'moħħu l-ammonti kbar ta' flus li jkollhom iħallsu lura minħabba dejn bl-użura. Dawn ma jkollhomx biex jgħixu u l-kriminalità bħal kalamita tiġbidhom lejha u jerġgħu jispiċċaw il-ħabs.  L-akkomodazzjoni, l-impjiegi, djun, relezzjonijiet u ikel huma kollha kwistjoni ta kull min joħroġ mill-ħabs. Is-sitwazzjoni tkun agħar jekk ikun għad hemm dipendenza fuq droga jew alkohol. Kull tifel li għandu ġenitur l-ħabs hu meqjus minn studji li hu f'riskju għoli li jispiċċa fil-kriminalità.  Jekk ma jkunx mgħejjun. Hemm dik li tissejjaħ 'inter generational criminal lifestyle' - jiġifieri in-nannu kien il-ħabs, wara l-missier kien il-ħabs u issa t-tifel mar il-ħabs. Irridu ngħinu biex inkissru ċ-ċirku. B'hekk għandna fi Prison Fellowship Malta, l-Angel Tree Club għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità fost it tfal," temm jgħidilna Mark Vella.
minn L-ORIZZONT 

Saturday, December 26, 2015

https://www.youtube.com/watch?v=lDX83AIwBc0

Familja mtertqa u tiġġieled għall-għajxien

"Ma nistgħux ngħixu. Ir-raġel marid u ma jiflaħx jaħdem minkejja li għadu kif qaleb il-50 sena. Għandu dijabete akuta u kellu diversi interventi tal-qalb. B'€450 fix-xahar ma nistgħux ngħixu. Ma jservux. Niddependu fuq il-karita. Meta jgħinuk jgħidulek biex ma terġax tmur  titlob fi żmien qasir. Imma aħna ma rridux nieklu ukoll? Mhux kuljum nieklu? Jgħiduli oħroġ aħdem. Kif nista' noħroġ naħdem meta r-raġel hu dgħajjef ħafna u ma nistax inħallih waħdu. Soluzzjoni oħra kienet dik li kien hemm min ipproponieli li npoġġi r-raġel fir-residenza tal-anzjani San Vinċenz de Paule. Determinata li ma naqtgħux mill-familja. Li nixtiequ aħna hi ftit aktar għajnuna. Imnalla jkunu t-tfal li jħallsu t-televiżjoni, telefon u bżonnijiet oħra, imma dawn ukoll għandhom il-limiti tagħhom.  Ġlieda kontinwa mal-ħajja, naraw kif se nġibu l-ikel u l-bżonnijiet. Minn €450, trid tnaqqas €50 mediċini li ma jingħatawx, għax għalkemm jingħata kaxxa minnhom f'xahar, ir-raġel għandu bżonn żewġ kaxxi, allura waħda nispiċċaw nixtruha aħna".
Iltqajna ma' din il-familja, li issa ilha għal dawn l-aħħar xhur għaddejja minn żminijiet diffiċli u f'tensjoni kbira biex tara kif se tgħix. Kienet waħda minn dawk l-intervisti li tħallik bla kliem. Ma tafx x'se taqbad tgħid. Tara familja litteralment tiġġieled biex tgħix. Imħassba kif se   tagħmel biex dak il-benefiċċju ttawlu kemm tista'.
Hekk kif infurmajna bid-dettalji ta' din il-familja lill-awtoritajiet konċernati fosthom il-Ministeru għall-Familja u Sigurtà Soċjali, dawn talbuna immedjatament id-dettalji tal-familja konċernata biex jaħdmu fuq il-każ tagħha.
Tidħol fl-appartament li qed jgħixu fih u tara li m'hemmx lussu. Affarijiet bażiċi li xi wħud minnhom ingħataw minn persuni ta' qalb tajba. Il-kliem jaqa' fuq il-karozzi u t-traffiku, u l-mara u r-raġel (li isimhom mhux se nxandruhom biex nipproteġu l-identità fuq xewqa tagħhom) qalulna li lanqas tgħaddilhom minn rashom li jkollhom karozza. "Kif se nħallsu l-ispejjeż marbutin magħhom? Assigurazzjoni, liċenzja, ħsarat u petrol. Lanqas biex nixtru l-ikel li għandna bżonn ma jservina l-benefiċċju aħseb u ara biex inżommu karozza", qaltilna l-mara.
"Konna familja normali...ir-raġel kien jagħmel kollox"
Bla ma trid tistaqsihom fuq ħajjithom jekk hux minn dejjem kienu f'din l-estremità, kważi tista' tgħid jiddependu fuq il-karità. Il-mara, li hi omm ukoll tgħidilna li "konna familja normali. Ir-raġel  kien bajjad bis-sengħa. Imma ħadem diversi xogħlijiet għall-familja. Kien jagħmel il-mużajk, bajjad, wejter, ħadem ta' pizzar, ta' xufier ta' mini bus u oħrajn. Dan kien dak li jaraw għajnejh jagħmluh idejh. Kien jaħdem għall-familja u dejjem għexna tajjeb. Kellna it-tfal u ma kellniex intoppi. Biss darba minnhom ir-raġel kien ġie d-dar mix-xogħol u kien qalli li beda jħossu għajjien ħafna. Fil-jiem ta' wara baqa' jiġi u jħossu għajjien. Jum minnhom ġie qisu bandla, se jaqa' u ma jaqax. Qalli li ma jiflaħx.  Beda jixrob ilma bl-addoċċ. Flixkun ta' żewġ litri kien tista' tgħin li jagħmlu ma' ħalqu u jniżżlu fi ftit sekondi.  Morna niġru lejn l-isptar".
"Kien siegħa biss bogħod mill-mewt…tant kellu zokkor li l-istrument ma bediex jirreġistrah"
L-omm tirrakkonta kif fl-isptar inqala' paniku meta raw  li l-livell ta' zokkor kien wieħed għoli ħafna tant li l-istrument li għamlulu lanqas beda jaqrah għax kien ferm aktar minn dak li jaqra. Spjegat li l-professur li kien taħtu spjegalha li "kien siegħa biss bogħod mill-mewt". Tgħidilna li ngħata it-trattament, iżda meta kien wasal il-mument li ġġiblu l-ikel mid-dar, ġiet infurmata li r-raġel tagħha iddaħħal fit-Taqsima tal-Kura Intensiva. Dan għax kellu virus u dan telagħlu għal moħħu, xi ħaġa deskritta bħala rari ħafna. Tgħidilna li "dam ġimgħatejn imraqqad sakemm ikun kontrollat. Kien hemm iehor bħalu l-ITU li kien spiċċa miet. Ir-raġel finalment irkupra u ntbagħat id-dar. Minn hemm 'l quddiem, reġa' daħal fid-dinja tax-xogħol, biss wara ftit żmien kien mar jara logħba futbol l-grawnd u meta rritorna u daħal id-dar beda jsir għarqan.  Sar għarqan xraba u taħ attakk tal-qalb.  Kien trattat għalih biss wara ftit żmien konna qegħdin ma' familja nikkampjaw u r-raġel waqa' mal-art. Għadda din ukoll, iżda m'għaddiex ħafna żmien li ma ġiex id-dar jilmenta minn uġiegħ f'sidru.  Minn testijiet li saru instab li għandu vini miżdudin u kellhom isirulu interventi tal-qalb. Ġie operat fi żmien qasir għax kien każ urġenti."  
Tispjegalna kif minn hawn 'l quddiem saru diversi interventi fuq ir-raġel, b'mod partikolari fuq il-qalb, tant li llum m'għadhomx jagħmlulu angiograms għax dawn jistgħu jkunu ta' ħsara għalih minħabba li għamlulu ħafna minnhom.
Nieqes mid-dawl minn waħda minn għajnejn u l-oħra qed tnaqqas bil-mod il-mod, u b'saħħtu dgħajfa ħafna tant li kellu jiġu mwieżen kemm biex jimxi u anki biex ipoġġi bil-qiegħda, il-mara spjegatilna kemm hu diffiċli li tgħix. Tispjegalna li minħabba l-mard tal-qalb, il-pulmuni bdew iżommu l-ilma u kellu jispiċċa jieħu ħames pilloli kuljum. 
"Jien mhux kollox jaqbel għalija. Id-dqiq ma jaqbilx miegħi u hemm prodotti oħra li ma jaqblux miegħi. Ma nistax nixtri ikel speċjali għalija għax għali wisq. Ġieli nagħmlu tlett ġimgħat maqfulin hawn ġew għax mhux faċli noħorġu. Li kieku ma jgħinunix ftit it-tfal billi jħallsuli l-kontijiet ma nafx x'naqbad nagħmel. Diġa msallbin kif qegħdin".
Tgħidilna li "nixtieq li l-politiċi u dawk li jilleġislaw jaraw li min qiegħed fuq il-pensjoni tal-invalidità ma jistax jgħix b'€450 fix-xahar. Naħseb li hemm bżonn li f'każijiet bħal dawn, il-mara ta' dak li jkun tingħata xi ħlas biex tkun tista' tlaħħaq. Jien kont naħdem imma peress li m'għandix bolol biżżejjed ma nieħu xejn. Anki din li biex issir taf xi ħaġa minn tas-sigurtà soċjali, trid titħabat sew. Jien qaluli noħroġ naħdem imma jien m'hux lesta nħalli r-raġel waħdu jew li nitfgħu f'dar tal-anzjani kif qaluli. Meta kelli ommi b'dimensja qawwija kont naħdem u nieħu ħsiebha imma issa lir-raġel ma nistax nafdah waħdu d-dar għax ma nafx x'jista' jiġrilu. Irid attenzjoni kontinwa. L-appell tiegħi hu dak li fejn jidħlu każijiet ġenwini l-awtoritajiet malajr jistgħu jiċċekkjawhom. Ir-raġel għandu munzell ta' fajls fuq il-kundizzjonjiet mediċi tiegħu. Jafu li każ ġenwin. Naf li dan mhux każ iżolat għax naf nies oħra bħali. Meta tmur tistaqsi għal x'hix int intitolat, inħossni qisni qed nagħmel treasure hunt."
Ma jonqosx li jitkellem magħna ukoll ir-raġel. B'leħen pjuttost miksur li jixhed il-fraġilità ta' saħħtu, jgħidilna li "ma ssibx l-għajnuna.  Kollha dorthom l-organizazzjonijiet. Ituk għal dak il-mument u jgħidulek tersaqlix 'l hawn malajr. Qisu l-bniedem jiekol darba biss. Ħażin ħafna. X'nippreferi jaqtgħuli l-kontijiet jew niekol. Jekk niekol se nibqa' ħaj u jekk jaqta' l-kontijiet u ma nikolx se nbati. Nappella biex jekk hemm xi ħadd, kumpaniji u hu min hu biex jekk ma jistgħux jgħinu finanzjarjament jgħinu b'ikel. Bniedem billi se ttih bott zalza, pakkett u ross u affarijiet oħra, jekk ma jkollhiex biex insajjar, se naqlihom hawn fix-xemx.  Jew tmur u jtuk prodotti skaduti. Niftakar żmien fejn affarijiet skaduti kienu jingħataw lill-majjali fir-razzett. Dak li jkun skadut kienu jaqbduh u jtuh lill-majjali għax dak kollox jiekol. Allura b'naqra ħsieb ngħid jien ħanżir jew il-familja tiegħi ħnieżer. Hawn min għandu €1,000 fix-xahar u jgerger, aħseb u ara jien. B'€450 m'għandekx ċans li tgħix. Marritli l-magna tal-ħasil u biex nixtri oħra kienet se tiswini l-benefiċċju kollu. Imnalla ġie wieħed u ġabli waħda hu. Ħajti mtertaq minn ġewwa jekk hux se jgħinuni.  Tingħata ħafna għajnuna imma jien ċittadin Malti u ma nsibx għajnuna. Jgħidulek intefa' f'residenza tal-anzjani. Jiġifieri jriduni ninqata' mill-familja u nispiċċa nmur aktar għall-agħar. Jien għalija kull qatra tgħodd", temm jgħidilna r-raġel, waqt li ma naqasx li jirringrazzja lil dawk li minn żmien għal iehor ituhom xi tip ta' għajnuna fosthom xirjiet.
minn   L-ORIZZONT

L-orfanatrofju fejn kulħadd għandu isem... u issa wkoll ritratt mal-ħajt

L-ewwel darba li rsaqt lejn dan l-orfantrofju hekk kif dħalt mill-bieb li jagħti għal bitħa kbira, ġejt milqugħ minn għadd kbir ta' tfal. Ta etajiet differenti. Issaħħru wara l-magna fotografika li kelli mdendla ma' għonqi. Jibdew jgħidulek biex teħdilhom ritratt. Allavolja jafu li dak ir-ritratt wisq probabbli qatt mhu se jispiċċa għandhom. Kienet l-għaxqa tagħhom tiġbdilhom ritratt u mbagħad jiġu ħdejk biex jaraw xi tkun ġbidt. Tfal li mhux kulħadd jaf li jeżistu. Hemm minnhom li m'għandhomx ċertifikat tat-twelid. Imma kollha maħbubin mis-sorijiet Maltin li jmexxu Kidane Mehret fil-kapitali Addis Ababa fl-Etjopja. Fuq kollox kollha għandhom isem li ħafna drabi jirrifletti l-festa tal-qaddis f'dak il-jum li huma jkunu daħlu fl-orfanatrofju. Pereżmpju Tinsaye hu l-isem ta' dawk li daħlu hemm fl-Għid il-Kbir.
Imma dan il-Milied dawn it-tfal għall-ewwel darba mhux se jkollhom biss ir-rigali tas-soltu. Għall-ewwel darba kull tifel u tifla se jkollhom ritratt kbir imwaħħal fil-kurituri u t-taraġ tal-istess orfanatrofju.  Dawn huma l-istess tfal li qatt ma raw ritratt stampat, aħseb u ara kemm għandhom ritratti tagħhom.
Quddiem dan, Tamara Lackey, fotografu li żaret l-orfanatrofju, tkellmet mas-sorijiet Maltin biex toħloq proġett u tiġbed ritratti tat-tfal kollha. Mhux hekk biss imma tiżviluppahom u tpoġġi ir-ritratti fl-istess orfanatrofju. B'hekk tkun l-ewwel darba li dawn it-tfal raw ritratt tagħhom stampat.
Wara li sar il-proġett, ħarġu għadd ta' punti pożittivi. Il-post li hu miżmum f'kundizzjoni tajba ħafna ma baqax jidher aktar bħala istituzzjoni iżda sar qisu ambjent ta' dar.  L-istess tfal urew entużjażmu kbir għal din l-idea, fejn issa wiċċhom, l-espressjonijiet tagħhom u t-tbissima tagħhom qed tagħti dehra ġdida lil dan l-orfanatrofju. Tamara tiddikjara li "ridt nuri li dawn it-tfal għalkemm m'għandhomx familja, huma tfal li xorta għandhom valur kbir. Li xorta waħda hemm min iħobbhom u jaħseb fihom".
L-emozzjonijiet għal Tamara ma naqsux. Meta kuntattjajnieha, spjegat dak li għaddiet minnu fl-orfanatrofju mmexxi mis-sorijiet Maltin, sorijiet li minkejja x-xogħol  kbir li jagħmlu ta' kuljum fis-silenzju ftit li xejn nisimgħu bihom f'pajjiżna.
Tamara tgħidilna li "jien mort darbtejn fl-orfanatrofju ta' Kidane Mehret. Sirt inħobb lil dawn it-tfal. It-tbissima tagħhom. Il-mod kif jgħannquk. L-espressjonijiet ta' wiċċhom. Ħadt gost ħafna niġbdilhom ir-ritratti. Issa ir-ritratti twaħħlulhom mal-ħajt u dawn se jkunu jistgħu jarawhom kuljum".
Nistaqsuha x'messaġġ trid twassal bil-fatt li ritratti tpoġġew fil-kurituri tal-orfanatrofju u tgħidilna li "irrid nuri lit-tfal li huma importanti ħafna. Irrid nurihom li huma għandhom valur. Li huma sinifikanti. Nistqarr li meta tkellimt mas-sorijiet Maltin, b'mod partikolari ma' Sr. Lutgarda, hi laqgħatha mill-ewwel għalkemm ma nafx jekk kinitx taf eżatt ta' x'se nkun qed nagħmel.  Meta bdejt inwaħħal ir-ritratti kbar mal-ħitan, ir-reazzjoni mis-sorijiet kienet waħda ta' sodisfazzjon kbir. Sorijiet li qed jagħmlu ħafna xogħol u jien ridt nagħtihom xi ħaġa lura. Sorijiet li jaħdmu b'mod iebes ħafna kuljum. Ilhom snin jagħmlu dan. Hi xi ħaġa rimarkabbli kif dawn iddedikaw ħajjithom u taw l-imħabba kollha tagħhom lil dawn it-tfal".
Tamara tirrakkonta ukoll esperjenza waqt dan il-proġett li se tibqa' magħha tul ħajjitha. "Kien hemm tifel li ma tantx jara. Minkejja dan imma hu kien interessat ħafna fil-fotografija. Fil-ġimgħatejn li għamilt niġbed ir-ritratti lit-tfal hu kien ikun kontinwament miegħi u kien ikun irid jara ir-ritratti fuq il-magna. Kont nurih kif jiġbed ir-ritratti u kif irid jersaq ftit lura biex imbagħad nuri l-immaġini fuq il-kamera.   Kelli ninnegozja miegħu li ma joqgħod jitlobni li jara kull ritratt li niġbed u għal dan nħallih jiġbed xi ftit ritratti ukoll. Aċċetta. Kienet esperjenza sabiħa. Bkejt meta urejt ir-ritratt kbir tiegħu ftit qabel ma twaħħal mal-ħajt".
minn inewsmalta.com

'Silenzju minn Malta' fuq id-detenzjoni

"Silenzju amministrattiv minn Malta." Din id-dikjarazzjoni qed issir fil-konfront ta' ħames mistoqsijiet li saru minn 'The Global Detention Project (GDP) lil Malta u li kienu jirrigwardaw il-post fejn jinsabu l-faċilitajiet ta' detenzjoni għall-immigranti, l-ammont ta' immigranti detenuti, l-ammont ta' immigranti li talbu għall-ażil li huma detenuti, l-ammont ta' minuri detenuti u l-ammont ta' minuri mhux akkumpanjati. F'rapport riċerkat li dam jinħadem sentejn, hemm kritika qawwija lejn Malta u lejn ir-Repubblika Ċeka u dan minħabba li ċ-Ċeki rrifjutaw it-talba ta' din l-organizzazzjoni għall-informazzjoni fuq detenzjoni minħabba li ma pprovdewx dokument ta' identifikazzjoni. Waqt li fil-każ ta' Malta ntalbet kopja tal-passaport u meta din ġiet provduta, Malta xorta naqset milli twieġeb. Ir-rapport jgħid li 'silenzju amministrattiv' fuq detenzjoni hu inaċċettabbli.
Ta' min jgħid li bħalissa ċ-ċentri ta' detenzjoni f'Malta huma lettteralment vojti. Talbiet li għamilna biex ningħataw permess nidħlu fihom minkejja li huma vojti ġew miċħudin, bir-raġuni tkun li nbidlet il-politika fuq aċċess għall-ġurnalisti.
Mir-rapport ħareġ b'mod ċar li "l-Ewropa qed tissielet biex issib rispons uman għall-ammont ta' immigranti li qed jaħarbu minn gwerer u persekuzzjoni." Ir-rapport jgħid li ħafna mill-immigranti li qed jirnexxilhom jaslu fl-Ewropa, isibu tistenniehom id-detenzjoni. Ir-rapport jiddeskrivi d-detenzjoni bħala "ċaħda tal-libertà liċ-ċittadini għal raġunijiet marbutin mal-istatus ta' immigrazzjoni tagħhom."
Ir-rapport jgħid ukoll li hu importanti ħafna li l-pubbliku jkollu informazzjoni dettaljata u aġġornata biex gruppi li jaħdmu fid-drittijiet umani, il-media u organizzazzjonijiet oħra jkunu jistgħu janalizzaw u jsegwu kif l-immigranti u dawk li jagħmlu talbiet ta' ażil ikunu trattati.
Ir-rapport jgħid li hu impossibbli li jkollok stampa vera tal-immigranti fid-detenzjoni fl-Ewropa u dan għax meta tintalab l-informazzjoni jew ma tingħatax jew ma tkunx kompluta. L-istudju qed iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill tal-Ewropa u gvernijiet Ewropej biex jieħdu passi urġenti u jiżguraw li tingħata informazzjoni ċara u dettaljata dwar id-detenzjoni.
Mir-rapport joħroġ li kienu biss sitt pajjiżi Ewropej li taw l-informazzjoni kollha mitluba dwar id-detenzjoni. Dawn kienu l-Ungerija, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Polonja, is-Slovakkja u l-Iżvezja. Ir-rapport jgħid li l-ebda pajjiż ma rrifjuta li jagħti informazzjoni, għalkemm ir-Repubblika Ċeka rrifjutaw li jagħtu informazzjoni sempliċiment għax ma ġiex provdut dokument ta' identifikazzjoni.
Min-naħa l-oħra, Malta insistiet li mat-talba għall-informazzjoni tingħata kopja ta' passaport ta' min qed jagħmel it-talba u minkejja li ġie provdut, l-informazzjoni xorta ma ngħatatx. Ir-rapport jgħid li minn 33 pajjiż li fih saru t-talbiet, kien hemm sitt pajjiżi li ma rrispondewx għat-talbiet kollha ta' informazzjoni. Dawn kienu Ċipru, l-Iżlanda, l-Italja, Malta, in-Norveġja u l-Portugal.
Ir-rapport jagħmel rakkomandazzjonijiet speċifiċi lil Malta u lir-Repubblika Ċeka fejn jgħid li għandu jkun hemm riforma fil-liġijiet u fil-prattiċi, fejn talbiet għall-informazzjoni ma jkunux rifjutati jew ikun hemm tkaxkir tas-saqajn fuqhom.
Ir-rapport jitkellem fuq 'silenzju amministrattiv' fejn Malta kienet wieħed minn dawn il-pajjiżi u jgħid li 'silenzju amminsitrattiv' fejn jidħol l-aċċess ta' talbiet għall-informazzjoni hi inaċċettabbli u dan għax l-aċċess għall-informazzjoni hi dritt fundamentali tal-bniedem.
Il-Global Detention Project hu ċentru ta' riċerka bbażat fl-Iżvizzera u l-objettivi tiegħu huma li jagħti lis-soċjetà ċivili, lil dawk li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet umani u lil dawk li jilleġiżlaw informazzjoni u analiżi fuq id-detenzjoni tal-immigrazzjoni. Dan ir-rapport li tħejja ġie riċerkat minn membri ta' Access Info Europe u The Global Detention Project. L-informazzjoni pubblikata nġabret minn talbiet għall-informazzjoni li saret lill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.
minn inewsmalta

‘Bil-mużika rrid nuri t-tbatija tas-Sirjani...'

Lest li jmur f’kull post madwar id-dinja u bil-mużika tiegħu juri it-tbatijiet li għaddejjin minnhom is-Sirjani. Ra ħafna minn sħabu jaħarbu snin ilu meta faqqgħet il-gwerra ċivili fis-Sirja. Hu iżda kien baqa’ fil-kamp tar-refuġjati f’Yarmouk u ta’ kuljum kien juża l-mużika biex tkun tama għas-sofferenzi tan-nies tal-post. Ritratti tiegħu jdoqq qalb il-ħerba tal-gwerra tista’ tgħid li daru d-dinja. Finalment wara erba’ snin kellu jitlaq anki hu. Kellu jinfired mill-istrumenti tal-mużika li kienu saru biċċa minnu. Il-firda seħħet mhux għax ried hu, imma għax membri tal-Istat Iżlamiku ħarqulu l-istrumenti.  Illum ix-xewqa li għandu hi dik li familtu li għadha fis-Sirja tingħaqad miegħu. Il-ħolma tiegħu hi dik li xi darba jgħix fil-Palestina. Meta tkellem ma’ inewsmalta.com, għażel li jitkellem fuq il-vjaġġ fil-baħar Mediterran, xi ħaġa li qabel ftit li xejn tkellem dwarha. Jispjegalna kif l-aktar parti diffiċli tal-vjaġġ lejn l-Ewropa kienet il-vjaġġ b’dinghi fil-baħar Mediterran. ‘Il-baħar Mediterran hu tal-biża. Mietu ħafna immigranti li kienu fuq dgħajjes u dinghies. Jien rajt il-klieb il-baħar madwar id-dinghi. Il-fond tal-baħar kien jidher mill-kulur blu skur tal-istess baħar. Il-baħar kien iswed u dan hu sinjal li l-l-fond tal-baħar kien aktar minn kilometru’, jiddikjara Aeham Ahmad, immigrant Sirjan li llum qed jgħix il-Ġermanja.
Kuntattjat minn inewsmalta.com, Aeham Ahmed jgħid li ‘hemm ħafna immigranti Sirjani li jinsabu mal-fruntieri ta’ pajjiżi Ewropej. Fil-vjaġġ li għamilt jien dħalt fl-Awstrija wara li għaddejt mill-Ungerija. Illum ninsab f’Berlin. Irrid nuri t-tbatijiet li għaddejjin minnhom is-Sirjani u l-Palestinjani. Lest indoqq kullimkien biex nuri dan. Il-vjaġġ lejn l-Ewropa kien iebes wisq. Bla dubju ta’ xejn l-agħar biċċa hi l-vjaġġ bil-baħar u r-riskji li tegħreq. Rajt il-klieb il-baħar qrib id-dgħajsa. Il-baħar kien skur li juri li kien fond ħafna.” Jitkellem fuq il-pajjiżi Ewropej u l-mod kif dawn laqgħu lill-immigranti Sirjani. ‘Hemm pajjiżi li trattaw lis-Sirjani tajjeb ħafna. Oħrajn ma mxewx tajjeb. L-Ungerija waħda minnhom. Fuq il-fruntiera kien hemm il-vjolenza. Il-Ġermanja laqgħet lir-refuġjati. Il-messaġġ tagħna li ninsabu f’pajjiżi Ewropej hu dak li aħna rridu l-paċi u mhux il-gwerra. Dan hu l-messaġġ li rrid inwassal bil-mużika’.
Ahmed jirrakkonta kif wara li faqqgħet ir-rivoluzzjoni fis-Sirja fis-sena 2011, is-sitwazzjoni bdiet teskala ġimgħa wara l-oħra. Jgħid li ‘kont sfurzat li nmur lura fil-kamp ta’ Yarmouk. Il-kamp spiċċa imblukkat. Ikel ma kienx hemm. Elettriku lanqas. Lanqas ilma ma kellna. Biex tixtri l-ikel kienet saret problema għax dan sar għali u konna nieklu pjanti li nsibu, xi drabi anki qtates kilna. Kien hemm nies qed imutu bil-ġuħ. L-agħar esperjenzi tiegħi kienu meta kona nara lil ibni jibki għax kien bil-ġuħ. Meta kont narah hekk kont inħossni bla saħħa. Kont qed inħoss li l-mewt kienet inevitabbli. Iddeċidejt li niffaċċjaha b’dinjita u għamilt dan bil-mużika. Niżżilt il-pjanu fit-toroq fejn hemm hekk kont noqgħod indoqq mużika li nkun ikkomponejt jien stess. Ġieli kienu jiġu ħbieb tiegħi u anke tfal ikantaw”.
Bis-sitwazzjoni tkompli sejra għall-agħar, f’Mejju li għadda ddeċieda li jitlaq mill-kamp u jmur idoqq bil-pjanu x’imkien iehor. Il-pjan tiegħu ma rnexxiex. Dan għax spiċċa f’check point u hemmhekk membru tal-Istat Iżlamiku qallu li l-pjanu mhux permess jindaqq. Il-pjanu ħarquh. Għal Ahmed li l-pjanu nħaraq quddiemu kienet daqqa ta’ ħarta kbira. Minn hemm ‘l quddiem ħa d-deċiżjoni li jitlaq mis-Sirja. Kienet ommu li tatu aktar minn €3,000 u talbitu hi stess biex jitlaq mill-pajjiż. Quddiem il-fatt li ħuh kien ġie arrestat xi tlett snin qabel u qatt ma semgħu b’aħbaru, ommu dehrilha li aħjar idabbar rasu.
Ahmed jgħid li ‘ippjanajna li nivvjaġġaw flimkien. Jien, il-mara u ż-żewġt itfal. Biss huma ma ġewx miegħi mill-ewwel. Il-vjaġġ kien iebes wisq. Rajt irġiel b’saħħithom jintilfu minn sensihom f’dan il-vjaġġ. L-ewwel vjaġġ tagħna kien lejn Homs. Minn hemm kellna nkomplu sejrin lejn it-Turkija, wara l-Greċja u mbagħad il-Ġermanja. Imma f’Homs jien ġejt arrestat għal disat ijiem. Minħabba f’hekk l-mara u t-tfal kellhom imorru lura lejn il-kamp f’Damasku. Kif inħlist kont imkisser imma ddeċidejt li nkompli l-vjaġġ waħdi.
Fl-aħħar jiem  Ahmad li għadu mifrud minn familtu, ingħata l-International Beethoven Prize, unur li jingħata għal min jaħdem b'risq id-drittijiet umani, paci, inklużjoni u l-ġlieda kontra l-faqar. L-unur ingħata wara li hu ta' kuncert f'Bonn National Art Gallery.
Meta tkellimna ma' Ahmad kien għadu fuq il-fruntiera Ewropea, jipprova jidħol fl-Ewropa. Kien mal-fruntiera tal-Ungerija.  Bix-xita nieżla mexa fuq il-highway lejn l-Awstrija. Għamel jiem jistenna bla ikel u bla ilma. Kienu jiem li fihom spikkat it-tensjoni bejn il-Pulizija Ungerija u s-Sirjani. Fi kliem Aħmed, dawk li kienu qed jippruvaw jidħlu l-fruntiera tefgħu l-ġebel imma l-Pulizija rrispondew bil-gass tad-dmugħ. Finalment irnexxiela jidħol l-Awstrija u wara l-Ġermanja fejn illum hu residenti f'dar tar-refuġjati qrib il-belt Ġermaniża ta' Giessen.
minn inewsmalta.com

Wednesday, December 23, 2015

Salons jirrifjutaw 'immigranti Afrikani'
…..tal-Marsa wieħed mill-ftit postijiet fejn jingħataw servizz


Fil-ħajja ta' kuljum, l-immigranti Afrikani jibqgħu regolarment jiffaċċjaw sitwazzjonijiet imbarazzanti u diskriminatorji, minkejja li kibret sew il-kuxjenza favur l-integrazzjoni u li jinħoloq ambjent li fih kommunitajiet barranin iħossuhom parti mill-komunità tagħna. Sfortunatament, waħda mid-diskriminazzjonijiet li jiffaċċjaw dawn l-istess immigranti hi f'xi salons tax-xagħar u dan għax hemm min ma jaċċettax li jtihom servizz. Immigranti li tkellmu magħna, qalulna li l-problema hi mifruxa sew, fejn meta ppruvaw jieħdu servizz dejjem jgħidulhom li "magħluqin". Quddiem dan, salon li hemm fiċ-ċentru miftuħ tal-Marsa, sar il-post li fih dawn l-immigranti imorru biex  jaqtgħu xagħrhom.
Berhane, meta tkellem ma' L-ORIZZONT qalilna li "hemm ċerti salons li mort fihom u dejjem jgħiduli 'magħluqin'. Kien hemm in-nies qed jinqdew. Kien hemm immigranti oħra li ġralhom l-istess. Din hi diskriminazzjoni kontrina, Għallinqas hemm naraha".  Immigrant iehor Somalu, qalilna li hu kellu esperjenzi simili.
Il-kwistjoni ta' Salons li għal xi raġuni jew oħra ma jagħtux servizzi lill-immigranti Afrikani, tqajmet  mill-Professur Nick Vaughan Williams, li kien f'Malta f'Settembru li għadda fi proġett ta' osservazzjoni fuq l-immigranti. F'rapport li ħejja dwar iż-żjara tiegħu f'Malta hu kkummenta dwar dan u qal li "s-salon li hemm fiċ-ċentru miftuħ tal-Marsa hu ta' importanza partikolari fejn jirrigwarda il-bżonnijiet tar-refuġjati u biex huma iħossuhom parti minn komunità.  Wieħed mill-immigranti li jien intervistajt, liema immigrant kellu madwar 30 sena,  u kien mill-Eritrea, qalli li kien ilu tmien snin f'Malta. Hu spjega li salons Maltin ħafna drabi jirrifjutaw li jagħtu servizzi lill-immigranti u refuġjati Afrikani. Hu spjegali li s-salon tal-Marsa hu l-post fejn jaqta' xagħru".
Hu għamel din iż-żjara f'Malta bħala parti minn proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea,intitolat "Crossing the Mediterran Sea by Boat".
minn L-ORIZZONT

Allegazzjonijiet li l-istess gang setgħet kienet involuta fi ħtif ta' diplomatiċi Tuneżini….

Jinħeles il-Malti…..kien maħtuf
minn 'gang perikoluża'


Għal darba oħra ir-Radda Deterrent Force, li hi parti mill-Ministeru tal-Intern Libjan reġgħet intużat u kienet strumentali biex ċittadin Maltin inħeles minn idejn dawk li ħatfuh.  Wara li kienu ntużaw biex inħeles Noel Sciberras f'Ottubru li għadda, fl-aħħar sigħat dawn intużaw biex inħeles Pierre Baldacchino, missier ta' żewġ itfal u li kien id-Direttur Ġenerali tal-Isptar Saint James fil-Libja. Baldacchino kien ilu miżmum għal sebat ijiem. Sorsi mil-Libja li tkellmu ma' L-ORIZZONT iddeskrivew lil dawk li ħatfuh bħala 'gang perikoluża'.  L-istess sorsi qalulna li hemm suspetti u allegazzjonijiet li din l-istess familja setgħet kienet involuta u parti minn ħtif ta' diplomatiċi Tuneżini ftit tax-xhur ilu. Jidher li dwar dan se jkun hemm investigazzjonijiet fil-Libja.
L-istess sorsi qalulna li Pierre Baldacchino ta' 36 sena  kien lokalizzat b'mod preċiż lejn l-aħħar tal-ġimgħa li għaddiet. Filfatt kien ġie kkonfermat li Pierre kien jinsab miżmum xejn inqas minn 12-il kilometru bogħod minn Tripli f'post magħruf bħala Ain Zara. L-istess sorsi Libjani qalulna li fl-inħawi hemm ħabs magħruf, iżda spjegaw li din hi żona pjuttost ġdida karatterizzata minn djar, vilel u ħwienet.  "Din hi żona pjuttost kwieta u l-fatt li nħataf u nżamm hemm tqajjem ħafna mistoqsijiet", sostnew l-istess sorsi.
L-istess sorsi qalulna li "l-fatt li nħarġu ċerti spekulazzjonijiet setgħu għamlu l-affarijiet aktar diffiċli. Min kien qed iżommu, hu meqjus bħala perikoluż. Kollox qed jindika li ma kienx miżmum fi stat tajjeb." Intant sorsi f'Malta enfasizzaw l-importanza tat-twissija biex ma jsirx vjaġġar lejn il-Libja. L-istess sorsi spjegaw li min qed jinjora dawn it-twissijiet, issa għandu każ iehor biex jara kemm hu perikoluż li wieħed jivvjaġġa fil-Libja."
L-istess sorsi qalulna li "mhux magħruf meta dan se jirritorna lura lejn Malta. Sa issa għadu f'idejn l-awtoritajiet Libjani, li għadhom qed jinvestigaw l-każ, minħabba li żewġ persuni nvoluti fil-ħtif jinsabu ukoll f'idejhom".
Immedjatament kif inħarġet l-aħbar minn sezzjonijiet tal-aħbarijiet fil-Libja ixxandar filmat. Fih dehru żewġ persuni membri ta' Radda Deterrent Force.  Wieħed seta' jinnota lil  Pierre Baldacchino  b'vuċi miksura li din kienet ġimgħa kerha ħafna għalih u ħaseb li mhux se jara lill-uliedu. Jispjega li nħataf milnn fuq triq ewlenija  u ttieħed fil-post minn fejn inħeles.  Hu enfasizza li kien nżamm mgħammad il-ħin kollu. Hu wera ukoll marki ma' jdejh fejn spjega kif inżamm marbut il-ħin kollu. Hu nħeles fis-1:30am ta' nhar it-Tlieta.  Mal-ħelsien tiegħu ġew arrestati  żewġ suspettati filwaqt li għaddejja tfittxija għal persuni oħra. Wara l-ħtif tiegħu kienu nħarġu rapporti fil-Libja li kien intalab rahan ta' $5 miljuni.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat wissa
kontra vjaġġar lejn il-Libja
Fi tweet maħruġa ftit wara l-ħelsien tiegħu  il-Prim Ministru Joseph Muscat wissa kontra vjaġġar lejn il-Libja.
Irringrazzja lill-awtoritajiet Libjani li segwew il-każ tal-Malti maħtuf fi Tripli u ħadmu biex inħeles matul il-lejl li għadda.
Intant il-Gvern Malti fi stqarrija li ħareġ qal li Pierre Baldacchino, inħeles f'operazzjoni li saret matul il-lejl.  L-operazzjoni saret mill-forzi speċjali ta' deterren ta' Tripli magħrufa bħala Rada. Intqal li l-Gvern kien il-ħin kollu f'kuntatt mal-awtoritajiet Libjan.
L-Isptar Saint James f'komunikat li ħareġ iddikjara li hu kien f'kuntatt kontinwum mal-familja Baldacchino u li kienu kuntenti li dan inħeles.
Minn L-ORIZZONT


Monday, December 21, 2015

Josette Busuttil, persuna li tghin lil dawk fil-bżonn


Fil-jiem tal-Milied... bla ikel u jiddependu mill-karità

"Illum m'għandna xejn x'nieklu. Lanqas għandna biex nixtru l-mediċina. Jekk tistgħu għinuna. M'għandna xejn kważi, lanqas x'nixorbu." Dan hu każ ta' familja li regolarment qed tiġi megħjuna minn ħaddiema soċjali, imma mhux każ iżolat. Ninsabu ftit jiem biss bogħod mill-Milied, jiem li fihom jispikkaw l-ikliet u l-festini.  Żmien li fih il-Fondazzjoni St Jeanne Antide qed ikollha talbiet regolari minn familji biex jingħataw l-ikel. Quddiem dawn it-talbiet, Josette Busuttil appellat biex min jista' jagħti donazzjonijiet ta' ikel peress li l-ħażniet li kellhom kważi spiċċaw minħabba ż-żieda fid-domanda.
Iltqajna ma' Josette Busuttil fejn fil-ħin li qattajna magħha stajna nisimgħu b'widnejna t-talbiet ta' dawn il-familji, liema familji l-każijiet tagħhom diġà ġew assessjati minn ħaddiema soċjali. It-talbiet ma jaqtgħu xejn. Telefonati ta' qsim il-qalb. Nies imbikkmin fuq it-telefown jittallbu l-ikel. Persuni li litteralment jgħixu b'ġurnata b'ġurnata. Jieklu llum u jridu jaraw minn fejn se jġibu l-ikel għall-għada.
Lil Josette nistaqsuha fuq xi każijiet li qed jiġu megħjuna. Tgħidilna li, "Qed ikollna rekord ta' talbiet għall-ikel. Waħda mill-familji kienet qed tgħix ħajja normali. Ir-raġel weġġa' fuq ix-xogħol u spiċċa f'qiegħ ta' sodda. Il-mara mardet ukoll u t-tifla tagħhom kisret saqajha. Spiċċaw bla dħul ta' xejn. Lanqas x'jieklu ma kien qed ikollhom."
"Kellna każ iehor fejn il-missier marad serjament. Lill-omm qalulha biex toħroġ taħdem. Imma din ma tixtieqx toħroġ taħdem għax trid li tibqa' ma' żewġha biex tgħinu fil-bżonnijiet tiegħu. Qed jingħataw xi benefiċċji soċjali, imma dawn mhux biżżejjed. B'madwar €400, iridu jgħixu u jħallsu l-kera. Spiċċaw lanqas ikollhom qatra ikel."
Josette Busuttil tgħidilna wkoll li, "Qed immorru aħna nħabbtu l-bibien, għax ikun hemm min jistħi jersaq 'il quddiem. Jiddispjaċini ngħid li f'Birżebbuġa sar hemm problemi soċjali kbar. Qed narawhom ta' kuljum. Familji mċaħħdin minn affarijiet bażiċi u bla dħul. Dawn huma każijiet li narawhom b'ħaddiema soċjali.
"Qegħdin fi żmien fejn bħalissa minn ħafna djar ħierġa riħa taqsam ta' ikel bnin. Imma aħna daħlulna każijiet fejn nies m'għandom xejn x'jieklu. Għandna tliet każijiet urġenti fejn omm tgħidilna li binha qed jisma' lil sħabu jitkellmu dwar ir-rigali li qalgħu. Imma hu jgħix ġo kamra waħda flimkien ma' ommu. Bilkemm għandha biċċa ħobż x'tagħtih. Nafu r-raġunijiet imma minħabba ċirkustanzi biex tieħu ċenteżmu jieħu proċess twil."
U meta qegħdin f'dawn il-jiem ta' festi, ir-realtà hi li dawn il-familji li qed jiddependu mill-karità jibżgħu jixirfu barra. Josette Busuttil tikkummenta dwar dan ukoll li tgħid li, "Dan hu żmien fejn suppost kulħadd jifraħ imma hawn nies ġo djarhom li qed jagħlqu widnejhom għax imsieken ma jifilħu jaraw xejn. Kważi ma jridux joħorġu 'l uliedhom mid-dar minħabba l-ferħ ta' barra mqabbel mad-dwejjaq tagħhom. Fejn barra huwa mdawwal, id-dar tagħhom hi fid-dlam għax għal raġuni li jafuha persuni inkarigati m'għandhomx dawl. Hemm wisq problemi biex jinxtraw affarijiet materjali u bil-ħidma tal-missier mhumiex ilaħħqu ma' spejjeż kbar. Hemm  tfal bilkemm qed jieklu."
Josette ma naqsitx li tagħmel l-appell tagħhom. "Għandna bżonn ikel biex nagħtu lil dawn in-nies. Ma rridux flus. Dawn ikel iridu. Min jista' jagħtina għajnuna f'dan is-sens hi impprezzabbli. Min irid jista' jagħmel kuntatt miegħi fuq 9811 2532 jew anke jġib l-ikel il-kunsill lokali ta' Birżebbuġa."
Minn L-ORIZZONT



Ħareġ mill-ħabs b'ta' fuqu senduqu....jgħix
fuq il-karità

Tasal fl-appartament billi titla' tliet sulari. Tidħol fih u tara kullimkien baħħ. Appartament li għamara fih ma teżistix. Tidħol f'kamra mdaqqsa u ssib televiżjoni mal-art. Injama bi ftit xkafef li ssibha mmejla għax mhix imwaħħla mal-ħajt.  Issib rag li fuqha jintaxru ħwejjeġ, mimlija bi ħwejjeġ maħsulin. Ma tistax ma tinnutax għadira ilma taħt ir-rag. Kif tistaqsi malajr tinduna għaliex hemm dak l-ilma.
Min qed jgħix fil-post m'għandux magna tal-ħasil u allura jaħseb il-ħwejjeġ b'idejh jagħsarhom hu u jonxorhom fuqha.  Imbagħad tara lasta ta' xkupa tal-metall, ma' ħajt fuq naħa tinżamm bi spalliera u fuq naħa oħra b'reċipjent iehor tat-tindif. Dawn qed jinżammu b'ħadida u b'turnavit ma' ħajt. Mal-lasta tara għadd ta' ħwejjeġ imdendlin. Għall-irqad hemm biss saqqu mal-art. Mill-bqija litteralment appartament għeri minn kollox.
Fl-appartament jgħix raġel ta' 35 sena. Ommu u missieru mejtin. M'għandux lanqas €1 għad-dispożizzjoni tiegħu u qed jgħix fuq il-karità. Il-kera tal-appartament tal-Gvern waqgħet lura b'diversi snin, l-istess il-kontijiet. Għajnuna tas-Sigurtà Soċjali ma jieħu xejn. Jixtieq ħafna jaħdem imma għadu ma sabx xogħol. Imbagħad ma inkwatru li kellhom il-ġenituri tiegħu tas-Sagra Famiglia ssib nota li tgħid hekk: "Mulej tħallinix immut waħdi.  Mulej qajjimni fuq saqajja. Amen".
F'dan l-appartament jgħix wieħed mill-persuni vulnerabbli u fqar tas-soċjetà tagħna llum. Persuna li sa ftit tal-jiem ilu kien residenti fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin. Dan ħareġ mill-ħabs b'ta' fuqu senduqu. Filfatt kif sab ruħu barra l-bieb hu ma kellu lil ħadd jistennieh u hu spiċċa mexa minn barra l-ħabs sal-Isla fejn qed jgħix.   Il-ftit għamara li kien hemm fid-dar, sab li ma kinitx għadha hemm.
Biż-żagħżugħ ikun wieħed introvert, ma kinitx faċli għalih li jitlob għall-għajnuna. Il-mistoqsijiet li joħorġu huma diversi fosthom kif se jgħix jekk lanqas għandu €1. Għajnuna soċjali ma jieħu xejn. Ovvjament tqum ukoll il-mistoqsija ta' kemm hawn aktar nies bħal dawn u fuq kollox il-bżonn li qabel jinħarġu mill-ħabs ikun hemm xi tip ta' sistema li wieħed jara li min se joħroġ minn hemm kif se jgħix.
Mawra f'dan l-appartament, li issa fl-aħħar jiem żaruh ukoll xi persuni li lesti jgħinu u anke bdew ituh l-għajnuna,  issib li f'dan l-appartament la tara oġġetti tal-ikel, la fridge, la cooker u lanqas kutri. Isajjar b'daqxejn ta' hot plate.
La ma tarax ikel, il-mistoqsija li tqum hi minn fejn iġib l-ikel. Ir-risposta tkun minn dak li jiddobba. Fl-aħħar jiem, dan iż-żagħżugħ anke spiċċa mar f'waħda mill-Għases tal-qrib biex jara jistax jiddobba xi ħaġa tal-ikel. Tidħol fil-kamra tal-banju u anki hemmhekk issibha għerja minn kollox.
Ma' din is-sitwazzjoni, il-biċċa tkompli tikkomplika ruħha bil-fatt li dan l-appartament li kien jappartjeni lill-ġenituri tiegħu, hemm xejn inqas minn €1,600 f'kera li jridu jitħallsu.  Dan l-appartment hu tal-Gvern.  Ma' dawn hemm xejn inqas minn €600 f'kontijiet tad-dawl li jridu jitħallsu ukoll.
Kif daħal fl-appartament, wara ftit jiem sab għajnuna minn Prison Fellowship Malta, li għenuh billi tawh  mill-ewwel madwar €30.  Biss kif beda jgħix hemm, intalab ħlas ta' madwar €24 fi spejjeż ta' dawl għall-komun ta' dawn l-appartamenti.
Id-Direttur ta' Prison Fellowship, Mark Vella, meta kuntattjat qalilna li, "Aħna tajnieh ammont ta' flus żgħir biex jibda għax dan hu każ ta' emerġenza. Iżda meta staqsejtu x'fadallu minnhom u f'hiex nefaqhom, spjegali li kellu jħallas id-dawl tal-komun.  Meta morna fl-appartament tiegħu rajna li kien każ umanitarju qawwi. Litteralment ma kien hemm xejn. Xtrajnielu għadd ta' prodotti tal-ikel, frott u toiletries għas-somma ta' €120.  Dan hu persuna li jixtieq ħafna jaħdem u li jrid jerġa' jqum fuq saqajh. Jiddispjaċini li llum għad għandna sitwazzjoni fejn dak li jkun joħroġ mill-ħabs b'ta' fuqu senduqu. Dan lanqas Tal-Linja ma jista' jaqbad biex imur għal vista l-isptar  għax m'għandux flus biżżejjed. Dan hu persuna li għandu bżonn ħafna għajnuna biex jerġa' jibda jgħix".
"Fir-rigward ta' dan il-każ aħna se nibqgħu nsegwuh u se nkunu qed ngħidu b'finanzi limitati. Se nkunu qed ninsistu li ningħataw l-irċevuti kollha tal-infieq li jkun sar.  Għamilna kuntatt ukoll ma' għadd ta' awtoritajiet u ministeri u diġa qed naħdemu mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Naħsbu ukoll li meta llum qed ngħixu fis-sena 2015, hemm bżonn li min joħroġ mill-Faċilità Korrettiva ta' Kordin naraw li jkunhemm sistema fejn lil dak li jkun isaqsuh jekk għandux mezzi limitati biex għallinqas jgħix. Fil-każ ta' dan il-persuna ma nistax nifhem kif kien se jgħix jekk ma kellux ċenteżmu wieħed."
George Busuttil mill-għaqda "Mid-Dlam għad-Dawl" li taħdem mill-qrib ma' residenti fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin qalilna li sfortunatament is-sistema hi li min ikun se joħroġ mill-ħabs jinħareġ fis-7.00 ta' filgħaxija u l-faċilità m'għandhiex x'taqsam aktar. "Ejja ngħidu jkun hemm min joħroġ b'€100 fuqu li hu rari. Dawn kemm se jservuk meta tkun qed tgħix barra? Sfortunatament ikollna min joħroġ bi ftit li xejn flus".

inewsmalta.com qed jirċievi diversi messaġġi mingħand nies li jixtiequ jgħinu. Biex nirrispettaw il-privatezza tal-individwu kkonċernat u anke ta' min ikun qiegħed jgħin nitolbu lill-qarrejja tagħna biex jikkuntattjawna fuq info@inewsmalta.com u jgħidulna b'liema mod jew mezz jixtiequ jgħinu. Kull minn jixtieq jgħati xi ikel jew oġġetti oħra jista' jġibhom il-Union Print il-Marsa u aħna ngħadduhom lill-persuna direttament. Nirringrazzjaw lil kulħadd.

Il-każ tal-eks resident fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin li ħareġ minn hemm b'ta' fuqu senduqu u spiċċa mexieha sa daru li hi għerja minn kollox, kellu żvolta lbieraħ u dan hekk kif il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, Michael Farrugia iddikjara li "ħriġnielu l-benefiċċji soċjali kollha".
Il-Ministru Michael Farrugia, f'konferenza stampa li kien qed jagħmel irrefera għall-istorja tal-ekspriġunieri, u qal li dan kien persuna li nħareġ mill-Faċilità Korrettiva wara deċiżjoni tal-Qorti. Aġenżiji tal-Gvern bħall-Appoġġ, li daħlu fil-każ u qed jassistu.a li dwar din il-persuna tkellmet il-midja u qal li kif l-awtoritajiet saru jafu bih inbdew il-proċeduri kollha biex tinħariġlu l-assistenza.
Il-Ministru żied jgħid li fil-ħabs hemm servizz li sa minn tliet ġimgħat qabel priġunier joħroġ jinbdew l-proċeduri marbutin ma' assistenza soċjali. Qal li iżda dan kien każ differenti għax inħareġ minn hemm b'deċiżjoni li ngħatat mill-Qorti.
Il-Ministru rrimarka li lil dan l-ekspriġunier inħarġulu l-benefiċċji kollha u qed isib ħafna għajnuna.
Minn L-ORIZZONT u inewsmalta.com














Ħasbuhom kontra l-Gvern Malti... meta kienu kontra l-Gvern Etjopjan

"Xi jridu aktar dawn? Mhux kollox itihom il-Gvern? Dawn ituhom kollox mhux bħalna," qalli anzjan li kien fi Triq ir-Repubblika u li ftit passi bogħod minnu kien hemm grupp ta' Etjopjani li jgħixu f'Malta jipprotestaw.
Malajr ingħaqdu oħrajn u bdew jgħidu li mhux sew jipprotestaw kontra l-Gvern meta Malta tathom kenn. Dan is-sentiment intwera wkoll minn persuni oħra fosthom xi persuni li jaħdmu fi ħwienet u li ħarġu jsegwu l-protesta, bi stil Afrikan, storbjuża u kkulurita.
"Ma jiblax il-loudspeaker!" kien il-kumment li għadda anzjan iehor. Matul it-triq li għaddew minnha ma kinux wieħed u tnejn li rrimarkaw kif dawn qed jipprotestaw. Li ma ndunawx dawn il-persuni hu li dawn ma kinux qed jipprotestaw kontra l-Gvern Malti. Kienu qed jipprotestaw kontra l-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti u fuq kollox kontra r-reġim dittatorjali tal-Etjopja, fejn fl-aħħar jiem għadd ta' studenti kienu massakrati minħabba l-protesti li qed jagħmlu kontra t-teħid ta' art fl-espansjoni tal-kapitali Etjopjana Addis Ababa.
Il-protesta fil-Belt Valletta kienet waħda minn sensiela ta' protesti li qed isiru madwar id-dinja, intiżi biex pajjiżi li qed jgħixu fihom l-Etjopjani jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern Etjopjan.
Fil-protesta, li saret f'Malta mill-Komunità ta' Refuġjati Oromo, inġarrew bnadar Etjopjani, bandiera Maltija u anke dik tal-Unjoni Ewropea.  Ma naqsux għadd ta' kartelluni li fihom intwerew il-massakri li saru fl-Etjopja mill-forzi tal-ordni fuq membri tal-komunità Oromo. Spikkaw persuni marbutin bi ktajjen.
Fil-protesta, li bdiet minn quddiem il-Parlament u baqgħet sejra sa quddiem ir-rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta, il-membri tal-komunità Oromo f'Malta esprimew ir-rabja tagħhom lejn il-Gvern Etjopjan minħabba l-attakki feroċi li qed jagħmel fuq studenti mill-komunità Oromo.
Intant madwar id-dinja bdiet tinġabar petizzjoni li tgħid li l-Gvern Etjopjan qed juża l-militar kontra l-istudenti u ċittadini Oromo li qed jipprotestaw kontra l-espansjoni ta' Addis Ababa. Minn nofs Novembru ta' din is-sena, bdew għadd ta' protesti paċifiċi minn studenti fid-distrett żgħir ta' Ginchi. Minn hemm il-protesti infirxu għal universitajiet u kulleġġi oħra.
Ġenituri, bdiewa, ħaddiema tal-fabbriki u professjonisti ngħaqdu mal-istudenti fil-protesti. Il-militar qed jispara fuq dawk li qed jipprotestaw. Fost dawk li nqatlu kien hemm tfal li ma kellhomx aktar minn tmien snin. Sa issa hu stmat li nqatlu xejn inqas minn 65 persuna.
minn inewsmalta.com