Monday, November 7, 2016

"Xokk kbir … lanqas nista' nemmen" - ħabib ta' Barry Zammit li miet traġikament f'Ħal Far

"Xokk kbir illejla. Għadni lanqas nista' nemmen. Kuraġġ u kondoljanzi lill-familja speċjalment lil dak l-anġlu żgħir. Se nħossu ħafna n-nuqqas tiegħek", kien il-messaġġ li kiteb Duncan Incorvaja, għall-aħbar li Barry Zammit ta' 36 mill-Ħamrun miet traġikament f'Ħal Far wara ħabta bil-mutur.
Jeremy Portelli jikteb li "ħallejtni bla kiem. Kburi li kont klijent tiegħi u wisq aktar ħabib kbir tiegħi".
Diego Xuereb jikkummenta li "Barry lanqas nista' nemmen b'dak li ġara. Kont ħabib ta' vera. Dejjem narak bi tbissima fuq xufftejk. Kemm konna nidħku flimkien".
Barry Zammit miet wara li fit-triq ta' Ħal Far ħdejn il-mitjar għal raġunijiet li għadhom mhux magħrufin kien involut f'ħabta ma' karozza.

Sal-Milied b'pożizzjoni dwar il-paga minima


Hekk kif fl-aħħar jiem ingħatat l-impressjoni li donnu d-diskussjoni fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) dwar il-paga minima miexja bil-mod ħafna, iċ-Ċermen tal-Kunsill, John Benċini f'kummenti lit-TORĊA iddikjara li dan mhu minnu xejn. Mhux biss għaddej eżerċizzju intensiv dwar il-paga minima imma anke hemm żmien iffissat sa meta għandha tkun magħrufa l-pożizzjoni tal-MCESD dwar is-suġġett. Fi kliem John Bencini, sa qabel i-Milied il-Gvern għandu jkollu l-pożizzjoni tal-MCESD. Ma naqasx li jirrimarka li ma jaħsibx li se jkun hemm unanimità.

 Bencini qalilna li "wara li ġibna d-Direttur tal-Caritas, fid-diskussjoni ħareġ li kien hemnm konkluzjonjiet fuq faqar assolut. Tajjeb li sar dan imma din ma ttikx l-istampa kollha. Ħassejna li ma stajneix niddeċiedu fuq dak id-dokument waħdu. Ridna nieħdu stampa aktar ċara u qabbadna lil ekonomist Lino Briguglio dwar il-vantaġġi u żvantaġġi li tiżdied il-paga minima u lil ekonomista Gordon Cordina biex jagħeml rapport ieħor dwar il-faqar f'Malta. Dawn lestewhom fi żmien xahar u huma rapporti tajbin ħafna. Bgħatnihom lill-partijiet soċjali biex jifluhom. Il-Prim Ministru talabhom ukoll u għaddejnihom. Se jsiru core groups li jiddiskutuhom u l-konsulenti tagħna se jagħmlu rapport  wieħed dwar il-pożizzjoni tal-MCESD. Naħseb li mhux se jkun hemm unanimità. Sa qabel il-Milied il-Gvern ikun jaf il-pożizzjoni fl-MCESD u mbagħad ikun il-Gvern li jiddeċiedi."

    •    



''Tfal aktar f'dari ma jidħlux'' …
......familja tgħaddi minn martirju wara allegazzjonijiet ta' abbuż fuq minuri


    •    Jgħixu f'dar normali għall-aħħar. Kif tidħol fiha tinduna mill-ewwel li hi dar ċkejkna. Tgħix fiha familja b'wild wieħed. Familja li għamlet tmien snin għaddejja minn martirju u tensjoni kbira. Kif dħalt għandhom, lanqas ilħaqt poġġejt bilqiegħda li l-omm ma daritx lejja u qaltli "tfal aktar ġo dari ma jidħlux. Jekk xi ħadd jgħidli nżommlu tfal nagħmel dan bil-qalb kollha għax jien it-tfal l-għors tiegħi, imma nmur għandu mhux inġibhom hawn. Jien naf minn xhiex għaddejna". Ħdejha kien hemm Mario, ir-raġel tagħha. "Seba' ġimgħat għalxejn il-ħabs għamilt jien. Poġġejni ma' dawk li jkunu nstabu ħatja fuq abbużi fuq tfal. Filgħaxija kont inħabbat rasi mal-ħajt taċ-ċella. Kon se niġġennen hemm. Il-mistoqsija li tibqa' tiġini f'moħħi hi għaliex għamluli hekk?  Għaliex saru allegazzjonijiet ta' abbuż fuq tfal li ma kinux minnhom. Ġejt liberat minn kollox imma l-mistoqsijiet u trawmi hemm jibqgħu. Saħħti marret lura tort ta' dak li għaddejt minnu", jgħid Mario lit-TORĊA.

"Li nixtiequ nsaqsu hu min se jerfa' responsabbilità ta' dak li għaddejna minnu. Saru allegazzjonijiet fuq ir-raġel, spiċċa l-ħabs u għaddejjna minn martirju sħiħ. Lanqas jgħaddi minn moħħ ħadd xi trid tiffaċċja fi triq meta isem ir-raġel tiegħek jiġi mċappas b'allegazzjoni ta' abbuż fuq tfal. Tispiċċa tiġi emarġinat. Nies jippuntaw is-swaba. Tmur twassal it-tifel l-iskola u tara l-ħars li jkun jgħid ħafna.  J'alla ħadd ma jgħaddi minn dak li għaddejna minnu. Veru r-raġel ġie liberat mill-akkużi kemm f'sentenza tal-Qorti u anki fl-appell, imma l-effett tat-trawma hu kbir wisq", tgħidilna l-omm.
"Qabel qatt ma kienet għadditli minn rasi, li ngħaddi minn esperjenza bħal din. Illum ngħid li tista' tiġri lil kulħadd. Iebsa ħafna. Kif se tfiehem lit-tifel. Wara ftit jiem li lir-raġel tefgħuh il-ħabs, kont iddeċidejt li nieħu t-tifel. Kien għad żgħir ħafna u għedtlu li sejrin f'boarding school. Għedtlu li missieru kien qed jaħdem fuq il-bini ta' krejn u kien se jkollu jorqod hemm. Ma ninsa qatt meta konna quddiem it-televiżjoni ftit jiem wara u t-tifel jara servizz fuq il-ħabs u jgħidli li hemmhekk qisu fejn hemm missieru. L-espressjoni ta' kif qalha daħlet f'qalbi".
L-allegazzjonijiet li kienu saru kienu li b'egħmil żieni kkorrompa lil tifla ta' tnax-il sena u li offenda l-puru jew il-morali b'egħmil li sar f'post pubbliku jew f'post espost għall-pubbliku. Il-Qorti tal-Appel fid-deċiżjoni  qalet li f'ħafna dettalji kien hemm inkonsistenzi u t-tifla ma kinitx ċara fir-risposti li tat għajr għalmeta tat deskrizzjoni ta' l-abbuż li allegatament seħħ. Il-Qorti qalet li mhix ċara kemm il-dara hi raqdet fid-dar, mhix ċara jekk fil-kamra tas-sodda kienx ikun hemm kuġinuha,  u waqt li tgħid li kienu tieħu gost fil-kumpanija tiegħu, aktar 'l quddiem imbagħad tgħid li tibża minnu.
Intqal li l-l-ewwel Qorti setgħet raġonevolemnt u legalment tasal għall-konklużjoni li wasslet għaliha u dan fid-dawl tal-fatt li x-xhieda tal-minuri ma toffrix dik il-konsistenza u preċiżjoni fid-dettal tagħha. Dan id-dubju fil-kamp penali neċessarjament jimmilita favur il-persuna ta' l-akkużat billi kundnna li twassal għal telfien tal-libertà ma tista' qatt tkun imsejsa fuq id-dubju.
 
L-omm tgħidilna li "jien l-appell li nagħmel hu wieħed. Li meta jsiru allegazzjonijiet, il-ġenituri jaraw sew l-affarijiet. Jien meta ġew u ġabruh il-Pulizija lanqas biss kont naf. Għamilt lejl nistenna u ndur mad-dar. Nistennieh ġej u mbagħad nirċievi telefonata mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u qaluli nġiblu xi frieket u skieken tal-plastik. Għedilhom jgħidulu x'ġara u ma qalulix. Ngħid ukoll li l-Pulizija qatt ma ġew hawn jaraw id-dar. Ma nistax nifhem kif saru dawn l-allegazzjonijiet kontrija meta lit-tifla konna narawha tqatta xagħrha quddiem il-mera u tgħid diskors kontra l-ġenituri tagħha. Qatt ma setgħux isiru dawk l-allegati abbużi għax jien dejjem kont inkun hawn
Għal Mario, għalkemm dan il-każ hu magħluq u ġie meħlus mill-allegazzjonijiet li saru, hu jħoss li t-trawma li għadda minnha qed taffettwalu saħħtu. Tispikka fix-xhieda tiegħu dikjarazzjoni li qal li din l-istorja vvintata kissirtlu ħajtu  imma xorta waħda lest jaħfrilha.




Bil-PN sa 700 siegħa bla dawl fis-sena
    •    Nov 06, 2016 08:45
    •    Miktub minn Victor Vella

 Mingħajr l-impjant il-ġdid li jaħdem bil-gass, kif qed jipproponi l-Kap tal-Oppożizzjoni, Malta ma’ tkunx qed tiġġenera biżżejjed enerġija għal pajjiż sħiħ u nistgħu nispiċċaw sa 700 siegħa f’sena jew aħjar xahar sħiħ mingħajr dawl. Dan sakemm mhemmx il-ħsieb li jinxtgħel lura l-impjant l-antik li jaħdem bl-HFO f'Delimara u titħalla tal-Marsa għal li jista' jinqala'.Dan għall-fatt li bl-Interconnector u bl-impjant tal-BWSC biss ma jkunx qed jiġi ġġenerat enerġija biżżejjed li tforni dawl għal Malta kollha.
It-TORĊA tkellmet ma' diversi inġinieri fil-qasam tal-enerġija elettrika. Dawn littealment ġabu fix-xejn il-pjan tal-Kap tal-Oppożizzjoni li aktar kmieni din il-ġimgħa u anki drabi oħra qal li pajjiżna “m’għandniex bżonn impjant tal-enerġija ġdid u li għandna biżżejed biex inlaħħqu mal-bżonnijiet.”

Kalkolu sempliċi

Inġinier li tkellem mat-TORĊA spjega li bl-interconnector nistgħu nimportaw dawl sa 200MW filwaqt li bl-impjant tal-BWSC nistgħu niġġeneraw ftit inqas minn 150MW għal total ta’ 350MW. U dan jekk jaħdem kollox perfett mingħajr ħsarat. Qalilna iżda li mix-xerja tal-konsum tal-elettriku fil-pajjiż id-domanda tal-pajjiż hija ta’ aktar minn 420MW. Qalulna ukoll li din id-domanda mistennija tkompli tiela’. Dan għax id-domanda għall-enerġija tiżdied meta l-ekonomija tikber. Filfatt id-domanda ta’ pajjiżna kompliet tikber b’mod konsistenti matul is-snin.
“Dan ifisser li bl-interconnector u impjant tal-elettriku wieħed, b’mod fattwali u b’kalkolu sempliċi ħafna, pajjiżna ma jistax ikampa żgur,” qalilna l-inġinier espert fil-qasam tal-enerġija.
It-TORĊA ippruvat tikseb “il-pjan” misterjuż li għandha l-Oppożizzjoni u li partijiet minnu kienu pubblikati f''The Malta Independent. L-esperti li tkellmet magħhom it-TORĊA qalulna li fl-opinjoni tagħhom dan ir-rapport jidher li fih “skoss premessi żbaljati u żbalji bażiċi”. Fin-nuqqas sa issa ta’ spjegazzjonijiet ċari mill-Oppożizzjoni, it-TORĊA stħarrġet x’jista’ jiġri jekk il-pjan tal-Kap tal-Oppożizzjoni li ma jużax l-impjant tal-enerġija li jaħdem bil-gass xi darba jseħħ.
HFO u l-Marsa tinżamm għal li jista' jinqala'
Dwar dan, l-inġiniera li tkellimna magħhom taw interpretazzjonijiet varji.
“Jekk nisimgħu mill-Kap tal-Oppożizzjoni u ma nixgħelux l-impjant tal-enerġija tal-gass (sakemm isir il-pajp tal-gass) jista’ jfisser li l-Enemalta jkollha tibda’ titfi d-dawl kull meta d-domanda taqbeż it-350MW. Dan jista’ jiġri sa 700 siegħa fis-sena – jew xahar sħiħ,” sostna wieħed mill-inġinieri esperti fil-qasam tal-enerġija li ħadem anke ma’ amministrazzjonijiet Nazzjonalisti fil-passat.
Jew inkella, mingħajr l-impjant jaħem bil-gass, il-pjan tal-Oppożizzjoni huwa li jżommu l-impjant taż-żejt li jniġġes f’Delimara (u allura ċ-ċumnija l-kbira) jaħdem filwaqt li nżommu l-impjant tal-enerġija tal-Marsa għal li jista' jinqala biex inlaħħqu mad-domanda jekk l-interconnector jiġrilu ħsara bħal ma ġratlu ftit tal-ġimgħat ilu.
Kontijiet ogħla jew ekonomika tiċkien
Inġinier ieħor qalilna li l-pjan tal-Oppożizzjoni jista’ jkun li jħaddem l-impjant li jaħdem bid-diżil (Delimara 2). “Dan ikun ifisser li l-prezz tal-elettriku jiġi jiswa; d-doppju ta’ dak li jiswa’ biex tħaddem impjant tal-HFO, u allura pajjiżna jerġa' jmur lura billi jkollu jerġa’ jgħolli l-kontijiet. Jista’ ukoll jerġa’ lura għall-pjan tiegħu li jġiegħel lil kulħadd juża’ l-apparat domestiku għall-ħasil f’ħinijiet meta d-domanda tkun baxxa, kif ippropona fl-elezzjoni ġenerali tas-sena 2013,” qalilna l-istess inġinier.
“Fl-agħar ipoteżi, li ma nimmaġinax li jaspira għaliha l-Kap tal-Oppożizzjoni, biex pajjiżna jiġġenera domanda mingħajr l-impjant il-ġdid l-ekonomija tal-pajjiż ikollha tiċkien b’20 fil-mija u allura d-domanda tonqos. Fl-opinjoni tiegħi dan ikun ifisser li fabbriki kbar ħafna jkollhom jitilqu minn Malta bil-konsegwenza ta’ telf ta’ eluf ta’ impjiegi,” qalulna l-istess esperti li sostnew li dan ikun ta' detriment għall-ekonomija Maltija.

Sunday, November 6, 2016

Baħrin fuq bastiment li jtajjar il-bandiera Maltija b'xhur mhux imħallsin u b' pagi miżeri
    •    Nov 05, 2016 18:30
Grupp ta' baħrin mir-Russja, l-Ukrajna u l-Bulgarija u li kienu qed jaħdmu fuq bastiment reġistrat taħt il-Bandiera Marittima Maltija jinsab f'kontroversja sħiħa hekk kif ilhom ma jitħallsu xhur mis-sidien tal-bastiment.
Jidher li mhux biss ilhom ma jitħallsu imma anki l-pagi li kienu offruti qed jitqiesu bħala miżeri. Il-bastiment inkwistjoni iġib l-isem ta' "Svetlana". Dan bħalissa jinsab maqbud fil-port ta' Cardiff fir-Renju Unit.
Dan il-każ qed ikun segwit mill-Ispettur tal-ITF, Tommy Molloy. Il-bastiment jinsab miżmum wara investigazzjoni li saret mill-Aġenzija Marittima u tal-Gwardji tal-Kosta fir-Renju Unit. Il-bastiment inżamm minħabba li l-baħrin kienu ilhom xhur ma jitħallsu ta' xogħolhom.

Molloy iddikjara li "dawn il-baħrin irċevew pagamenti żgħar u dawn ma kinux frekwenti. Ngħid li s-salarji li suppost tħallsu dawn il-baħrin hu fost l-inqas li qatt iltqajt miegħu fl-aħħar snin. Il-pagi offruti huma ħafna inqas mill-minimum li hemm riferenza għalih fil-Konvenzjoni tax-Xogħol Marittimu tas-senas 2006."
L-ispettur tal-ITF qal li l-kumpanija insistiet li hi se tħallas biss dak li hemm stipulat fil-kuntratt. Tommy Molloy ikkritika l-bandiera marittima u qal li din naqset li tirrispondi.
"Għalija hu ċar. L-istati li rratifikaw proċeduri stabbilita li jiddeterminaw l-minimu tal-pagi mħallsin lill-baħħar, għandhom jagħtu konsiderazzjoni ta' dak stabbilit mill-Organizazzjoni Internazzjonali għax-Xogħol (ILO). Kemm iridu jkunu baxxi l-pagi tal-baħrin biex ir-reġistru Malti jintervjeni?" staqsa l-Ispettur tal-ITF.



Il-ħsejjes tal-qniepen Maltin miġburin u arkivjati għal min irid jismagħhom
    •    Nov 04, 2016 08:45


Forsi jkun hawn min jilmenta għad-daqq tal-qniepen. Mhux l-ewwel darba li kien hemm min ilmenta ma' l-awtoritajiet ekkleżjastiċi dwar id-daqq tal-qniepen. Imma hu fatt li jogħġbok jew ma jogħġbokx id-daqq tal-qniepen hu parti mill-ħajja tagħna ta' kuljum. Id-daqq tal-qniepen tagħna hu parti ukoll mill-festi tradizzjonali Maltin. 
B'ħidma li ħadet is-snin miż-żagħżugħ Rayden Mizzi, kollezzjoni ta' xejn inqas minn 1,200 nota ta' qniepen li għandna fil-Knejjes Maltin u f'postijiet oħra issa jinsabu arkivjati fl-Arkivji Nazzjonali.  Rayden, li għandu passjoni kbira għall-qniepen għadda din il-kollezzjoni lill-proġett tal-memorja nazzjonali li qed jaħdem fuqha l-arkivju nazzjonali.
Ta' min jgħid li l-proġett tal-irrekordjar tal qniepen ra l-bidu tiegħu fi Frar tas-sena 2006 fejn fil-lokalità ta’ Ħaż-Żabbar irrekordja il-qniepen tas-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja (il-Mota tal-Ħamis).  Jgħid li "eventwalment fis-sena ta' wara bdejt nżur iktar Knejjes billi fl-Għid il-Kbir bis-saħħa ta’ għalliem li kien jgħallimni l-Arti u d-Disinn fl-Iskola tal-Knisja ħadni ndoqq il-qniepen tal-Kon Katidral ta San Ġwann u irrekordjajthom.
F’Mejju żort fil-lokalità ta’ Ħal Tarxien fil-Festa ta’ Marija Annunzjata fejn iltqajt mad-daqqaqa li jdoqqu fil-festi Maltin u minn hemm ukoll irrekordjajt xi taqsimiet tradizzjonali ta’ kif jdoqqu l-qniepen fiż-żmien il-festa tar-raħal."
"Fis-sena 2008 kienet sena fejn bdejt naħseb li nibda bis-serjetà dan il-proġett u żort kważi il-Knejjes kollha fid-dawra tal-Fgura – il-Kottonera, Raħal Ġdid u Ħaż Żabbar", jgħid Mizzi.
Jenfasizza li kien fis-sena 2009 meta kompla  jifrex il-ħidma tiegħu u kważi żar il-knejjes kollha fejn hemm il-qniepen kbar mill-Mellieħa saż-Żurrieq – xi 25 Knisja b’kollox. "Għal-ewwel darba irrekordjajt il-Libra tal-Mejtin fil-Bażilika u Parroċċa ta’ Porto Salvu u San Duminku l-Belt Valletta" itenni Rayden Mizzi. 
'Komplejt inkabbar dan il-proġett u tista’ tgħid li fis-sena 2010 żort il-Knejjes kollha parrokkjali ta’ Malta. F’dik is-sena stess bdejt nħoss li anke nibda nirrekordja l-qniepen tal-kappelli".
Dan il-proġett tar-recordings tal-qniepen formalment il-poplu Malti għandu żewġ għażliet minn fejn jismagħhom billi jidħol fis-sit elettroniku YouTube fejn bil-libertà jista' jfittex fejn jrid jisma’ jew inkella jmur l-Arkivju Nazzjonali u jista’ jmur jismagħhom minn hemmek stess.


Xokkijiet tal-elettriku fuq immigranti mill-Pulizija Taljani
    •    Nov 03, 2016 13:53
Amnesty International għadha kif ħarġet rapport li fih allegat li Pulizija Taljani sawwtu u anke użaw xokkijiet tal-elettriku fuq immigranti waqt li kienu qed jitteħdulhom il-marki tas-swaba.
Ir-rapport ta' din l-organizazzjoni jgħid li "pressjoni tal-Unjoni Ewropea fuq l-Italja biex tkun iebsa mal-immigranti u r-refuġjati wassalu għal trattament inuman li f'xi każi jista' anke jkun tortura. Amnesty International qalet li mill-24 rapport ta' trattament ħażin, kien hemm 16-il każ li kien jinvolvu swat. Intqal li kien hemm każi fejn intużaw xokkijiet bl-elettriku fosthom fuq tifel ta' 16-il sena mis-Sudan.

"Ixxukkjawni bl-elettriku fuq saqajja x-xellugija u mbagħad irrepetew kollox fuq is-sieq tal-lemin u fuq żaqqi. Jien kont dgħajjef wisq u ma stajtx nirreżisti. Imbgħad qabduli idejja u poġġewhom fuq il-magna."
Matteo de Bellis, ir-rappreżentant ta' Amnesty fl-Italja qal li t-testimonjanzi kienu konsistenti għalkemm qal li dawn ma jistgħu jiġu vverifikati għal kull detall. Ninsabu f'pożizzjoni li ngħidu li hem problema ta' forza eċċessiva mill-Pulizija."


Ħelsu mit-terrapien billi rmewh fuq l-irdum tal-Imtaħleb

Kull min fl-aħħar jiem mar fl-inħawi ta' Miġra l-Ferħa fl-irdumijiet ta' Ħad-Dingli ma setax ma jiddiżgustax ruħu b'munzell terrapien u skart ieħor li ntefa' hemm minn xi ħadd irresponsabbli. Din hi żona li hi mfittxija sew kemm minn Maltin u kemm minn turisti. Tasal għaliha permezz ta' triq, bl-iskart intefa' qrib il-parkeġġ li hemm fuq l-irdum. Nittamaw li tittieħed azzjoni biex dan l-iskart ma jkomplix ikerrah id-dehra tal-irdumijiet.



Ħsarat bil-Grigalata fl-irziezet tat-tonn ... jonqos il-ħut
    •    Nov 03, 2016 09:30
  

''Mhux ġust li kulħadd jipponta subgħajh lejn l-irziezet tal-ħut ... issa l-ħut fil-gaġeġ naqas ħafna"
Il-Grigalata li laqtet lill-gżejjer Maltin fl-aħħar jiem għamlet ħsarat sew f'għadd ta' gaġeġ tal-ħut, tant li jidher li ħarab xi tonn minnhom u dan spiċċa fuq il-blat b'mod partikolari f'żoni f'San Pawl il-Baħar.
L-ammont ta' tonn li ħarab hu wieħed żgħir għax il-ħut fil-gaġeġ naqas ħafna. F'kumment lil inewsmalta, l-avukat John Refalo,  li jirrappreżenta lill-industrija tat-tkabbir tal-ħut, qalilna li "f'dan il-pajjiż kif jgħidu ħu l-fama u mur orqod. Għal kull ħaġa li qed tiġri fil-baħar jeħlu tal-irziezet tal-ħut. Qed nirreferi għal dak li ġara f'Portomaso. Ħadna kampjuni u bgħattnihom barra. Dak il-materjal ma kienx fih riħa bħal dak li kien hemm fis-sajf. Nista' ngħidlek li jien kont Taormina fl-aħħar jiem u rajt l-istess foam, ragħwa u materjal kannella li rajna fl-ibħra tagħna. U dan meta f'Taormina m'hemmx irziezet tal-ħut."
L-avukat Refalo qalilna li "dak li ġara f'Awwissu kien żejt tal-ħut. Biss il-baħar hu ħaġa ħajja. Il-baħar hu mimli organiżmi. Meta jkollok mewġ qawwi dan iqanqal il-qiegħ. Fuq dak li ġara f'Portomaso fejn jottijiet u dgħajjes spiċċaw kannella, aħna ħadna kampjuni u qed nistennew ir-riżultati. Biss dak il-materjal ma kienx fih riħa ta' ħut. Tlabna anke lill-Gvern jagħmel investigazzjoni".
Tenna li "nista' ngħid li għaġġilna l-qtil tal-ħut u issa ftit li xejn hemm ħut fil-gaġeġ. Sa ftit ġimgħat oħra, il-gaġeġ jitbattlu. Dan ifisser li naqas l-ikel li jintrema' lill-ħut. 

Mitlub jikkummenta dwar dan it-tonn misjub fuq il-blat, id-Direttorat għat-Tindif Ramon Deguara qalilna li "nafu b'dawn ir-rapporti iżda dak it-tonn inġabar mill-operaturi stess". 
It-tonn li spiċċa fuq ix-xtajiet inġabar mill-operaturi stess
Kienu diversi dawk li fl-aħħar jiem sabu tonn imdaqqas fuq il-blat b'mod partikolari f'San Pawl il-Baħar. Filfatt wieħed mill-aħħar każijiet kien eżattament quddiem l-iskola Primarja ta' San Pawl il-Baħar.
inewsmalta hu infurmat li dan it-tonn ħarab minn razzett tat-tonn minħabba l-Grigalata qawwija li għamlet. L-operaturi, kif indunaw b'dan ħadu azzjoni u kull fejn kien hemm rapporti ta' tonn mejjet bagħtu ħaddiema minn tagħhom u ġabruh. 
Mitlub jikkummenta dwar dan it-tonn misjub fuq il-blat, id-Direttorat għat-Tindif Ramon Deguara qalilna li "nafu b'dawn ir-rapporti iżda dak it-tonn inġabar mill-operaturi stess". 
Wieħed jifhem li l-operaturi tat-tonn qed janalizzaw il-ħsarat li saru f'xi gaġeġ minħabba l-mewġ għoli.  Hu mifhum li l-ammont ta' tonn li ħarab kien wieħed żgħir.

It-Tubru ''jingħata l-ħajja'' f'Ħaż-Żabbar
    •    Nov 03, 2016 08:30


Tradizzjoni li nqatgħet minn pajjiżna f'dawn il-jiem li fihom jitfakkru l-persuni li jkunu mietu kienet it-Tubru. Dan kien ikun qisu tebut mgħotti b'ras ta' skeletru tat-tafal fuqu. Din hi tradizzjoni Kattolika peress li l-Knisja Kattolika dejjem emmnet li l-ġisem tal-bniedem hu tempju tal-Ispirtu s-Santu. Matul ix-xahar ta' Novembru, it-tradizzjoni tat-Tubru se terġa' tieħu l-ħajja u dan hekk kif dan intrema' fil-Mużew tas-Santwarju f'Ħaż-Żabbar.


Ta' min jgħid li sa qabel il-Konċilju Vatikan II li ntemm fl-1965 kien jintrama' t-tubru fil-knejjes f’Novembru u anke waqt suffraġju ta’ quddies lejn l-erwieħ matul is-sena. Kienet drawwa li jsiru anniversarji tal-mewt kull sena ħafna drabi mħollija fit-testmenti mill-persuni qabel imutu. 
Ġeneralment il-knejjes kien ikollhom żewġ faldrappi, biex waħda tintrama' waqt il-quddies ta’ suffraġji normali u l-oħra aktar rikka li tintuża f’okkażjonijiet ta’ meta jmut xi Papa jew xi ħadd imlaħħaq fil-ġerarkija tal-knisja. Peress li jixbaħ tebut mgħotti, l-iskop tiegħu kien li jfakkar lill-fidili jitolbu għall-erwieħ. Fuq it-tubru kienet titpoġġa ras ta’ skeletru ta’ bniedem tat-tafal u jekk ikun xi persuna fil-kleru kienu jiżdiedu xi berettin u stola. 


F’kaz li jmut isqof kien jintrama' b’mitra waqt li jekk imut il-papa kien jiżdied trirenju. Kollox kien jitgħatta b’filoxx iswed irqiq. F’każ ta’ persuni importanti kien ukoll jiżdied l-armar u x-xemgħat. Għax-xemgħat kienu jintużaw gandlieri ta’ kulur iswed maħdumin b’sengħa kbira fil-ħadid. Simboli differenti li kienu impinġija fuq l-injam li jfakkru fil-mewt lil min jarahom kienu jiddendlu max-xemgħat. F’każ ta’ mewt ta’ Papa jew Isqof xi drabi kienu jiżdiedu l-armi araldiċi tagħhom.

L-aħħar darba li ntrama' għal mewt ta’ Papa f’Ħaż-Żabbar kien għal-mewt tal-Papa Ġwanni XXIII fl-1963 li tiegħu kienu saru l-armi araldiċi u wkoll tal-Istat tal-Vatikan.
It-tubru kien ukoll jintrama' biex jitfakkru fratelli mejtin mill-fratellanza li fiha kienu jkunu membri. Dan kien isir waqt il-quddies għal ruħ il-fratelli mejta li kull ta’ fratelli mejtin li kienu jsiru matul ix-xahar ta’ Novembru fejn kienu jiżdiedu tpinġijiet fuq l-injam b’simboli marbuta mal-fratellanza mdendla max-xemgħat. L-abiti sagri li jilbes il-qassis kienu jkunu ta’ lewn iswed. Insibu 2 tuniċelli suwed u kappa tal-bellus iswed kif ukoll il-pjaneti li kienu jintlibsu għal waqt il-quddiesa.

Nhar it-2 ta’ Novembru il-quddies kollu jsir għas-suffraġju tal-erwieħ. Ħafna qassisin f’dan il-jum iqaddsu 3 quddisiet u xi uħud għadhom bid-drawwa li jieħdu sehem fi 3 quddisiet matul din il-ġurnata.
It-tubru se jkun armat fil-Mużew tas-Santwarju matul ix-xahar ta’ Novembru. Fil-wirja barra t-tubru armat insibu wkoll is-simboli li kienu jintrabtu max-xemgħat, bandalora antika, u wkoll abiti sagri ta’ lewn iswed li ma għadhomx jintużaw fil-knejjes.

Il-Grigalata tal-aħħar jiem ... maltempata tropikali li bdiet fil-Lvant ta' Malta
    •    Nov 02, 2016 16:18

Ħafna kienu dawk li bdew jitkellmu fuq il-ħsarat minn mewġ qawwi mill-Grigal li laqat il-gżejjer Maltin ftit jiem ilu.
Issa qed isir magħruf li fl-aħħar sigħat fil-Lvant ta' Malta bdiet maltempata tropikali. Dan hu fenomenu rari għall-Mediterran. Diversi siti li jirrapportaw fenomeni simili rrimarkaw kif pressjoni baxxa fil-Lvant ta' Malta wasslet għal dan.
F'immaġini li xxandru minn EUMETSAT jidher dan il-fenomenu qed jifforma. Il-maltempata wara mxiet lejn in-Nofsinhar tal-Italja, Kreta u Ċipru.
Diversi osservaturi tat-temp li segwew dan il-fenomenu kkummentaw li l-maltempata tropikali kienet b'saħħitha b'irjiħat qawwijin li fi Kreta kienu jlaħħqu għal bejn 90 u 100 kilometru fis-siegħa. L-ajruport ta' Khitira fuq il-gżira ta' Khitira rreġisraw irjiħat ta' saħħa ta' 122 kilometru fis-siegħa.
Xi osservaturi tat-temp jirrimarkaw li pressjoni baxxa fuq il-Mediterran ma tistax titqies bħala ċiklun tropikali imma ''ċikluni sub tropikali''. Jgħidu iżda li dawn jistgħu jkunu b'saħħithom biżżejjed biex ikunu kunsidrati bħala uragan.

Ċensu "ma fehemx" u baqa' jistaqsi … “jekk qed jiddispjaċikom problema tagħkom”
    •    Nov 01, 2016 18:54

B'mistoqsija waħda wara l-oħra mid-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea u bil-Ministru għall-Kompetittività Chris Cardona jispjega kull darba, fl-aħħar wasslet biex il-Ministru Cardona jgħid lill-Oppożizzjoni li hi problema tagħhom jekk qed jiddispjaċihom li l-industrija qed tibbenefika minn sussidji fuq l-imgħax marbutin mal-kirjiet għall-industrija.
Il-kwistjoni qamet wara li ngħatat tweġiba Parlamentari li fiha kien hemm ħames kumpanija li ħadu €4 miljun f'sussidju fuq l-imgħax fuq il-kirjiet. Id-Deputat Nazzjonalista Censu Galea beda jesprimi tħassib dwar kif erba' kumpaniji ħadu dan l-ammont bejniethom fuq sussidju fuq l-imgħax tal-kirja.
Il-Ministru Cardona spjega li "waħda mill-problemi tal-pajjiż hi li l-gvern m'għandux biżżejjed spazju. Qal li "biex nimmassimizzaw l-ispazju wieħed mill-inċentivi hu lli ninċentivaw lill-industrija biex tikri mill-privat. Il-gvern jissussijdaw l-imgħax fuq il-kirjiet. Ir-riżultat qed juri li din il-politika qed tagħti riżultati. Kellna ħames intrapriżi li ngħataw sussidju fuq ir-rata ta' interess li kienu ta' €4 miljuni."
Wara diversi mistoqsijiet, il-Ministru Cardona saħaq li "fis-sena 2015 kien hemm żieda enormi. Kien hemm iżjed intrapriżi li investew fil-pajjiż, li aktar marru fil-banek, aktar intrapriżi li importaw u esportaw. Li kien hemm min ħa €5 miljuni x'fiha ħażin. Jalla jkollna iżjed. Jekk qed jiddispjaċikom problema tagħkom. L-industrija hi kuntenta u hemm ottimiżmu.

Ajkli Bojod u Ajkli tal-Kalzetti joffru spettaklu sħiħ
    •    Nov 01, 2016 20:22
 
Illejla xejn inqas minn 50 Ajkli Bojod u Ajkli tal-Kalzetti passew minn fuq pajjiżna. Dawn offrew spettaklu sħiħ, b'għadd ta' dilettanti tat-tjur jippruvaw jiġbdu l-isbaħ ritratti tagħhom fil-Buskett.

Clyde Puli: Fl-ugwaljanza għan-nisa, Malta l-agħar fl-Ewropa
    •    Ott 31, 2016 19:00

Id-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli meta tkellem fid-diskussjoni dwar l-estimi tal-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, qal li Malta hi l-agħar fl-Ewropa fejn tidħol l-ugwaljanza għan-nisa.
Irrimarka li minkejja l-wegħda elettorali Laburista li jinqered il-faqar, qal li dan spiċċa qed jiżdied. Clyde Puli kompla jgħid li "llum hawn ħafna konsumaturi li qed isostnu fejn huma l-awtoritajiet tal-konsumaturi li suppost jipproteġu lill-konsumaturi". Semma' li kien għola it-trasport tal-iskola u l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni Ġusta kien qal li t-tariffi ma kinux eċċessivi.

''Il-prekarjat ... issa se nibdew nitrattaw il-kuntratti fil-privat''
    •    Ott 31, 2016 21:14
 
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, waqt li għalqet id-dibattitu dwar l-estimi ta' dan il-ministeru qalet li "l-Gvern Nazzjonalista m'għamel xejn fuq prekarjat. L-ewwel ħaġa li għamilna kien li bdejna nindirizzaw is-sitwazzjoni u dan fejn jirrigwarda ħaddiema tal-Gvern.
''Mill-Gvern ta' qabel writna sitwazzjoni, fejn ħaddiema jaħdmu fl-istess post tax-xogħol b'dawk tal-kuntrattur jitħallsu inqas minn dawk tal-Gvern allavolja jagħmlu l-istess xogħol. Is-sidien jħaddmu bil-prekarjat huma ftit. Issa kuntratt m'għadux jintrebaħ fuq l-irħas offerta u issa se tkun fuq 'best quality price ratio'.
''Din għandha twassal għal pagi aħjar. Wara li trattajna l-kuntratti tal-Gvern issa se nitrattaw il-kuntratti privati għall-prekarjat."

Tenniet li "iddiżappuntajt ruħi bil-kritika tad-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli. Qalilna li Malta qiegħda l-aħħar fuq l-ugwaljanza tan-nisa imma ma qalilniex għaliex. Wieħed mill-indiċi hu l-abort. Peress li l-pajjiż m'għandux abort se jinżel. Kif nallokaw l-liv tal-maternità, għadna nallokaw il-liv għall-omm biss.
''Il-pajjiżi li qegħdin 'il fuq minnha, għandhom sistema fejn dan il-liv jinqasam bejn l-omm u l-missier. Hemm il-kwistjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika. Aħna għandna rata baxxa ta' nisa fil-politika u dan jitfagħna 'l isfel. Kellna żieda ta' 6% tan-nisa li jaħdmu. Dan għax għamilna strutturi li jgħinu lin-nies biex jaħdmu barra mid-dar."


Metodi abbużivi fuq priġunieri lokali
    •    Nov 01, 2016 09:15


Rapport mill-Kumitat Kontra t-Tortura tal-Kunsill tal-Ewropa jallega li ħabsin miżmumin f'Monte Carmeli esperjenzaw l-użu ta' 'pepper spray' jew 'CS Gas'
Fost l-allegazzjonijiet li tressqu quddiem il-Kumitat kontra t-Tortura tal-Kunsill tal-Ewropa, fi żjara li delegazzjoni għamlet f'Malta f'Settembru tas-sena 2015, kien hemm li xi pazjenti ddikjaraw li ntuża pepper spray u CS Gas fiċ-ċellel tal-unit forensiku fl-Isptar Monte Carmeli.
Skont l-informazzjoni li ngħatat jidher li dan sar biex jikkontrollaw pazjenti li bdew jirrifjutaw li jieħu kura medika. Il-Kumitat għamilha ċara u ddikjara li hu inaċċettabbli li CS Gas jintuża fuq pazjenti f'kamra tal-isptar sempliċiment biex tingħata l-kura.  Il-Kumitat ta' Kontra t-Tortura tal-Kunsill tal-Ewropa rrimarka li jixtieq konferma mill-awtoritajiet Maltin li CS Gas u Pepper Spray mhux qed jintuża fl-Isptar Monte Carmeli.
Ir-rapport ippubblikat mill-Kumitat ta' Kontra t-Tortura tal-Kunsill tal-Ewropa, ikkritika l-mod ta' kif qed jitmexxew il-units forensiċi fl-Isptar Monte Carmeli u ddikjara li "l-isptar mhux immexxi b'mod tajjeb u li dan qed jaffettwa b'mod negattiv il-kura provduta lill-pazjenti".
 Irrakkomanda li għandu jkun hemm reviżjoni tal-għan u tal-funzjoni tal-unit forensika.  Iddikjara kif hemm pazjent li qed jinżamm f'din it-taqsima u m'għandux problemi mentali, waqt li pazjent ieħor għandu bżonn infermier miegħu l-ħin kollu  biex tiġi żgurata is-sigurtà tiegħu.
Il-Kumitat ta' Kontra t-Tortura irrimarka tifħir għall-Pulizija u kif dawn jitrattaw lill-persuni arrestati, waqt li anke sostniet li kien hemm titjib sostanzjali fejn tidħol id-detenzjoni.  Dwar il-Faċilità Korrettiva ta' Kordin faħħar ir-relazzjonijiet tajbin li hemm bejn l-istaff u priġunieri. 
Serqet mowbajl u spiċċat f'Monte Carmeli
Il-kumitat qal ukoll li ġie infurmat kif żgħażagħ minn Dar Fejda u minn Jeanne Antide kienu qed jitpoġġew b'mod involontarju fl-Isptar Monte Carmeli  u dan minħabba imġiba distruttiva u mhux minħabba diżordni mentali. Fost ir-raġunjiet għaliex żgħażagħ spiċċaw fl-isptar Monte Carmeli kienu ''għax serqu mowbajl'', "qabżet minn tieqa ta' Dar Jeanne Antide".  
Ir-rapport jgħid li kien hemm tifla ta' disa' snin u nofs li kienet riferuta lejn il-YPU u dan minħabba li spiċċat b'tantrum fil-karozza li kienet qed titrasportaha lejn Dar Anġela. Il-kumitat qal li t-tfal m'għandhomx jitpoġġew  f'faċilità ta' kura psikjatrika.
Il-kumitat qal ukoll li d-delegazzjoni ltaqgħet ma' pazjenta femminili li kienet trasferita mill-YPU lejn sala tal-adulti femminali fl-Isptar fejn hi nżammet f'seclusion unit għal diversi ġimgħat minħabba aġir problematiku. Il-Kumitat qal li l-maniġment tal-isptar  adotta politika biex tfal u żgħażagħ  ma jitpoġġewx f'ward tal-adulti.
Il-Pulizija jitrattaw tajjeb lil dawk arrestati
Ir-rapport jitkellem dwar l-infurzar tal-liġi u qal li mill-istħarriġ li għamel jidher li l-Pulizija b'mod ġenerali jitrattaw tajjeb lil dawk arrestati.  Qalet li ma irċeviet l-ebda allegazzjonijiet ta' trattament ħażin.  Irrimarkat iżda li l-awtoritajiet għandhom jiżguraw li dawk arrestati jew miżmumin għandu jkollhom aċċess għal avukat waqt li jkunu fil-kustodja tal-Pulizija. Spjegat li għandhom jittieħdu passi biex l-informazzjoni tinżamm aħjar fl-Għases tal-Pulizija.
Saħqet li għandu jkun żgurat li dawk il-persuni li jkun hemm bżonn jagħmlu aktar minn sitt sigħat arrestati, dawn għandhom ikunu trasferiti lejn il-Kwartieri Ġenerali  tal-Furjana.
Ir-rapport jgħid li għalkemm il-kundizzjonijiet materjali fid-detenzjoni fl-għases b'mod ġenerali huma adekwati, instabu xi defiċjenzi fosthom nuqqas ta' aċċess għall-ilma tax-xorb, ventilazzjoni u dawl fqir.  Iċ-ċellel fil-lock up ta' Għawdex instabu li huma żgħar biex wieħed jorqod fihom. Il-kumitat irrakkomanda ukoll li persuni li jkunu detenuti għal aktar minn 24 siegħa fil-kustodja tal-Pulizija, għandu jkollhom aċċess għall-arja ta' barra.  Ir-rapport irrakkomanda ukoll li jkun hemm it-twaqqif ta' sistema indipendenti ta' monitoraġġ għall-faċilitajiet tad-detenzjoni tal-Pulizija.
Tħassib dwar ġlied regolari bejn migranti żgħażagħ f'Dar il-Liedna
Dwar id-detenzjoni tal-immigranti ir-rapport qal li nnota b'mod pożittiv li ftit persuni kienu miżmumin fid-detenzjoni meta saret iż-żjara. Qal li b'inqas nies jagħmilha aktar faċli li jiżgura li dawk li jkunu detenuti jkunu miżmumin f'kundizzjonijiet diċenti. Il-kumitat qal li għandu jkun hemm reviżjoni fid-detenzjoni tal-immigranti.  Il-kumitat talab li għandu jkun hemm titjib fil-kundizzjonijiet fil-barracks ta' Ħal Safi. 
Dwar Dar il-Liedna, li hu ċentru miftuħ għal żgħażagħ, il-kumitat esprima it-tħassib tiegħu għal ġlied regolari bejn l-istess residenti.
Il-kumitat żar ukoll il-faċilità korrettiva ta' Kordin u qal li d-delegazzjoni  osservat li b'mod ġenerali hemm relazzjonijiet tajbin bejn il-ħaddiema u l-priġunieri. Qalet li ma kienx hemm allegazzjonijiet ta' trattament ħażin minn ħaddiema fil-faċilità. Qalet li meta żaret il-ħabs kien hemm persuni transgender  u wieħed intersex li kienu qed jinżammu f'diviżjonijiet tal-irġiel. Ippropona li dawn jitpoġġew f'diviżjonijiet  skont kif huma jidentifikaw lilhom infushom.   
Il-kumitat sostna li kien hemm xi tibdil  fuq il-kundizzjonijiet materjali u xi diviżjonijiet ingħalqu.  Waqt li qal li dan hu pożittiv, qal ukoll li kien hemm diviżjonijiet  li kellhom kundizzjonijiet fqar.  Fost dawn kien hemm Diviżjoni II, Diviżjoni III u Diviżjoni 13.  Irrimarka li ċ-ċellel kienu sħan, maħmuġin, b'nuqqas ta' ventilazzjoni, tojlits ma jiffunzjonawx sew u bi priġunieri ma jkollhomx aċċess dirett għall-ilma tax-xorb.  Il-kumitat irrakkomanda li għandhom jittieħdu passi biex dawn in-nuqqasijiet jiġu rranġati.
Il-kumitat laqa' b'mod pożittiv il-fatt li 80 fil-mija tal-popolazzjoni tal-ħabs kienet offruta xogħol u edukazzjoni. Il-kumitat sejjaħ biex il-politika dwar l-għomor il-ħabs tkun riveduta fosthom biex dawk b'sentenza ta' għomor il-ħabs ikollhom il-possibilità li japplikaw għal ħruġ kundizzjonat.
Dwar il-kura għas-saħħa, il-kumitat qal li hemm kordinazzjoni insuffiċjenti fejn jirrigwarda servizzi għas-saħħa, fejn m'hemm ebda strateġija għal dak li jissejjaħ 'self harm' (jiġifieri meta persuni jagħmlu feriti huma stess fuq ġisimhom) u li l-amministazzjoni ta' mediċina psychotropic ma kinitx sigura. Il-kumitat irrakkomanda li għandu jkun hemm kunfidenzjalità medika garantita u li l-uffiċjali tal-ħabs ikollhom aċċess għal rekords mediċi. Il-kumitat semma' ukoll li għandu jkun hemm sistema komprensiva ta' prevenzjoni mis-suwiċidju.

Il-kumitat tratta ukoll il-YOURS - is-sezzjoni tal-priġunieri żgħażagħ, u qal li għalkemm l-atmosfera hi tajba, kien hemm xi inċidenti żgħar ta' vjolenza bejn il-priġunieri. Il-kumitat irrimarka li l-priġunieri żgħażagħ  ma kinux provduti minn programm sħiħ ta' attivitajiet barra ċ-ċella, ma hemmx programmi biex jgħinu lil żgħażagħ jippreparaw għad-dħul mill-ġdid fis-soċjetà.  Il-kumitat talab li għandhom jittieħdu azzjonijiet  biex jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet.
Infermier wieħed biss speċjalizzat f'kura psikjatrika
Dwar it-taqsima forensika fl-Isptar Monte Carmeli, il-kumitat qal li t-taqsima forensika tan-nisa u l-irġiel ma kinux qed jitmexxew tajjeb  u li dawn kien qed ikollhom impatt fuq il-pazjenti. Il-kumitat irrakkomanda reviżjoni kompleta tal-funzjoni u l-għan tal-unit forensika. Semma' l-bżonn li jkun hemm investiment fir-reklutaġġ u fit-taħriġ ta' infermiera kwalifikata biex tagħmel xogħol fis-servizz forensiku psikjatriku. Qal li kien hemm infermier wieħed biss li ien speċjalizzat f'kura psikjatrika.
Il-kumitat irrimarka li "l-ambjent ġenerali hu wieħed ta' ħabs u li ma kien hemm ebda pjan ta' kura individwalizzati.
Il-kumitat irrakkomanda li l-pazjenti kollha jkollhom sodda bi spazju għalihom fejn iżommu l-affarijiet personali tagħhom.  Li l-pazjenti jkollhom aċċess għall-ilma u li kmamar ta' 8.5 metru kwadru m'għandhom jintużaw biex jakkomodaw aktar minn pazjent wieħed. 
Spjegaw li irċevew ilmenti dwar il-kwalità tal-ikel fejn xi pazjenti qalu li huma kienu qed iwarrbu dan l-ikel u joqogħdu fuq ikel li jġibulhom il-qrata. Il-kumitat irrakkomanda li l-menu fil-unit forensika ikun tas-superviżjoni ta' persuna kwalifika fid-dieta.
Il-kumitat ikkritika ukoll il-fatt li kien hemm tifla li tpoġġiet f'ward tan-nisa u qal li t-tfal qatt m'għandhom jitpoġġew f'wards tal-kbar.

''La kien hemm ġlieda u wisq inqas kien hemm bżonn li jferraq il-Kap tal-Aħbarijiet''
    •    Ott 31, 2016 18:51
 
    •    Wara li fis-seduta ta' filgħodu d-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli semma' li kien hemm ġlieda f'kuritur fil-Public Broadcasting Services (PBS) u li skont hu kellu jmur il-Kap tal-Aħbarijiet Reno Buġeja biex iferraq, il-Ministru Owen Bonniċi fis-seduta tal-lejla qal li vverifika l-fatt u sab li dan ma kienx minnu. Hu ddikjara li "la kien hemm ġlieda u wisq inqas kien hemm bżonn Reno Buġeja biex iferraq".

Jerġa' jisfida lil Simon Busuttil … meta se jilqa' l-isfida?
    •    Ott 30, 2016 21:23
  

Għal darb'oħra Neville Gafa qed jerġa' jisfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil biex jirrepeti barra dak li qal fil-Parlament, fejn jirrigwarda memorndum intern fl-Isptar Mater Dei dwar kura għal persuni Libjani. Din hi t-tielet darba fi spazju ta' ftit jiem li Gafa sfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni jirrepeti l-allegazzjonijiet barra l-Parlament.
S'issa l-Kap tal-Oppożizzjoni għadu ma laqax din l-isfida. Neville Gafa f'kummenti li għadda llum qal li "wara li ftit tal-jiem ilu ppubblikajt il-memorandum intern ta' l-isptar Mater Dei, li l-Kap tal-Oppożizzjoni għoġbu jikkwota fil-Parlament kif ried hu, u mhux il-kontenut tal-memorandum fl-interezza tiegħu".

Tenna li "lill-Kap tal-Oppożizzjoni nerġa' ngħidlu li jew ma jafx x'qed jgħid, jew qed jgħid dak li qalulu mingħajr ma għamel ebda verifika. Għaldaqstant qed nerġa' nistieden lill-Kap tal-Oppożizzjoni jirrepeti dan id-diskors barra l-Parlament sabiex inkun nista' nipproċedi skont il-liġi."

"Imħassbin mill-kundizzjoni tal-bini" - Maltin li jgħixu f'żoni milqutin mit-terremot
    •    Ott 31, 2016 09:15


  "Imħassbin mill-kundizzjoni tal-bini. Fl-aħħar jiem esperjenzajna wisq theżżiż. X'se tagħmel tibqa' tgħix hawn meta għandek bini li minn barra jidher li hu sew imma jista' jkun li hu mheżżeż miċ-ċaqlieq tal-art. Titħasseb u tkun bejn ħalltejn jekk tiġix lura lejn Malta jew tibqax hemm. Nista' ngħidlek li theżżiż inħass sew.  Il-qraba f'Malta mħassbin għalina". Dawn kienu l-kummenti li għadditilna familja Maltija li tgħix qrib sew taż-żona fejn fl-aħħar jiem intlaqtet minn diversi terremoti fiċ-ċentru tal-Italja fosthom Maċerata.  Familja oħra, li kienet tgħix qrib fejn seħħ it-terremot ta' Awwissu li għadda, u li ħassew ukoll dan it-theżżiż mistennija tiġi lura lejn Malta fl-aħħar jiem. Hu kkalkulat li din iż-żona fl-aħħar xhur esperjenzat xejn inqas minn 1,000 theżżiża, ħafna minnhom ikunu żgħar ħafna.
F'kumment li għadditilna Ruth Ferriggi, li tgħix madwar 100 kilometru bogħod mill-epiċentru tat-terremot, qaltilna li "tħossok impotenti meta id-dar tibda tiċċaqlaq. Jaqbdek paniku imma tibqa' issummat. Il-linfa fil-kamra bdiet tiċċaqlaq u l-affarijiet fil-kamra u l-għamara instemgħu iċekċku. It-tifel ta' 8 snin  ħassu u qam mis-sodda imbeżża. It-terremot dam mhux ħażin. Kienu sekondi li dehru qishom mhu se jgħaddu qatt. Mill-ewwel ħsibna li fejn sar iġġarraf il-bini". 
Spjegatilna li "ħafna nies ħarġu bil-piġama barra. Ċemplulna anke nies minn Napli biex jaraw hux kollox sew". 
Marion Pulvano Guelfi qaltilna li "mit-terremoti tal-aħħar xhur jien dan biss ħassejt. Kien qawwi ħafna."
Tgħidilna li "r-raġel tiegħi dejjem ħasshom it-theżżiżiet tal-aħħar xhur. Is-sensazzjoni kienet qisha xi ħadd qabadli s-siġġu u beda jċaqilqu. Fil-fatt dak il-ħin għidt lir-raġel iħallili s-siġġu imma mhux hu kien. Imbagħad ħsibt li kien se jħossni ħażin. Dan għax inti tħoss taħtek u madwarek jiċċaqlaq. Imbagħad indunajna li l-linfa fil-kamra l-oħra kienet qed titbandal u affarijiet imdendla mal-ħajt ukoll! Hemmhekk indunajna li terremot. Ħassejt taħti jogħla u jiċċaqlaq qisha għaddiet mewġa minn taħtna. Dam ftit sekondi mhux ħażin".
Tkompli tgħidilna li "lanqas biss qomt minn fuq is-siġġu bil-biża. Ikollok is-sensazzjoni li taf li f'dak li qed jiġri m'għandekx kontroll. 
Intant il-Maltin kollha li jgħixu fiż-żona ġew ikkuntattjati mill-Ambaxxata Maltija f'Ruma. L-Ambaxxata infurmat li l-metro f'Ruma kienet magħluqa b'mod temporanju u dan biex isiru l-ispezzjonijiet neċessarji.  Hi ħeġġet lill-Maltin fl-Italja biex jinfurmaw lil qrabathom li jinsabu tajbin.

Terremot ta' 4.5 fuq l-Iskala Richter daqs 147 kilometru bogħod minn Marsaxlokk
    •    Ott 30, 2016 12:48
 
    •    Illum għall-ħabta ta' 10.30 a.m., inħasset theżżiża. Din kellha saħħa ta' 4.5 fuq l-Iskala Richter. Dan it-theżżiża saret fil-baħar madwar 147 kilometru bogħod minn Marsaxlokk. Din it-theżżiża saret fi żmien meta fl-Italja ċentrali qed iseħħu għadd ta' theżżiżiet u terremoti.

Sabutaġġ ''aktarx improbabbli''
 
  
  It-tiġrif tal-ajruplan Metroliner Mark III u l-ewwel indaġini
B'esperti forensiċi mill-Istitut għar-Riċerka Kriminali (IRCGN) jibdew l-indaġini tagħhom f'Malta b'rabta mat-tiġrif tal-ajruplan Fairchild Metroliner III li wassal għal mewt ta' ħames persuni Franċiżi, kollox qed jindika li għalkemm kollox għadu miftuħ u m'hemm ebda deċiżjoni, il-possibilità ta' sabutaġġ fuq l-ajruplan qed titqies bħala li ''hi improbabbli''.  Mill-ewwel stħarriġ li sar f'żoni fejn kien jinżamm l-ajruplan fl-ajruport ġew analizzati fosthom is-sigurtà f'park 2 fejn spiss kien ikun l-ajruplan. Kollox qed jindika li s-sigurtà stretta li hemm f'dawn il-postijiet, qed tindika li l-kwistjoni ta' sabutaġġ hi improbabbli għalkemm sa issa għadha mhix qed tkun eskluża kompletament.
"Qatt ma tista' teskludiha totalment fi stadju bikri bħal dan, imma hemm sigurtà kbira fl-ajruport u f'dik iż-żona", qalulna sorsi qrib l-avjazzjoni li tkellmu magħna.

Il-fdalijiet tal-ajruplan jidher li sejrin Franza
Intant waqt li xejn mhu ċar dwar l-investigazzjonijiet li qed isiru fejn inħaret inkjesta fi Franza u oħra f'Malta. Sorsi qrib is-settur tal-avjazzjoni spjegawlna li l-pajjiż fejn isir l-inċident hu obbligat li jagħmel l-inkjesta. Biss peress li l-ajruplan hu barrani, kien mistenni li jiġu f'pajjiżna esperti barranin. 
Jidher li wara li jintemmu l-proċeduri inizjali tal-inkjesta f'Malta, jista' jkun li l-awtoritajiet Franċiżi jagħmlu talba biex il-fdalijiet jittieħdu fi Franza għal aktar stħarriġ.  
Tobba militari Franċiżi identifikaw l-katavri
Intant fl-aħħar jiem fost sigurtà kbira il-katavri ta' dawk li mietu fit-tiġrif tal-ajruplan kienu identifikati minn tobba militari Franċiżi li jinsabu f'pajjiżna. 
inewsmalta.com hu infurmat li fl-aħħar sigħat waslu f'pajjiżna tim ta' esperti forensiċi mill-Istitut għar-Riċerka Kriminali tal-Armata Franċiża (IRCGN).
Dawn l-esperti fl-aħħar sigħat kienu fiż-żona fejn bħalissa jinsab l-ajruplan, żona kontrollata mill-armata Maltija, fejn bdew janalizzaw il-fdalijiet.
Hekk kif mhux eskluż li l-istess esperti forensiċi jerġgħu jmorru fiż-żona fejn seħħ il-kraxx fl-ajruport, jidher li l-investigazzjonijiet se jkomplu fi Franza.
Ġurnalisti Franċiżi li tkellmu ma' inewsmalta.com spjegaw in-nuqqas ta' informazzjoni li qed tingħata mill-awtoritajiet Franċiżi fejn id-Direttorat għas-Sigurtà Esterna qed joqgħod lura milli jikkummenta jew jagħti informazzjoni. Filfatt l-istess direttorat informa ġurnalisti li kkuntattjawh biex isir kuntatt mad-Dipartiment ta' Difiża. Dan id-Dipartiment qed jgħid biss li qed jagħmel investigazzjoni interna.
Ritratt: ANDREA SACCO BALDACCHINO


•    It-traġedja tal-ajruplan: Il-pilota Fabien Pierret minn Maizieres indikat bħala li aktarx kien qed isuq l-ajruplan
 

    •  
    •    Sorsi qrib l-investigazzjonijiet li għaddejjin infurmat lil inewsmalta.com li l-pilota Franċiż li miet fit-traġedja ta' nhar it-Tnejn meta waqa' l-ajruplan Fairchild Metroliner Mark III, aktarx li hu Fabien Pierret. Dan hu meqjus bħala pilota ta' esperjenza. 

Hu għandu 30 sena u jgħix f'Maizieres Les Metz.

Hu kien itajjar l-ajruplan tal-kumpanija CAE Aviation, u kien parti mill-grupp Air Group 56 li hi parti mid-Direttorat għas-Sigurtà Esterna. 

B'mod uffiċjali din l-informazzjoni għadha mhix konfermata. Tentattivi biex nikkonfermaw din l-informazzjoni irriżultaw fin-negattiv.

Esperti Forensiċi mill-IRCGN janalizzaw il-fdal fit-Technopark

Fost sigurtà kbira il-katavri ta' dawk li mietu fil-kraxx tal-ajruplan Fairchild Metroliner, li kienu żewġ eks piloti tal-Armata Franċiża u tlett persuni tekniċi tad-Direttorat għas-Sigurtà Esterna, kienu identifikati minn tobba militari Franċiżi li jinsabu f'pajjiżna.

Kampjuni mill-iġsma se jintbagħtu ukoll fi Franza għal aktar testijiet, inewsmalta.com hi infurmata li fl-aħħar sigħat waslu f'pajjiżna tim ta' esperti forensiċi mill-Istitut għar-Riċerka Kriminali tal-Armata Franċiża (IRCGN). Dawn l-esperti fl-aħħar sigħat kienu fiż-żona fejn bħalissa jinsab l-ajruplan, żona kontrollata mill-armata Maltija, fejn bdew janalizzaw il-fdalijiet. L-ajruplan jinsab f'binja fit-technopark tal-Mosta.


Hekk kif mhux eskluż li l-istess esperti forensiċi jerġgħu jmorru fiż-żona fejn seħħ il-kraxx fl-ajruport, jidher li l-investigazzjonijiet se jkomplu fi Franza.

Wara li inewsmalta.com ippubblikat l-isem tal-bdot, hekk kif jidher li f'Malta kellu diversi ħbieb, kollox qed jindika li tlett ismijiet tal-persuni tekniċi aktarx jibqgħu mistura u dan biex ikunu protetti l-familjari tagħhom minħabba ix-xogħol li dawn kienu jagħmlu.

Ġurnalisti Franċiżi li tkellmu ma' inewsmalta.com spjegaw in-nuqqas ta' informazzjoni li qed tingħata mill-awtoritajiet Franċiżi fejn id-Direttorat għas-Sigurtà Esterna qed joqgħod lura milli jikkummenta jew jagħti informazzjoni. Filfatt l-istess direttorat informa ġurnalisti li kkuntattjawh biex isir kuntatt mad-Dipartiment ta' Difiża. Dan id-Dipartiment qed jgħid biss li qed jagħmel investigazzjoni interna.

Il-ġurnal Ingliż Daily Express: Malta tumilja lir-Russja pubblikament

Bi kliem bħal 'Faceoff' u 'Minnow Malta', il-ġurnal Daily Express illum ippubblika rapport li fih qal li Malta umiljat lis-superpotenza militari - ir-Russja billi ddikjarat li l-portijiet Maltin huma magħluqin għal bastiment militari ta' Vladimir Putin.
Il-ġurnal semma' kif il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Dr. George Vella qal li l-bastimenti Russi mhux se jingħataw permess jidħlu għal refuelling.

Il-bastimenti immexxija mill-aircraft carrier Admiral Kuznetsov, kellha tieħu fjuwil fil-port Spanjol ta' Ceuta iżda l-permess ġie rtirat wara protesti li kien hemm. Il-flotta kompiiet triqitha lejn is-Sirja. 

Ir-rapport qal li l-aircraft carrier Kuznetsov kienet baħħret darbtejn qrib Malta darba fis-sena 2014 meta waqfet qrib Malta imma ma daħlitx fil-port u darba oħra fis-sena 1996.

It-traġedja tal-Metroliner III: Tliet suldati Maltin għassa mas-sit lejl u nhar


 Is-sit fejn waqa' l-ajruplan tat-tip Fairchild Metroliner Mark III qed jitqies bħala wieħed li għalissa hu sensittiv ħafna allavolja l-fdalijiet tneħħew kollha minn fuq is-sit. Filfatt minħabba debris li jista' jkun hemm imferrex, is-sit qed ikun mgħasses minn tlett suldati u dan qed isir kemm bil-lejl u kemm bi nhar. Minħabba n-nuqqas ta' esperjenza li għandna f'pajjiżna f'inċidenti simili, fl-aħħar jiem ġew f'pajjiżna investigaturi barranin fosthom Franċiżi u mill-Istati Uniti. Il-Gvern Franċiż ħatar ukoll inkjesta dwar dan il-każ, li fih tilfu ħajjithom żewġ eks piloti tal-Qawwa tal-Ajru Franċiża u tlett uffiċjali tekniċi .

Mistoqsija li qed issir hi dwar jekk f'Malta kienx hawn uffiċjali oħra tad-Direttorat Ġenerali għas-Sigurtà Esterna (DGSE) u li ma kinux abbord din it-titjira. Tentattivi biex nikkonfermaw dan irriżultaw fin-negattiv. Sorsi li tkellmu magħna qalulna li 'mhux eskluż li fil-sigħat li ġejjin l-investigaturi jerġgħu jmorru fuq il-post tat-traġedja". 

It-triq li tagħti lejn Ħal Safi u li qrib tagħha saret it-traġedja kienet għadha qed tinżamm magħluqa.
Ilbieraħ ġurnalisti ta' L-ORIZZONT kienu fuq il-post fejn stajna naraw li bdiet ħidma fuq it-triq fejn tneħħiet parti mit-tarmak biex dan jingħata mill-ġdid.

Osservatur fl-avjazzjoni li tkellem ma' L-ORIZZONT dwar x'seta' ġara biex ikkraxxja l-ajruplan, qalilna li "hemm diversi teoriji u dawn issa jridu jkunu l-investigaturi li jistħarrġu dan. Biss naħseb li neskludi li kien żball tal-pilota. Kif sar il-kraxx b'mod partikolari kif l-ajruplan iġġenneb u niżel, ma neskludix li seta' kien hemm 'over speeding' tal-magna. Meta għandek ajruplan b'żewġ magni u waħda qed taħdem b'minimu u l-oħra spiċċat 'over speeding', għandek il-probabbilità li dan jikkraxxja b'dan il-mod. Biss dan se jibqa' każ misterjuż, għax mhux faċli tistabbilixxi x'ġara meta l-ajruplan maħruq kollu".

Periklu pubbliku fir-Rinella ... ħnejjiet antiki jridu jiżżarmaw
 

  Fit-Triq li mir-Rinella tieħu lejn ir-Rikażli fil-Kalkara kien hemm żona li fiha kienu jmorru dawk li jridu jgħawwmu lill-klieb tagħhom. Kienet żona ukoll użata minn sajjieda dilettanti.
Din kienet ingħalqet b'ħajt. Ġara iżda li din xorta baqgħet tkun iffrekwentata minn diversi persuni minkejja dak deskritt bħala periklu kbir minħabba l-istat li tinsab fih it-triq.
Il-kwistjoni spiċċat fil-Parlament, bil-Ministru għat-Trasport, Joe Mizzi, jiddikjara li "hemmhekk, it-triq hi perikoluża. Din ċediet. Hemm arkati mhux komuni għax antiki. Dawn iridu jiżżarmaw kollha u sakemm dan isir hemm periklu kbir. Kien hemm min kisser parti miċ-ċint u l-wajers li kien hemm. Erġajna tellajna ċ-ċint u kien hemm anke min kien qed jagħmel it-toqob fil-ħajt biex ipoġġi l-affarijiet. Hemm hu perikoluż u n-nies ma jistgħux jidħlu. Hemm nies li qed jaqbżu ċ-ċint," iddikjara l-Ministru Mizzi.

"Ebda permess lir-Russi għar-'refuelling' f'Malta"

Bastimenti tal-gwerra Russi li daħlu fil-Mediterran fi triqithom għas-Sirja …
Fis-sigħat li ġejjin minn qrib Malta se jgħaddu bastimenti tal-gwerra Russi fosthom l-aircraft carrier Admiral Kuznetsov. Dawn il-bastimenti għadhom kif kienu involuti f'kontroversja sħiħa fi Spanja fejn saru għadd ta' protesti wara li intalab permess biex dawn il-bastimenti jidħlu fil-port ta' Ceuta fi Spanja. Bir-Russi jirtiraw  it-talba li jidħlu għal fjuwil f'Ceuta, kien hemm min beda jargumenta li r-Russi probabbilment jitolbu li jidħlu għal fjuwil f'Malta.
 Kelliem uffiċċjali għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru, meta mistoqsi dwar dan minn L-ORIZZONT, anke quddiem talba li bdiet tintbagħat lill-Gvern Malti biex ma jaċċettax dawn il-bastimenti, qalilna ċar u tond li "mhux se nagħtu permess ta' refuelling f'Malta".
Hekk kif sar magħruf li dawn il-bastimenti Russi kienu se jidħlu fil-port ta' Ceuta fi Spanja, bdiet pressjoni minn pajjiżi tan-NATO fuq il-Gvern Spanjol. Aktar tard il-Ministru ta' Difiża Russu qal li ma ntbagħtet ebda talba biex l-aircraft carrier Admiral Kuznetsov jingħata fjuwil f'Ceuta.

F'dikjarazzjoni li nħarġet mir-Russja, il-Ministeru ntqal li rigward il-bastimenti Russi, ġie kunsidrat li jkun hemm ftehim  biex il-bastimenti jidħol fil-port ta' Ceuta għal servizzi ta' manutenzjoni. 
Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Spanjol qal li hu kien ta permess biex il-bastimenti jidħlu fil-port Spanjol bejn it-28 ta' Ottubru u 2 ta' Novembru. Hu qal li waqfiet simili ta' bastimenti Russi f'portijiet Spanjoli ilu jsir is-snin. Ġara li wara l-protesti u l-kontroversja il-Gvern Russu irtira t-talba.  In-NATO kienet esprimiet tħassib minħabba li dawn il-bastimenti setgħu jintużaw biex jattakkaw fis-Sirja bil-possibilità li jintlaqtu persuni ċivili fosthom tfal.
Il-bastimenti għaddew mill-istrett ta' Ġibiltà nhar l-Erbgħa u apparti l-aircraft carrier Admiral Kuznetsov hemm ukoll battle cruise mħaddem b'enerġija nuklejari, żewġ  bastimenti tal-gwerra kontra s-sottomarini u erba' bastimenti oħra.
Hu stmat li mindu bdiet l-offensiva tar-Russi fis-Sirja mietu xejn inqas minn 2,700 persuna ċivili.
 Dak lis seħħ fi Spanja wassal biex wara bdiet tixxerred talba fuq is-sit Avaaz.org li permezz tagħha il-Gvern Malti beda jintalab ma jaċċettax jekk ir-Russi jagħmlu talba biex jieħdu fjuwil minn Malta.
Fuq Avaaz.org qed jingħad li kif fi Spanja twaqqfet assistenza lil bastimenti militari Russi, hekk ukoll għandu jsir f'Malta, hekk kif dawn il-bastimenti fis-sigħat li ġejjin se jkunu għaddejjin minn qrib pajjiżna.
Fuq Avaaz, qed issir sejħa lill-Prim Ministru u lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin biex ma jkunux kompliċi f'din il-gwerra. Fuq is-sit ingħad li tfal Sirjani qed jistaħbew taħt is-sodod minħabba l-bombi Russi, waqt li mijeit oħra inqatlu.



F'sena u nofs l-Iskola Musulmana ngħatat €805,448 f'għajnuna mill-Gvern


 Waqt li għadhom ma waslitx l-approvazzjoni mil-Libja għall-estensjoni tal-Iskola Musulmana Mariam Albatool, bejn Jannar tas-sena 2015 u din is-sena din l-iskola irċeviet €805,448 f'għajnuna mill-Gvern.
Din l-informazzjoni nħarġet fil-Parlament hekk kif id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino staqsa dwar l-għajnuniet li din l-iskola irċeviet mill-Gvern.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo qal li "mill-1 ta’ Jannar, 2015, sal-lum l-Iskola Mariam Albatool irċeviet is-somma totali ta’ €805,448 bħala għajnuna finanzjarja. Fis-sena 2015 is-somma ta’ €18,012.24 kienet tappartjeni għall-perjodu Ottubru–Diċembru 2014. Ir-rimbors għas-salarji tal-Learning Support Assistants ngħataw fi Frar, Ottubru u Diċembru 2015, u fi Frar u Ġunju 2016. Ir-rimbors għall-proġetti kapitali ngħata f’Lulju 2015. Fl-2016 ma saritx talba. L-għajnuna finanzjarja skont kuntratt li kien iffirmat bejn il-Gvern u l-iskola ngħatat f’Marzu, Awwissu u Novembru 2015 u fi Frar, Marzu u Mejju 2016."

''Mhux spjunaġġ imma ksib ta' informazzjoni''
 
L-ajruplan li kkraxxja fl-ajruport ...
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Dr George Vella, meta għalaq id-dibattitu dwar l-estimi tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, tkellem dwar il-kraxx tal-ajruplan Metroliner Mark III u qal li "qed jissemma' ħafna l-ispjunaġġ. Jinteressana min jiiġbor informazzjoni fuq kuntrabandu ta' armi u traffikar. Dan mhux spjunaġġ imma ksib ta' informazzjoni".
Hu qal li minn din il-ksib ta' informazzjoni jgawdi wkoll pajjiżna. Tkellem dwar il-politika komuni ta' difiża fl-Unjoni Ewropea u qal li l-Gvern Malti qed jagħmilha ċara li għandu restrizzjonijiet kostituzzjonali, restrizzjonijiet fl-armata u Malta mhix membru tan-NATO.

Hu qal ukoll li "meta nkunu fil-Presidenza tal-Unjoni Ewropa t-tmun mhux se jkun f'idejna biex nieħdu l-Unjoni Ewropea fejn irridu aħna. Se nipprovaw li naraw li nħaffu kemm nistgħu d-diskussjonijiet u se nipprovaw nagħtu bixra Mediterranja għall-politika Ewropea. Hemm tliet oqmsa importanti li rridu nagħtuhom importanza u dawn huma l-immigrazzjoni, il-Mediterran u l-aspett marittimu.
''Irridu naraw li r-relazzjoni tal-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq tissaħħaħ''.
 Tenna li "fis-Sirja qed naraw diżastru uman. Tfal b'ħarsa mitlufa ma jafux x'qed jiġri u l-għada jkunu mtajrin b'xi bomba. Irridu naraw kif se niġu milqutin mill-politika komuni ta' difiża u sigurtà.
''Aħna ovvjament irridu nagħtu l-kontribut u nagħmlu l-parti tagħna. Jekk waħda mit-theddid il-kbar hi l-immigrazzjoni, trid tgħin l-iżvilupp fl-Afrika. Madwarna hawn il-gwerra fis-Sirja, il-problemi fl-Iraq u l-problema tal-Libja. Il-prospetti fil-Libja ma tantx huma sbieħ. Nispera li ma jiċċarċarx aktar demm, ħalli ma jkomplux jikbru l-problemi."
Ritratt: ANDREA SACCO BALDACCHINO

Żiemel jinġarr fi trakk tal-ġebel ... sejħiet għal investigazzjoni
    •  
    •  
    •    Illejla ttella' filmat fuq il-midja soċjali, li għal ħafna kien xokkanti ta' żiemel (ritratt mill-filmat) li kien qed jinġarr fi trakk li normalment jintuża għal ġarr tal-ġebel.
Biż-żiemel deher viżibbilment li xejn ma kien komdu, mhux magħruf x'kienu ċ-ċirkostanzi li wasslu biex iż-żiemel inġarr f'dan it-trakk.
Jidher li saru rapporti lill-Pulizija u f'diskussjoni li qamet fuq siti soċjali saret sejħa biex il-każ ikun referut lit-Taqsima tal-Animal Welfare.
Sorsi qrib persuni dilettanti taż-żwiemel, meta mitlubin jikkummentaw dwar dan il-filmat, qalulna li għalkemm ma jafux iċ-ċirkostanzi tal-każ, spjegaw li jista' jkun li ż-żiemel kien ferut, jew b'xi sieq miksura.




''Tliet persuni tekniċi abbord''
   
Titjiriet ta' tikxif ilhom snin isiru lejn l-Afrika
Fost il-ħames persuni li kien hemm abbord l-ajruplan tat-tip Fairchild Metroliner Mark III li ġġarraf fl-ajruport internazzjonali ta' Malta, kien hemm tlett persuni li kienu membri  tad-Direttorat Ġenerali għas-Sigurtà Esterna (DGSE), li hu d-direttorat li jiġbor informazzjoni dwar terroriżmu u theddid ieħor għas-sigurtà fi Franza.  Għalkemm ma ssemmix sa issa dwar l-ispeċjalizazzjoni ta' dawn it-tlett membri li kien hemm, L-ORIZZONT hu infurmat li dawn it-tlett persuni huma 'tekniċi' speċjalizzati fit-teknoloġija kemm dik marbuta ma' sinjali u anke immaġini. L-ajruplan li ġġarraf, kien ta' CAE Aviation, kumpanija li tispeċjalizza f'missjonijiet ta' tkixxif u sorveljanza. Sorsi infurmaw lil L-ORIZZONT li ajruplani ta' CAE ilhom għal dawn l-aħħar snin jintużaw mill-militar Franċiż għal missjonijiet ta' sorveljanza.  Fost il-missjonijiet hemm dik magħrufa bħala 'operazzjoni Barkhane' u l-operazzjoni 'Sabre' li fiha jieħu sehem forzi speċjali Franċiżi.

L-ORIZZONT lbieraħ reġa' mar fuq il-post fejn seħħet it-traġedja, fejn wieħed seta' jara l-ħidma li kienet għaddejja biex jinġabar it-tifrik tal-ajruplan.  Il-parti l-kbira tat-tifrik tista' tgħid li inġabar minn fuq il-post.
F'kuntatt li għamilna mal-ġurnalist Franċiż speċjalizzat fuq kwistjonijiet ta' difiża, Philippe Chapleau, hu qalilna li "l-ajruplan ta' CAE Aviation Luxembourg kien fuq missjoni ta' sorveljanza. Dan kien se jmur fuq il-Libja jew il-kosta tal-Libja. Ma nistax ngħid x'tip ta' missjoni kienet se tkun.  Naħseb li probabbilment kienet se tkun missjoni marbuta ma' interċettazzjoni ta' signali u ġbid ta' ritratti.   Dawk it-tip ta' ajruplani, ikunu mgħammrin  b'apparat speċjalizzat biex jitwettqu missjonijiet simili".
Il-ġurnalist Franċiż qalilna li "l-ekwipaġġ kien kompost minn żewġ eks piloti li kienu membri tal-Forza tal-Ajru Franċiża.  Abbord kien hemm ukoll tlett tekniċi li kienu ġejjin mid-DGSE. Issa kien hemm tlett NCO mill-istess DGSE li mietu f'Lulju li għadda fil-Libja meta twaqqa' helikopter."
Mistoqsi dwar il-kwistjoni ta' 'ferry tanks' abbord l-istess Metroliner biex itir għal distanzi aktar fit-tul, hu qalilna li "fuq din ma nistax ngħid għax ma nafx".
Chapleau iddikjara li "CAE Aviation Luxembourg ilhom itarju missjonijiet ta' sorveljanza għal Franza għal dawn l-aħħar snin. 
Missjonijiet simili jinsabu fl-Afrika b'operazzjoni Barkhhane u l-operazzjoni Sabre".
Sorsi oħra li tkellmu ma' L-ORIZZONT qalulna li "wieħed hu diffiċli biex ikun jaf eżatt x'kien l-għan tal-missjoni eżatt, iżda nistgħu ngħidu li hi kważi ħaġa ċerta li kellek missjoni ta' sorveljanza fil-Libja. Nafu bil-ħidma tal-Franċiżi fil-Libja u għalhekk mhis sorpriża li regolarment ikun hemm titjiriet ta' sorveljanza".  L-istess sorsi ma jonqsux li jirrimarkaw kif każ bħal dan se jibqa' jkun imdawwar b'ħafna mistoqsijiet li jibqgħu ma jiġux imweġbin.
Sorsi oħra li tkellmu ma' L-ORIZZONT qalulna li l-ajruplan inkwistjoni kien armat b'diversi sensors. Intant il-Maġistrat Doreen Clarke għalissa issospendiet il-ħidma tagħha fil-Qorti minħabba ħidma konnessa mal-inkjesta f'dan il-każ.