Wednesday, August 31, 2016











Wara salvataġġ rekord...salvati 3,000 persuna oħra

Wara li nhar it-Tnejn ġew salvati kważi 6,900 persuna fi triqithom  mil-Libja lejn l-Ewropa, l-għada it-Tlieta ġew salvati 3,000 persuna oħra fi tletin salvataġġ. L-ammont ta' immigranti salvati nhar it-Tnejn kien rekord.

Il-qawwa navali Irlandiża waħidha salvat xejn inqas minn 600 immigrant.  L-aħħar salvataġġi  kienu karatterizzati minn persuni li litteralment qabżu minn fuq id-dgħajjes u dinghies għal ġol baħar.

Abbord id-dgħajjes, ħafna immigranti spjegaw li huma qatt ma kienu raw baħar qabel.  Fost dawk salvati kien hemm għadd ta' tfal fl-età ta' bejn 13 u 14-il sena li kienu qed jivvjaġġaw waħidhom u anke anzjani morda.

Kelliem għal MSF iddeskriva l-ġurnta ta' nhar it-Tnejn bħala li filgħaxija "ix-xefaq ta' fuq il-baħar kien mimli dgħajjes bl-immigranti".
L-għaqda non governattiva Spanjola Proactiva Open Arms qalet li "dan hu rekord ta' dieqa.  Ġurnata li qisha ma kienet se tispiċċa qatt. Salvataġġ f'salvataġġ".



Tkompli l-kriżi ta' skart f'żoni f'Buġibba

Fl-aħħar jiem kompliet il-kriżi  ta' skart mormi llegalment f'żoni f'Buġibba.  Diversi żoni u meta ninsabu fl-aqwa tal-istaġun turistiku, reġgħu kienu kkaratterizzati minn nuqqas ta' indafa.  Ma naqsux munzelli ta' żibel f'toroq u kantunieri.

Għand inewsmalta.com fl-aħħar sigħat waslu għadd ta' ilmenti dwar żoni li kienu mimlijin skart.  Matul din il-ġimgħa ministeri differenti se jiltaqgħu bejniethom biex jiddiskutu s-sitwazzjoni.  Ta' min jgħid li l-Gvern permezz tad-Direttorat għat-Tindif qed inaddaf il-promenade u żoni oħra prominenti. Iż-żoni li qed ikunu karatterizzati minn nuqqas ta' indafa jaqgħu fir-responsabbilita tal-kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar.
    •  


Tal-Klawsura barra mill-kunvent minħabba t-terremot


    •    Sa sentejn ilu fost is-sorijiet Benedittini li hemm f'Sant Angelo in Pontano kien għad hemm tgħix soru ta' dixxendenza Maltija.  Fl-aħħar sigħat dawn is-sorijiet, li huma tal-klawsura ġew evakwati mill-kunvent tagħhom minħabba ħsarat strutturali li sofra l-monasteru tagħhom.  Dawn is-sorijiet jgħixu biss ftit passi bogħod minn fejn tgħix il-familja Maltija fl-istess post u li sofriet ħsarat strutturali ukoll fid-dar minħabba t-terremot li sar kmieni nhar l-Erbgħa.


Fi kliem il-familja Maltija, is-sitwazzjoni issa ġejja lura għan-normal iżda hekk kif jaħsbu li t-tħeżżiż qed inaqqas jesperjenzaw theżżiża qawwija.

Filfatt bejn it-3.00 ta' filgħodu u nofsinhar ta' llum saru 23 theżżiża. L-aktar waħda qawwija kienet ta' 3.3 fuq l-iskala Richter. 

Fi kliem il-familja Maltija kienet dehra ta' swieq il-qalb  jaraw lil dawn is-sorijiet li qatt ma joħorġu mill-kunvent ħerġin il-barra bil-bagalji.
    •   

"Il-proposta ta' gabbana fil-Mosta hi ġennata mill-kbar"
           - Jason Micallef

Il-proposta li ssir gabbana f'nofs il-pjazza tal-Mosta, li dwarha irrapporta inewsmalta.com qed tiġi kritikata bil-kbir.  Fost dawk li kkritikaw din il-proposta ta' żvilupp kien hemm Jason Micallef, li llum hu Ċermen ta' Valletta 2018.


Hu kkummenta li "meta taħseb li t-tustaġni u żżejjed ikunu nqabżu, titfaċċa applikazzjoni għal gabbana biswit ir-Rotunda fuq spazju pubbliku fejn kuljum jiltaqgħu n-nies u jgawdu l-atmosfera fil-pjazza tal-Mosta. Li tapplika għal gabbana fil-post immarkat bl-isfar hija ġennata mill-kbar. 

Li l-awtoritajiet jikkunsidraw din l-applikazzjoni oxxena, hija kriminali. Le kbira ċar u tond. Nippretendi li l-Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista  u tal-Partit Nazzjonalista li jirrappreżentaw lill-Mosta fil-Parlament joħorġu minn issa fil-beraħ u jiddikjaraw il-le tagħhom. Sinjuri Parlamentari mhemmx tidwir mal-lewża."

"Kards dubjużi" jiġu mqassmin mis-Sirjan

Il-ġurnal L-ORIZZONT illum irrapporta kif il-każ marbut mal-persuna Sirjana li ħarġet bl-allegazzjonijiet dwar visas mediċi għal persuni Libjani, qed jieħu żvolta ġdida. Dan hekk kif L-ORIZZONT għandu f'idejh għadd ta' kards li kien qed iqassam Khaled Ben Nasan lil persuni li hu jkun iltaqa' magħhom.  Il-kards li xi wħud minnhom jinsabu għand L-ORIZZONT meta wieħed janalizzahom isib li fihom informazzjoni differenti.
Sorsi li tkellmu ma' L-ORIZZONT u li huma qrib ir-rappreżentanza Libjana f'Malta iddeskrivew il-kards bħala "dubjużi'.

Filfatt sorsi li tkellmu ma' L-ORIZZONT meta ntalbu jikkonfermaw jekk Khaled Ben Nasan għandu x'jaqsam mal-Ministeru tal-Intern Libjan, dawn qalulna li lil Khaled ma jafux u m'għandhomx konoxxenza tiegħu.

Il-kards li għandu f'idejh L-ORIZZONT huma differenti minn xulxin. F'waħda minnhom Khaled Ben Nasan, jgħid li hu l-konsulent legali tal-Istaff Ġenerali tal-Armata Ħielsa Sirjana fil-Libja u f'pajjiżi Għarab u Ewropej. Fuq il-kard hemm arma li tgħid li hi tar-Repubblika Għarbija Sirjana.

F'kard oħra li hu jqassam lil persuni Libjani, hu jgħid li jifforma parti mill-kumitat kontra l-ġlieda għall-korruzzjoni, traffikar u l-flus li jidħlu fi Tripli. Fuq din il-kard Khaled Ben Nasan jgħid li l-kariga tiegħu hi ta' marbuta ma' 'dokumentazzjoni u informazzjoni".

Kard oħra li tinsab f'idejna jgħid li hu membru tal-Ministeru tal-Affarijiet Interni ta' dik li tissejjaħ 'Special Deterrent Force'. 
Il-kard tgħid li Khaled għandu l-kariga li għandha x'taqsam ma' 'dokumentazzjoni u informazzjoni". 

Fl-aħħar jiem L-ORIZZONT irrapporta kif dan is-Sirjan hu magħruf mal-Pulizija Maltija u anke kien segwit mis-Servizz Sigriet Libjan.  F'L-ORIZZONT tal-bieraħ irrapportajna kif dan kien imkeċċi minn Identity Malta minħabba li kien qed imur jakkumpanja persuni Tuneżini. 
L-imejls li hemm fuq dawn il-kards huma tal-gmail account inkella tal-kumpaniji privati tiegħu. Dawn qed iqajmu għadd ta' mistoqsijiet dwar kemm dawn il-kards jistgħu jittieħdu bis-serjetà.

Dan il-gurnal jinsab infurmat li 'screen shots' ta' messaggi li allegatament Ben Nasan kien jibgħat lil Gafa' spiċċaw għand bosta Libjani. Interessanti dak li nies qrib sew ta' Ben Nasan qegħdin isostnu ma' dan il-ġurnal li l-istess Ben Nasan ma jafx jikteb bl-Ingliż.
Għaldaqstant, xi ħadd allegatament kien imqabbad jikteb u jibgħat dawn il-messaġġi lil Gafa'. L-istess sorsi żvelaw li l-allegat għan ta' Ben Nasan kien li aktarx jiżvijja l-problema kbira li allegatament  jinsab għaddej minnha. Dan għax allegatament permezz ta' dawn il-messaggi seta' jwassal il-messaġġ lil għadd ta' persuni li alletament għandhom jieħdu ammonti  ta' flus mingħandu, li l-problema qed jikkawżaha Gafa' u mhux hu. Jidher li din il-mossa ftit li xejn ġiet emmnuta u saħansitra matul l-aħħar ġimgħat, Ben Nasan kemm'il darba kellu allegatament juża vettura oħra biex jivvjagga kif ikoll ibiddel ir-residenza ta' fejn jorqod .

Tuesday, August 30, 2016

Ferment fil-Mosta wara proposta ta' gabbana fil-pjazza
    •   
    •    Fost għadd ta' Mostin kien hemm ferment sħiħ fl-aħħar jiem u dan hekk kif saret applikazzjoni biex f'nofs il-pjazza tal-Mosta, eżattament fuq il-paviment fejn hemm kanun, issir gabbana li minnha jinbiegħ l-ikel.


Huma diversi dawk il-membri ta' għaqdiet li qed isostnu li jekk jingħata l-permess biex issir din il-gabbana ikun ifisser li se jkun diffiċli ħafna biex dawn l-għaqdiet jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom f'din il-parti. Dawn il-Mostin qegħdin iħeġġu biex jinbeda moviment li jopponi din il-proposta.

"Nirringrazzjaw lill-familja Maltija li laqgħetna" ... Ikompli t-theżżiż tal-art


"Irrid pubblikament nirringrazzja lill-familja Maltija li ospitatna. It-tfal kellhom tensjoni u inċertezza kbira. Il-fatt li it-tfal tiegħi nġabru taħt is-saqaf ta' din il-familja Maltija mat-tfal tagħhom, kielu u lagħbu flimkien, kien importanti ħafna biex neħħew ħafna mit-tensjoni. Irrid nirringrazzjahom ta' dan il-ġest". Dan sostnieh ma' inewsmalta.com, Gianluca Frinchilucci, antropologu Taljan, li fl-aħħar jiem hu u uliedu ħadu kenn għand il-familja Maltija li tgħix ftit kilometri bogħod minn Amatrice, belt li parti sostanzjali minnha nqerdet bit-terremot li seħħ kmieni nhar l-Erbgħa.


F'kuntatt ma' inewsmalta.com, Gianluca Frinchilucci, li fl-aħħar jiem kien qed idur diversi żoni milqutin mit-terremot u jitkellem ma' persuni vulnerabbli fosthom anzjani qalilna li "hemm tħassib kbir mill-anzjani. Għad hemm ħafna li għadhom qed jorqdu barra. Sakemm it-temp hu tajjeb mhix daqstant problema imma issa qed ikun previst li t-temp se jinbidel u ġej il-maltemp. Dan hu ta' tħassib kbir". 

Gianluca jgħidilna li "f'Sant Angelo in Pontano hawn xejn anqas minn 100 persuna li spiċċaw bla dar.  Dan ifisser għaxra fil-mija tal-popolazzjoni ta' dan ir-raħal. Ħafna minn dawn huma persuni anzjani. Issa l-problema hi dik ta' x'se jiġri fil-jiem li ġejjin, hekk kif temp jibda jinibdel". 

L-antropologu enfasizza li "dan it-terremot ħalla ħafna vittmi. Hemm wisq tkissir ftit kilometri biss bogħod minnha.  M'għandniex vittmi biss imma diżastru sħiħ. Il-belt sabiħa tagħna issa saret qisha belt il-fantażmi. Għadna qed nesperjenzaw ħafna theżżiż tal-art.  Ħafna familji jinsabu bla saqaf fuq rashom. 
Se jkollna nibdew ħajja ġdida imma mhu se ninsew minn dak li għaddejna."

Ikla għaġin fil-Ħamrun biex jinġabru fondi għall-vittmi tat-terremot

Intant il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun qal li "quddiem xeni bħal ma rajna f'dawn l-aħħar jiem f'Amatrice, u postijiet oħra fiċ-ċentru tal-Italja, diffiċli wieħed jibqa' sieket u ma jarax kif jista' jkun t'għajnuna għal dawk in-nies milqutin minn dan it-terremot.  Il-kunsill lokali tal-Ħamrun ħaseb li bil-mod li jista', jagħti għajnuna lil dan il-poplu u b'hekk qed qed organizzata 'Serata Italiana', fi Triq il-Kbira San Ġużepp.  L-iskop aħħari ta' ta' din is-serata hi li jinġabru fondi biex jingħataw lil dawn iż-żoni milqutin.  Din se ssir nhar is-Sibt 3 ta' Settembru mis-7.30 p.m. 'l quddiem. Il-bażi tal-attività se tkun ikla b'għaġin all'Amatriciana, li oriġina propju mill-lokalità t'Amatrice. 
Din se tkun ikkumplimentata minn kant tipiku Taljan f'atmosfera Taljana. Dan hu ġest ta' solidarjetà li jqarribna lejn dawk li sofrew minn dan it-terremot.  Il-postijiet jistgħu jiġu riservati mill-kunsill lokali u l-ħlas hu €10."

Kunsilliera Laburista tissekonda mozzjoni Nazzjonalista u titlaq 'il barra

Waqt li f'Wied il-Għajn hemm xewqa kbira mir-residenti biex is-sit ta' fejn kien hemm il-Lukanda Jerma jintuża biex terġa' tingħata spinta lis-settur turistiku f'Wied il-Għajn, quddiem il-Kunsill Lokali ta' Wied il-Għajn tressqet mozzjoni mill-kunsillier Nazzjonalista Charlot Cassar biex fis-sit tal-lukanda Jerma ma jsir ebda proġett meta titwaqqa' l-binja. Din il-mozzjoni kienet issekondata mill-Viċi-Sindku Laburista Desiree Attard. Saret komuni f'dan il-kunsill li mozzjonijiet Nazzjonalisti jkunu sekondati mill-Viċi-Sindku Laburista flok minn kunsillieri Nazzjonalista. Desiree Attard minkejja li ssekondat il-mozzjoni, telqet 'il barra mil-laqgħa qabel għax qalet li kellha fejn tmur. Hi spiċċat ma vvutatx fuq il-mozzjoni tagħha stess.
Il-mozzjoni m'għaddietx għax il-maġġoranza Laburista vvotat kontriha.

Il-mozzjoni kienet tgħid li "nipproponi li b’mod urġenti li l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala jagħmel talba formali lill-Prim Ministru biex jikkonsidra illi l-Gvern jixtri s-sit kollu ta’ fejn illum hemm il-fdalijiet ta’ dik li kienet il-Jerma Palace Hotel. Għal ħafna snin, il-poplu ġie mċaħħad minn aċċess ħieles ta’ din il-kosta u dan barra mill-fatt illi l-bini ta’ din il-lukanda qiegħed joħloq impatt negattiv qawwi fuq it-Torri ta’ San Tumas u l-ambjent ta’ madwaru.
L-aċċess ħieles għall-kosta huwa dritt fundamentali tal-bniedem. Għaldaqstant, iż-żewġ ponot tal-kosta f’Marsaskala għandhom ikollhom aċċess liberu għall-baħar u m’għandhomx jeskludu l-poplu. Il-Kunsill qiegħed jitlob ukoll lill-Gvern biex dan is-sit kollu, wara li titwaqqa’ l-Jerma, qatt ma jiġi kkunsidrat biex jerġa’ jinbena iżda jinzamm fl-istat naturali tiegħu fl-interess dejjiemi tal-poplu Malti."


Intant il-Viċi-Sindku, Desiree Attard, pererss li spiċċat ma vvutatx fuq mozzjoni tagħha stess, kitbet ittra wara l-votazzjoni lill-Kunsill. inewsmalta.com għandu kopja ta' din l-ittra u din tgħid li "għadni kemm ġejt infurmata li fil-vot li ttieħed, id-dikjarazzjoni li għamilt qabel ma tlaqt (għal raġunijiet li ma stajtx nevita), fejn għidt ċar u tond, għal darba tnejn, li jien naqbel mal-mozzjonijiet kollha li ġew ippreżentati għal-laqgħa, ġiet injorata.
B'hekk li jien ma tniżżiltx li qed nivvota favur ta' mozzjoni li ssekondajt jien stess. Dan qed inqisu bħala diżrispett bażiku tal-opinjoni tiegħi li kont diġà qsamt mal-Kunsill kollu, jiġifieri li jien qed naqbel ma' din il-mozzjoni, u nitlob raġuni valida għaliex sar dan. Ifisser allura li jien tniżżilt bħala astensjoni għal kull mozzjoni li tressqet? Nitlob li din l-istqarrija tiegħi titniżżel fil-minuti, u nitlob ukoll li din il-kwistjoni terġa' tittella' fil-laqgħa li jmiss."


Is-Sirjan tkeċċa minn Identity Malta għax kien
qed imur jakkumpanja lin-nies


Is-Sirjan, li fl-aħħar jiem ħareġ b'allegazzjonijiet dwar visas mediċi lil Libjani hu persuna magħruf sew mal-Pulizija Maltija. Filfatt, inewsmalta.com hu infurmat li kien fis-sena 2015 meta Identity Malta għamlet rapport lill-Pulizija dwaru. Sorsi infurmati qalulna li minn Identity Malta hu kien ġie mkeċċi u ma setax jidħol aktar f'dawk l-uffiċini.
 Sorsi qalulna li dan is-Sirjan hu magħruf sew fost persuni qrib Identity Malta minħabba l-allegat aġir tiegħu f'dawk l-uffiċini, fejn hu kien imur hemm jakkumpanja persuni barranin.

Mhux magħruf jekk hemmx każijiet oħra marbutin ma' Khaled u investigazzjonijiet tal-Pulizija.

Sorsi qrib il-Pulizija li tkellmu ma' inewsmalta.com spjegaw kif Khaled hu magħruf magħhom u dan anki minħabba l-fatt li kull tant żmien jidher l-ajruport internazzjonali ta' Malta fejn dan ikun qed jilqa' persuni barranin, allegatament Tuneżini.


Fl-aħħar jiem dan is-Sirjan jidher li allegatament kien qed jibdel diversi residenzi.

inewsmalta.com tal-bieraħ żvela kif dan is-Sirjan qed ikun imfittex mis-Servizz Sigriet Libjan. S'issa għad mhux magħruf x'inhuma r-raġunijiet li għalihom dan is-Sirjan qed ikun imfittex. 

Sorsi qrib Ben Nasan sostnew li matul l-aħħar xhur Ben Nasan ma kienx qed jorqod kuljum fir-residenza tiegħu minħabba li allegatament hu mfittex minn bosta Libjani li qed jiġru warajh biex, skont huma, jirkupraw eluf ta' ewro li allegatament dan għandu jagħtihom. Diversi drabi qed jidher ukoll b'vettura differenti. Dan il-ġurnal jinsab infurmat ukoll li wara li l-permess ta' residenza kien irrifjutat, Ben Nasan talab għal stat ta' refuġjat u kollox qed jindika li dan ingħata.



Sunday, August 28, 2016


Ikompli t-theżżiż tal-art fiċ-ċentru tal-Italja

Iż-żona ta' fejn sar it-terremot ta' nhar l-Erbgħa kmieni filgħodu baqgħet b'mod kontinwu u regolari tesperjenza theżżiż xi drabi qawwi.

    B'kollox fl-aħħar erbat ijiem saru b'kollox xejn inqas minn 1,800 theżżiża. Ħafna minnhom kienu żgħar u ma jinħassux biss kien hemm ammont ta' theżżiż li kien jaqbeż it-3 fuq l-iskala Richter u dawn jinħassu.

    L-aħħar theżżiża li nħasset sew seħħet ftit minuti eżattament fit-3.08 p.m. Din kellha qawwa ta' 3.8 fuq l-iskala Richter.


Jgħixu taħt soqfa neżlin

"Kemm se ddum tara x-xorok maqsumin? Kemm se ddum tħares lejn it-travi u tara dak is-sadid? Kultant żmien issib biċċiet tal-ġebel jew tas-sadid mal-art. Tagħmel ix-xita u l-ħsara dejjem tiżdied. Iġġib perit u jgħidlek hawnhekk ikkundannat, is-saqaf jista' jaqa' minn ħin għall-ieħor. Tispiċċa f'sitwazzjoni fejn tibda tgħix f'biża' kontinwa. Titkellem ma' sid il-post u kif issemmilu l-ħsarat u l-ispejjeż jgħidlek, il-post qed tgħix fih int, aħna niġbru biss il-kera. Bħali hawn anzjani oħra li s-sidien ma ridux iħallsu biex jiġu rranġati l-ħsarat li kien hemm. Meta se tittieħed azzjoni fuq sitwazzjonijiet simili, meta ssir xi diżgrazzja u jintradmu n-nies?" qaltilna l-anzjana li laqgħet lil inewsmalta.com f'darha. Jidher li mhumiex waħdiet l-anzjani li peress li m'għandhomx mezzi u l-enerġija biex joqogħdu jmorru japplikaw għall-fondi u jħallsu l-periti, dawn jagħżlu li jibqgħu jgħixu f'bini kkundannat.

    inewsmalta.com stħarreġ fost għadd ta' anzjani l-kundizzjoni tal-bini tagħhom. Diversi anzjani madwar il-pajjiż qed jispiċċaw jgħixu f'bini kkundannat jew inkella hu ta' periklu, f'riskju li jaqgħu xorok jew xi biċċiet tal-konkrit mis-saqaf. Dawn is-sitwazzjonijiet qed jispiċċaw hekk għax is-sidien jirrifjutaw li jħallsu parti mill-ispejjeż fil-maġġoranza tal-każi huma bini b'kirjiet pjuttost baxxi.

    Tmur f'dawn il-postijiet u litteralment tibqa' imbellah b'dak li tara. Xorok maqsumin. Xi wħud imbewqin 'l isfel u travi litteralment immermrin. Anzjani jgħidulek li ilhom snin twal jgħidu f'dak il-post u ħadd ma rranġa xejn.

    Waħda minn dawn l-anzjani spjegatilna li "meta kellimt lis-sid ma riedx jirranġa. Il-kirja tiegħi hi ta' ftit aktar minn €100 kull sitt xhur. Nifhem li mhix ħafna, għalkemm jien armla. Imma naħseb li s-sid kellu jgħin biex isiru x-xogħlijiet. Spiċċajt ħallast €11,000 biex ġew irranġati l-ħsarat kbar fis-saqaf u issa hemm bżonn xejn inqas minn €5,000. Irrikorrejt għand l-Awtorità tad-Djar u tawni €7,000. Jien se nkun ħriġt €9,000. Għalija dan hu ammont qawwi ħafna u ridt nara fuq min se ndur biex jgħinuni," qaltilna din l-anzjana. Tgħidilna li "naf oħrajn fl-istess żona. Jgħixu waħedhom u ma jridux jagħmlu spejjeż ta' periti. Qed jibqgħu jgħixu f'bini kkundannat".

    inewsmalta.com għamel kuntatt ukoll ma' Mary Pace, li għandha saqaf ikkundannat. Hi qaltilna li ommha kienet toqgħod l-ewwel fid-dar li qiegħda fiha issa. Spjegat li ommha kienet kriet din id-dar fis-sena 1941. Pace qalet li tul iż-żmien il-familja tagħha rranġat ħafna affarijiet fid-dar u anke għamlet kamra tal-banju għax ma kienx hemm.  Tispjega li għandha problema bis-saqaf u qal li dan hu fil-periklu li jaqa'. Hi ħallset żewġ periti biex jispezzjonawh, waqt li s-sid meta avviċinat ma kienx lest li joħroġ ċenteżmu wieħed. "  Din l-anzjana hi ffaċċjata bi spiża ta' eluf ta' ewro li hi m'għandhiex minn fejn tħallashom u għalhekk se jkollha tirrikorri għand l-awtorità.

    Hemm proċess ta' proċeduri minħabba l-banek

    L-Awtorità tad-Djar meta kuntattjata minn inewsmalta.com dwar dawn il-każijiet, qalulna li "l-Awtorità tad-Djar għandha żewġ skemi fejn tgħin inkwilini inkluż anzjani biex jirranġaw ir-residenzi tagħhom.  Waħda hija għal irranġar sabiex il-post jiġi abitabbli u l-oħra tapplika għal fejn ikun hemm periklu u s-sid ma jridx jirranġa. Din tapplika għal dak li jkollhom kirja datata qabel is-sena 1995. Fiż-żewġ każijiet l-inkwilini jistgħu japplikaw biex jitneħħa l-periklu, kif ukoll fiż-żewġ każijiet tingħata għotja." Qalulna li "sentejn ilu kienet saret simplifikazzjoni tal-applikazzjonijiet. Minkejja dan iżda, għad hemm ċertu proċess ta' dokumenti li huwa mportanti li jsiru minħabba riċerka li tkun trid issir mill-banek."

    Bżonn ta' politika nazzjonali dwar l-akkomodazzjoni - Charles Miceli, attivist soċjali

    L-attivist soċjali, Charles Miceli, meta kkuntattjat minewsmalta.com qalilna li "waqt li nemmen li kulħadd għandu dritt ikollu saqaf fuq rasu, meta niġu biex ngħaddu mit-teorija għall-prattika, trid tara ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ. Qed nitkellem f’ismi u f’isem ħadd aktar. Veru ma tista’ taqbel qatt li tara lil xi ħadd jgħix fil-periklu li jaqgħu x-xorok fuq rasu. U s-socjeta’ hija fid-dover li bla telf taż-żmien tara li l-periklu jiġi eleminat. Madankollu jekk tistaqsini jekk ir-responsabbiltà aħħarija hix ta’ sid il-kera jew le, ngħidlek ma nafx.  Kull każ irid jittieħed fuq il-mertu tiegħu. Għax hawn kera u hawn kera. Altru tkun qed tħallas €800 kera fix-xahar u altru tkun qed tħallas €200 fis-sena. Ma nafx kif is-sid jista’ jagħmillek €5,000 spejjeż l-aktar jekk huwa jkollu dħul miżeru aktar minn tal-inkwilin."

    Hu qalilna li "forsi tajjeb, kif qalet il-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca meta indirizzat il-laqgha tal-Forum Komunità Bormliża f’Lulju li għadda,  li qabel nibdew nitkellmu fuq il-kirjiet għandna nitolbu biex ikollna politika nazzjonali dwar l-akkomodazzjoi. U politika bħal din, anke jekk ma tagħmilx mirakli, talanqas forsi tiċċara dawn is-sitwazzjonijiet ħalli ħadd ma jbati bla bżonn jew ikun fil-periklu."

    Ritratt: Travu mmermer fil-post fejn jgħixu l-anzjani

Il-whistleblower huwa Sirjan b'permess ta' residenza rtirat

Fl-aħħar jiem smajna diversi dikjarazzjonijiet u rapport dwar il-każ u l-allegazzjonijiet li tqajmu minn Khaled Ben Nassan, persuna li l-identità tagħha ġiet deskritta bħala li hi ta' nazzjonalità Libjana. Biss minn investigazzjoni li għamel inewsmalta.com qed jirriżulta li minkejja li kulħadd qed jgħid li dan hu Libjan dan fil-fatt hu Sirjan. Minn informazzjoni li ġbarna minn persuni qrib sew ta' Khaled, jirriżulta li dan kien ilu għaxar snin f'pajjiżna. Infurmat li s-Sirjan kellu l-permess ta' residenza tiegħu irtirat.

    Sa issa mhux magħruf għaliex kien hemm dawn id-diskrepanzi fuq l-identità ta' din il-persuna li aġixxiet bħala whistleblower u għamlet ħafna allegazzjonijiet fuq Neville Gafà u l-ħruġ ta' visas għal persuni Libjani.

    inewsmalta.com, f'informazzjoni li kiseb minn sorsi qrib Identity Malta, tgħid li Khaled kellu l-permess ta' residenza irtirat. L-istess sorsi ma tawx raġuni dwar x'wassal biex dan il-permess ikun irtirat. Quddiem dan u hekk kif persuni qrib ta' Khaled huma konxji li l-permess ta' residenza tiegħu hu rtirat, qed jistaqsu jekk dwar jekk Khaled applikax għal status ta refuġjat u qed jistaqsu dwar fuq liema bażi ngħata dan l-istatus.

    Persuni Libjani li tkellmu ma’ inewsmalta.com qalulna li "Khaled insibuh bħala Khaled is-Sirjan. Dak mhux Libjan għalkemm għandu passaport Libjan." Huma esprimew ir-rabja tagħhom għall-fatt li l-istampa qed tgħid li Khaled hu ta' nazzjonalità Libjana. Il-kwistjoni tal-visas Libjani u l-allegazzjonijiet li saru, nħarġu minn Khaled Ben Nassan. Hu qed jitlob li jingħata lura l-flus li tħallsu għal visas li ma mmaterjalizzawx.



Rekord nazzjonali minn Ta' Balzunetta: 805 persuni fl-istess post lebsin l-istess drapp

 

Il-marċ ta' Balzunetta fir-raħal ta' Għajnsielem issa daħal f'rekord nazzjonali. Dan hekk kif f'folla kbira ta' nies tiddeverti fil-marċ fil-festa tal-Madonna ta' Loretu, twaqqaf rekord ta' l-akbar ammont ta' persuni fl-istess post u li jkunu lebsin l-istess drapp.

    Hija drawwa f'dan il-marċ li żgħażagħ, tfal u adulti jagħmlu lbiesi minn drapp li jkun inxtara ftit ġimgħat qabel. B'kollox intraw kilometru u erba' metri drapp.

Saturday, August 27, 2016

"Il-qerda tat-terremot fakkrithom fuq il-qerda ta' pajjiżhom u riedu jgħinu" - Giovanni Maiolo

Immaġinaw tgħixu b'€2 kuljum. Żgur li ħafna minnkom jgħidu li dan ma jistax ikun. Dan hu l-ħlas li jingħataw kuljum grupp ta 'immigranti li jgħixu fin-nofsinhar tar-reġjun tal-Kalabrija. Bħal ħafna Taljani filgħodu semgħu bl-aħbar kerha tat-terremot. Raw ix-xeni ta' qerda li ħalla dan it-terremot vjolenti.
    Fakkarhom fil-qerda tal-bombi tal-gwerra f'pajjiżhom. Ma ħasbuhiex darbtejn biex ftehmu bejniethom biex jiġbru l-ħlas tagħhom u jtuh għal fond li qed jiġbor flus għall-vittmi tat-terremot. Mhux hekk biss, iżda huma vvolontarjaw biex imorru jgħinu fit-tiftix u f'dak li hemm bżonn f'żoni milqutin.

    L-ORIZZONT tkellem ma' Giovanni Maiolo, kordinatur tal-proġett Spar  fejn spjegalna li xejn inqas minn 70 refuġjat daħlu għal dan l-att ta' solidarjetà biex jgħinu lil dawk li għandhom bżonn.

    Meta tkellem magħna qalilna li "x-xeni li raw fakkruhom f'dak li kienu jaraw f'pajjiżhom. Kellmu lill-ħaddiema soċjali u riedu jgħinu. Nistaqsu dwar kif qed jara li rreaġixxew in-nies għal dan u hu qalilna li "ħawn ħafna Taljani li ma jridux immigranti.  Għalihom kull ma jagħmlu l-immigranti hu ħażin.

    Għalhekk anki din id-deċiżjoni li dawn jagħtu l-flus li jingħataw hi xi ħaġa negattiva.  Dawn in-nies ma jistgħux jifhmu li aħna kollha umani.  Ma jistgħux jifhmu li aħna għandna ngħinu lil xulxin b'mod partikolari fejn ikun hemm it-tbatija huma min huma in-nies, u irrispettivament mill-kulur tal-ġilda".

    Giovanni jgħidilnali "nittama li din id-donazzjoni tgħin biex ikun hemm aktar integrazzjoni. Nittamaw li jkun hemm min jibdel l-opinjoni tiegħu".  Dawn l-immigranti jgħixu f'Gioiosa Ionica.


"Tlifna parti minn ħajjitna" - Taljani u Maltin li jgħixu fiż-żona tat-terremot

Is-sitwazzjoni fiċ-ċentru ta' l-Italja baqgħet waħda inċerta għall-aħħar hekk kif l-aħħar sigħat kienu diffiċli ħafna għal persuni li jgħixu fiż-żona milquta mit-terremot u madwarha.  Kienu sigħat li fihom inħassew għadd ta' theżżiżiet qawwija. Bini ieħor spiċċa waqa'. Aktar djar spiċċaw kkundannati. Dan kien it-tielet jum li fih familja Maltija li tinsab ftit kilometri biss, kellha tqatta l-lejl torqod barra eżattament fil-karozza. Fi kliemhom stess, 'għajjenin ħafna."  Konxji mill-fatt li wara terremot ikun hemm aktar theżżiż, il-mod kif qed tiżviluppa s-sitwazzjoni huma ddeskrivewha bħala li "hi waħda ta' biża kontinwa' u 'inċertezza'. L-ORIZZONT matul il-ġurnata tal-bieraħ għamel kuntatt ma' diversi Taljani milqutin direttament mit-terremot. Jiddikjaraw li jħossu li tilfu parti minn ħajjithom f'dawn it-tlett ijiem. "Id-dar, ħwejjeġ u l-ilbies jiġu. Imma f'dawn il-jiem tlifna il-kuntentizza." Oħrajn qalulna kif ftit snin ilu kienu telqu miż-żona ta' l-Aquila fejn kien seħħ terremot qawwi, biex xorta kellhom jesperjenzaw dan it-terremot deskritt bħala vjolenti.

    Nitkellmu ma' Paola, li toqgħod qrib ħafna ta' Amatrice. Tgħidilna li "kien terremot vjolenti. Kien hemm theżżiż wara. Is-sitwazzjoni hi tara nies jorqdu barra jew għand ħbieb tagħhom. Hemm oħrajn ma tilfux djarhom imma ma jistgħux jidħlu fihom. Iż-żoni huma magħluqin. Hawn biża u inċertezza kbira. Trid tqis li hawn kienu postijiet turistiċi.  Postijiet imfittxijin ħafna. F'daqqa waħda nqered kollox." Hi kompliet tgħidilna li "din kienet ġimgħa fejn Amatrice kienet se tiċċelebra il-ħamsin sena mil-platt li għamilha famuża l-Ispaghetti all amatriciana. Is-Sibt u l-Ħadd fil-pjazza kien se jkun hemm festa sħiħa fejn ikun servut l-ispaghetti flimkien ma' baned u mużika.  Minn arja ta' festa sirna ċimiterju. Dulur kbir".

    "Tlaqna mill-Aquila minħabba t-terremot u ffaċċjajna ieħor"

    Zoe Boccabella titkellem dwar it-tieni trawma f'temp qasir ta' żmien. 'Mhux insib kliem biex niddeskrivi s-sitwazzjoni. Xena bħal tal-gwerra.     Hawn nies li ftit snin ilu telqu miż-żona ta' l-Aquila minħabba dak it-terremot qawwi li kien sar.  Telqu bl-għan li jinsew dik it-trawma u biex ikunu aktar siguri. Ftit snin wara esperjenzaw l-istess trawma."

    "Ħriġt ħajja mit-tifrik…tlift biċċa  minn ħajti"

    Wieħed mill-postijiet milqutin u li fih saret ħerba sħiħa kien Accumoli. Post li fih kien hemm għadd ta' vittmi għalkemm dawn ma jammontawx daqs dawk f'Amatrice.  Roberta Paoloni b'qalbha maqsuma tgħid li "ħriġt ħajja minn taħt it-tifrik. Inħoss li f'dawk il-ftit sekondi tat-terremot tlift parti minn ħajti.  Inħoss li parti minni se tibqa' midfuna taħt it-tifrik. Ma tliftx biss id-dar, l-ilbies u oġġetti personali . Dawn huma affarijiet li tirkuprahom. Tlift parti mill-kuntentizza. Mort niġbor xi affarijiet personali".

    Tgħid li "se tibqa' f'moħħi l-esperjenza ta' meta kont fi pjazza San Franġisk. Rajna dar taqa'. Ma stajna nagħml xejn.  Mietet l-omm u żewġt itfal tagħha. Inħoss li għadni ħajja b'miraklu." Ma tonqosx li tesprimi r-rabja lejn il-politiċi. 'Ma rridx nara politiċi li jiġu hawn jagħmlu l-cat walks. Aħna rridu għajnuna ta' veru". Tenfasizza li "imdejqa ħafna għax tlift ħafna minn ħbiebi".


"Tkaħħalt mal-art u ma stajtx niċċaqlaq...ħriġt lil ibni rieqed fuq ix-xatt" - Antoine Scicluna

"Tkaħħalt mal-art u ma stajtx niċċalaq. Kelli litteralment intir mis-sodda. Qbadt lil ibni u ħriġna fuq ix-xatt.  Kien hemm ħafna nies hemm, ħafna minnhom bil-ħwejjeġ ta' taħt jew ftit ilbies. Kien hemm paniku sħiħ".

    Dawn kienu l-kummenti li għaddielna Antoine Scicluna, Malti minn San Ġiljan li jgħix fi Treviso u li dakinhar li seħħ it-terremot kien qrib iż-żona għal vaganza ma' ibnu ta' sitt snin.

    Hu qalilna li ""jien ngħix fil-provinċja ta' Treviso.  Oriġinarjament minn San Ġiljan. Kont iddeċidejt li nqatta' ġimgħa mat-tifel fil-bajja ta' Gabbicce Mare fil-provinċja ta' Pesaro Urbino. Din tinsab madwar 10 kilometri bogħod miż-żona ta' Riccone u Rimini.  L-epiċentru tat-terremot hu madwar 150 kilometru bogħod minn fejn konna aħna vaganza. Tidher li hi l-bogħod imma għal terremot 150 kilometru mhux bogħod".

    Antoine Scicluna kompla jgħidilna li "għall-ħabta tat-3.30 ta' filgħodu, jiġifieri ftit minuti biss qabel sar it-terremot, kont diġa imqajjem. M'għandix raġuni għal dan. Jista' jkun li ħassejt xi theżżiża qabel u din qajmitni.  Biss f'daqqa waħda is-sodda bdiet titriegħed. Ħsibt lit-tifel, li għandu sitt snin kien qed jaqbeż fuq is-sodda li konna fuqha. Dort u għedtlu 'Pippo x'qed tagħmel? Indunajt iżda li t-tifel kien rieqed. F'daqqa waħda it-theżżiż sar aktar vjolenti. Smajt ħoss qawwi. Malajr indunajt li dan kien terremot.  Il-qawwa tan-natura tant kienet kbira li jien kelli litteralment  naqbeż minn fuq is-sodda. It-theżżiż tant kien qawwi li ħassejtni mwaħħal mal-art."

    Tenna li "dawwart xugaman miegħu u ma ibni li kien rieqed u ħriġt fuq ix-xatt. Kien hemm paniku kullimkien, kemm fil-lukanda u anki fit-toroq. Kulħadd ħareġ fuq ix-xatt. Ħafna persuni kienu bil-ħwejjeġ ta' taħt jew bi ftit li xejn ilbies. It-terremot dam madwar minuta imma kien ħin li tarah idum ħafna ma jgħaddi.  Ħassejna biża kbir."

    Antoine jgħidilna ukoll li "tifel qam meta kont nieżel bih it-taraġ. Ħafna tfal kien qed jibku għax ma setgħux jifhmu x'kien dak il-paniku. F'sitwazzjonijiet simili m'hemm xejn x'tagħmel. M'hemm ebda avviż ta' x'se jiġri. Tispiċċa imblukkat. Imwaħħal ma' l-art ma tafx x'se taqbad tagħmel. Id-deċiżjoni li noħorġu barra ma kinitx tajba lanqas għax it-taraġ seta' ġġarraf.  Nirringrazzjaw l-Alla li ma ġara xejn u l-bini ma ġarrabx ħsarat. Siegħa wara kien hem tħeżżiża oħra imma din kienet iżgħar.  Fis-6.00 ta' filgħodu irritornajna lura lejn il-lukanda."

    Il-Malti jgħidilna li "immedjatament ċempilt lil xi ħbieb f'Giulianova Abruzzo li jinsab madwar 80 kilometru bogħod. L-istejjer li smajt mingħandhom kienu tal-biża.  Bi xkafef u b'oġġett jaqgħu u b'nies jaqbżu mit-twieqi għat-toroq minħabba l-qawwa tat-terremot.  J'alla dawk milqutin ikollhom is-saħħa li jibdew ħajjithom mill-ġdid".

Salvat f'nofs il-Mediterran u ftit sigħat wara esperjenza it-terremot..."kburin li marru jgħinu"

Abdul Malik, nhar l-Erbgħa kmieni filgħodu qam maħsud bit-terremot. Bħal ħafna immigranti Afrikani oħra qatt ma kien esperjenza it-terremot.  Minn dak li rrakkonta lil voluntieri beda jaħseb  jekk kinitx waslet l-aħħar tad-dinja jew jekk dik kinitx xi ħaġa normali.

    Trid tqis li Abdul Malik kien salvat nhar it-Tnejn li għaddew minn fuq dinghy f'nofs il-Mediterran u minn Sqallija ġie trasferit lejn Ascoli Piceno it-Tlieta, post li jinsab ftit kilometri biss bogħod mill-epiċentru tat-terremot. Dak il-lejl stess hu esperjenza l-ewwel terrmot.  Imma lil hinn minn dan Abudl Malik flimkien ma' 27 immigrant ieħor offrew li jmorru jgħinu waqt l-operazzjoni ta' salvataġġ fiż-żoni milqutin mit-terremot.

    L-ORIZZONT għamel kuntatt ma' Gruppo Umana Solidarieta (GUS) fejn magħhom tkellimna dwar din l-inizjattiva ta' dawn il-persuni Afrikani. Kelliem għal GUS qalilna li "b'kollox qegħdin 28 persuna. Mhix l-ewwel darba li immigranti li nkunu qed nieħdu ħsieb jidħlu fi proġetti jew inizjattivi ta' għajnuna fil-komunità.  Għall-organizazzjoni tagħna l-integrazzjoni tfisser li dawn ikunu involuti u  jipparteċipaw fil-kommunità. Hekk qed jagħmlu u sejrin tajjeb. Aħna kburin b'dak li qed jagħmlu", qalilna il-kelliem.

"Diskors Schöpflin inaċċettabbli...ma jirrappreżentax il-valuri Ewropej" - Roberta Metsola

Wara li gwardji tal-fruntiera fl-Ungerija bdew jagħmlu immaġini li jbeżżgħu bl-għan li refuġjati ma jersqux biex jidħlu mill-fruntiera tal-Ungerija, Deputat Parlamentari Ewropew li jifforma parti mill-Grupp tal-Partiti Popolari Ewropej (PPE) iddikjara li għandhom jitpoġġew irjus tal-majjali biex b'hekk refuġjati Musulmani ma jersqux lejn il-fruntiera.  Din id-dikjarazzjoni, li inkitbet mid-Deputat Parlamentari Ewropew, Gyorgy Schopflin qajmet reazzjoni immedjata b'għadd kbir ta' organizazzjonijiet umanitarji joħorġu jikkundannaw.

    L-ORIZZONT talab reazzjoni dwar din id-dikjarazzjoni ta' Schopflin mingħand id-Deputata Ewropea Roberta Metsola. Hi ddikjarat bla tlaqlieq li "d-diskors ta' Gyorgy Schopfin hu inaċċettabbli. Dak li qal la jirrapreżenta l-valuri Ewropej u lanqas it-twemmin tal-grupp tal-Partiti Popolari Ewropej."

    Metsola qaltilna li "l-pożizzjoni tiegħi hi cara - dak hu diskors li m'għandux isib qbil miegħu u jagħmel għajb lil min jgħidu".

    Id-Direttur tal-Medja ta' Human Rights Watch irreaġixxa għal dak li kiteb Schopflin u ddeskriviha bħala 'xenofobika'.  "Inti imbarazzament għall-Ungerija, għall-Ewropa u għall-umanità", qal Stroehlein.

Friday, August 26, 2016

Tajna kenn lil familja Taljana - il-familja Maltija, li wkoll ġarrbet ħsarat f'darha bit-terremot

L-għadd kbir ta' tħeżżiż li saru wara li seħħ it-terremot fiċ-ċentru tal-Italja kmieni mas-sebħ nhar l-Erbgħa, wasslu biex tard ilbieraħ filgħaxija dar li tinsab f'Sant Angelo in Pontano ġġarrfet. Il-familja Taljana li kienet qed tgħix f'din id-dar, ingħatat kenn mill-familja Micallef, li ukoll id-dar tagħhom ġarrbet xi ħsarat. Il-familja Micallef fl-aħħar sigħat tkellmet ma' inewsmalta.com dwar dak li esperjenzaw u anke kif qattgħu l-ewwel lejl wara t-terremot. Lejl deskritt bħala wieħed tal-biża tant li huma ma raqdux ġewwa iżda għażlu li joqogħdu f'post miftuħ fil-karozza. Bl-għan li t-tfal jiġu aljenati minn din it-trawma, kemm dawk tal-koppja Maltija kif ukoll tfal oħrajn, ġew organizzati attivitajiet fil-ġnien tad-dar.

    inewsmalta.com kompla jsegwi dak li għaddejja minnu din l-omm Maltija flimkien ma' żewġ uliedha.  Ir-raġel tagħha, li kien f'pajjiż ieħor fuq xogħol, ingħaqad mal-familja fl-aħħar sigħat.

    Wara li  matul il-ġurnata tal-Erbgħa il-familja Maltija qagħdet tagħmel il-bżonnijiet li kien hemm bżonn fid-dar fosthom tirranġa l-affarijiet li waqgħu, kollox ħa żvolta ġdida filgħaxija.  Kien għall-ħabta ta' 9.00 p.m. meta nħasset tħeżżiża oħra qawwija. Din għaddiet bħal dik ta' qabilha iżda ftit wara l-familja Maltija ġiet infurmata li f'Sant Angelo in Pontano  kienet waqgħet dar ta' familja ħbieb tagħhom.

    Il-Maltin kienu pronti taw kenn lil din il-familja. Biss minħabba l-biża' li kien hemm ta' aktar theżżiż u minħabba li ħafna nies anki f'dan ir-raħal għażlu li jorqdu barra jew fil-karozzi, il-familja Maltija għażlet li toqgħod ma' dik Taljana fil-ġnien.

    Fi kliemhom stess deher ċar li t-tfal kienu beżgħanin u xxukkjati b'dak li għaddew minnu u għalhekk ġew aljenati b'sensiela ta' attivitajiet fil-ġnien. Matul il-lejl huma raqdu fil-karozzi f'post miftuħ.

    Tibda l-ħidma ta' għajnuna mill-Maltin fl-Italja
    Hekk kif nhar l-Erbgħa filgħaxija ħames Maltin membri fl-SOS K9 USAR telqu lejn l-Italja flimkien ma’ żewġt iklieb imħarrġin fit-tiftix għall-persuni f’diżastri naturali, illum bdew il-ħidma tagħhom proprju fil-lokalitajiet milquta mit-terremot. ?Il-ħames membri li hemm bħalissa l-Italja mmexxija minn John Gera huma Josette Bonnici, Janine Theuma Castelletti, Padraig O’Keeffe u Davide De Bernardin flimkien mal-klieb Ace u Mambo. Huma tellgħu l-ewwel ritratti fuq is-sit soċjali ta’ Facebook tal-ħidma tagħhom bil-klieb u ta' dak li kienu li s’issa huma ltaqgħu miegħu.

    L-Isqfijiet Maltin jappellaw għall-għajnuna

    Min-naħa tagħhom, l-Isqfijiet Maltin appellaw lill-pubbliku inġenerali biex jgħin lill-vittmi tat-terremot fl-Italja. L-Arċisqof Charles Scicluna f'messaġġ li ħareġ qal li  l-ġabra li ssir fil-parroċċi fi tmiem il-ġimgħa se tkun għal dawk milqutin mit-terremot.

    L-Isqof t’Għawdex, Mario Grech qed isejjaħ għall-ġenerożità materjali u spiritwali f’ċirkolari li se tinqara fil-quddiesa fi tmiem il-ġimgħa.
    Il-Caritas f’Malta, bħala aġenzija tal-Knisja f’Malta, fetħet fond għal dan il-għan. F’Għawdex, id-donazzjonijiet jistgħu jitwasslu fl-uffiċċju tal-Caritas fil-Kurja, r-Rabat.

    Iż-żewġ Isqfijiet jappellaw għas-solidarjetà u għat-talb għal dawk li huma feruti, u għal dawk kollha li b’mod jew ieħor qed jagħtu l-għajnuna meħtieġa lil dawk milquta mit-terremot.



Uħud mill-vittmi tat-terremot

L-awtoritajiet Taljani lbieraħ ħarġu l-lista tal-ismijiet tal-vittmi tat-terremot li nhar l-Erbgħa kmieni filgħodu laqat iċ-ċentru tal-Italja. 

    S'issa mietu 267 persuna u 238 inħarġu ħajjin minn taħt it-tiġrif.

    Accumoli, Amatrice u Pescare del Tranto ġarrbu ħsarat kbar u t-theżżiżiet għadhom għaddejjin sa dalgħodu stess.

"Qed ngħixu fil-biża'..." Theżżiża oħra, ħsarat ġodda

"Dalgħodu erġajna b'theżżiża oħra qawwija. Konna għadna lanqas qomna. Kienet theżżiża ta' 4.8 fuq l-Iskala Richter. Milli qed naraw u nisimgħu waqa' għadd ta' bini ieħor. Jidher li l-aċċess għall-belt ta' Amatrice qed isir aktar diffiċli minħabba li l-pont jista' jkun li ġarrab xi ħsarat".

    Dawn huma l-kummenti li għaddiet familja Maltija li tgħix ftit bogħod minn Amatrice li ntlaqtet b'mod qawwi mit-terremot ta' nhar l-Erbgħa filgħodu.

    Il-familja spjegatilna li "l-aħħar darba li kien seħħ terremot qawwi hawn kienu saru għadd kbir ta' theżżiżiet wara. Ftit jiem wara kien sar terremot ieħor qawwi. Dak li qed jiġri llum mhux daqstant ta' sorpriża għalina. Hi sitwazzjoni li ġġibek inċert għall-aħħar. It-theżżiża li kien hemm dalgħodu kienet qawwija u saru xi ħsarat ġodda. Din seħħet xi s-6.30 p.m.

    Ritratti: Il-bini li waqa' bit-theżżiżiet ta' dalgħodu. Ir-ritratti ttieħdu mit-tim Malti li mar l-Italja biex jgħin fit-tiftix għal pesuni mirdumin. (SOS K9 USAR MALTA)

SOS Malta b'appell urġenti għal donazzjonijiet mill-Maltin

Ftit tal-ħin ilu l-organizazzjoni SOS Malta nediet appell urġenti għal dawk milqutin mit-terremot li seħħ kmieni nhar l-Erbgħa filgħodu fiċ-ċentru tal-Italja.

    It-tim Malti għaddej b'ħidma fil-belt ta' Amatrice, li hi l-aktar milquta mit-terremot.

    SOS Malta enfasizzat li dawk li salvaw mit-terremot għandhom bżonn urġenti għall-provvisti ta' emerġenza u dan biex ikunu assistiti għal perjodu ta' żmien sakemm jirkupraw. Huma appellaw biex il-poplu Malti jkun ġeneruż u jikkontribwixxi.


Ġnien "Ħerba" Ganado: Żgur mhux xempju ta' Valletta 18

Fl-aħħar jiem smajna bl-inizjattiva li saret biex min irid iħallas u jmur jiekol fuq mejda fl-arja b'veduta tal-port. Inizjattiva li kienu diversi dawk li tkellmu dwarha min għoġbitu u min ma qabilx mal-inizjattiva. Imma ftit metri biss bogħod minn fejn qed issir din l-inizjattiva hemm ġnien b'post mill-aktar strateġiku u li minnu tara l-Port il-Kbir...  Ġnien Herbert Ganado jew aħjar, Ġnien "Ħerba" Ganado.

    Dan il-ġnien jinsab biswit it-triq li tagħti lejn il-Berġa ta' Kastilja. Ġnien li jżuruh u jiffrekwentawh għadd kbir ta' turisti. Ġnien li jinsab f'ħerba sħiħa. Fi kliem Belt li spiss imur hemm, "tistħi tmur ġo fih". Bankijiet imkissrin u maqlubin. Telqa li taraha kull fejn tħares u fuq kollox post li jurik li ilu snin twal ma jara xi inizjattiva għal restawr u rranġar.

    Dawra ma' dan il-ġnien, se tasal għall-konklużjoni li dan żgur mhux xempju ta' kif għandha tkun il-Belt f'Valletta 18.

F'Malta wkoll! Ikla spagetti all'Amatriciana biex jinġabru fondi għall-vittmi tat-terremot

Il-belt ta' Amatrice li ntlaqtet b'mod vjolenti ħafna mit-terremot li seħħ kmieni nhar l-Erbgħa kienet magħrufa għar-riċetta tal-ispaghetti all'Amatriciana. Ma setax jonqos li wara li għadd ta' ristoranti u anke koki Taljani ħadu inizjattiva li jippromwovu dan il-platt u l-ħlas tiegħu imur f'fond għall-vittmi tat-terremot, din l-istess idea tiġi importata f'Malta.

    Fil-fatt fl-aħħar sigħat ir-ristorant Gululu Kċina Maltija ħabbar li kulmin fi tmiem il-ġimgħa jmur jiekol platt spagetti all'Amatriciana, ikun qed jgħin f'fond għall-vittmi tat-terremot. Dan hekk kif 50 fil-mija tal-prezz se jmur f'fond għal dan il-għan.

Thursday, August 25, 2016

Skola li suppost kienet tiflaħ għat-terremoti...saret ħerba

Fost ħafna mill-voluntieri li hemm jaħdmu f'Amatrice u żoni milqutin mit-terremot li seħħ kmieni nhar l-Erbgħa, hemm mistoqsijiet kbar dwar l-iskola fil-lokal.

    Dan għaliex waqt li din l-iskola suppost li inbniet biex tkun tista' tilqa' għat-terremoti,  wara dak li seħħ nhar l-Erbgħa din l-iskola saret borġ ġebel.   Kollox jindika li se jsiru investigazzjonijiet dwarha u l-mod kif inbniet.

Munzelli ta' naqal tal-għeneb...irwejjaħ insapportabbli

Kmieni dalgħodu kull min kien għaddej minn inħawi f'Ta' Buqana bejn ir-Rabat u -Mosta intlaqa' minn irwejjaħ qawwijin ħafna.  Xi wħud lanqas felħu ma jżommux imnifsejhom.

Jirriżulta li xi persuna jew persuni mhux magħrufa tefgħu ammont kbir ta' naqal tal-għeneb f'għalqa li hemm mat-triq u dan bil-fermentazzjoni beda jikkawża din ir-riħa.  

Sewwieq li kien fiż-żona qalilna li "r-riħa tant kienet qawwija li tidħol fi mnifsejk. Jekk tieqaf u tittawwal ftit tara, kważi tistordi bir-riħa li hemm. Nittamaw li l-awtoritajiet jieħdu passi u dan jitneħħa".

Il-ġbir fil-quddies fi tmiem il-ġimgħa se jmur għal dawk li ntlaqtu mit-terremot

L-Arċisqof Charles J Scicluna għadu kif appella lill-pubbliku biex fil-quddies li se jsiru fi tmiem il-ġimgħa jiġifieri is-Sibt u l-Ħadd, ikun ġeneruż. 

Dan għax il-flus li se jinġabru se jmorru biex jgħinu lil dawk milqutin mit-terremot li seħħ fiċ-ċentru tal-Italja.


"F'Amatrice kienet ivvintata l-Amatrician.. għaldaqstant din hija karma"

Waqt li bħalissa numru kbir ta’ nies minn madwar id-dinja kollha qegħdin jesprimu s-sogħba tagħhom għall-vittmi tat-terremot li seħħ fl-Italja, kien hemm min saħansitra qajjem kontroversja dwar dan. 

Daniela Martani, li taħdem bħala air hostess mal-Alitalia, kitbet fuq il-profil tagħha ta’ Facebook li f’Amatrice, post li jinsab fil-provinċja ta’ Rieti li kien affetwat minn terremot b’qawwa ta’ 6.2 fuq l-iskala Richter, kienet ivvintata l-pizza Amatriciana, u li allura din hi karma.

Martani hi magħrufa sew li tmexxi u timbotta ‘l quddiem il-moviment veġetarjan kif ukoll għall-messaġġi kontroversjali li din tikteb fuq l-Internet. 

Sussegwentement, dan l-istatus tneħħa u kien mibdul ma’ ieħor inqas espliċitu li jgħid: “Il-Karma ma taħfirx.”
Minkejja dan, ma jaħfrux ukoll il-kummenti li hija irċeviet, inklużi insulti u protesti li ma jħallux spazju għall-ebda dubju dwar l-interpretazzjoni tagħha.


Omm u żewġt itfal Bormliżi jesperjenzaw it-terremot li ħalla ħerba fl-Italja...

Għall-familja Micallef, il-lejl ta' bejn nhar it-Tlieta u l-Erbgħa se jibqgħu jiftakruh għal għomorhom u jistgħu jgħodduh b'waħda. Dan hekk kif ftit qabel is-sebħ esperjenzaw it-terremot li ħalla ħerba sħiħa fiċ-ċentru ta' l-Italja. Irene, l-omm flimkien ma' żewġ uliedha qamu maħsudin hekk kif is-sodod li kienu reqdin fuqhom bdew jimxu 'b'mod vjolenti'.  Fi kliemhom stess, "ħriġna niġru l-barra mid-dar.  Ma erġajniex dħalna lura. Jien u t-tfal irqadna fuq bennieni tal-irqad fil-ġnien. Hemmhekk esperjenzajna t-theżżiż ta' wara t-terremot, fejn is-siġar bdew jiċċaqalqu sew. Bżajna nidħlu lura ġewwa." 
Il-familja Micallef esperjenzat ħsarat mhux daqstant kbar fl-istruttura tad-dar b'mod partikolari fiċ-ċumnija.  Missier it-tfal bħalissa jinsab imsiefer fuq xogħol.

Din il-familja Maltija għandha din id-dar li tkun tgħix fiha għal vaganzi jew għal xi perjodu oħra matul is-sena u tinsab fuq in-naħa l-oħra tal-muntanja li ddawwar l-ibliet li ġew l-aktar affettwati mit-terremot. I
d-dar tinsab f'Sant Angelo in Pontano.

Mistoqsijin dwar il-ġurnata tal-bieraħ u dwar il-jiem li ġejjin, l-omm tgħidilna li għal iljieli li ġejjin se jagħżlu li jorqdu isfel u mhux fis-sular ta' fuq. Dan kemm minħabba t-theżżiż li jista' jkun hemm kif ukoll wieħed jista' jifhem li jridu jsiru analiżi tal-effett tat-terromot fuq il-binja. 
Matul il-ġurnata tal-bieraħ it-tfal ta' Irene qattgħu l-jum jirranġaw l-ixkafef tal-kotba, hekk kif dawn waqgħu bit-terremot.

Irene tgħid li "t-terremot kien b'saħħtu ħafna.  Ħafna djar spiċċaw waqgħu u hemm ħafna oħra b'konsenturi kbar.  In-nies irrispondew mill-ewwel u ftit sekondi wara li sar kulħadd kien fit-triq.  Aħna irqadna fil-ġnien. Bħalissa it-temp għadu jippermetti. Il-biża' tagħna hi mit-theżżiż li jista' jkun hawn wara."


Familja oħra qaltilna li "ngħixu ftit bogħod imma t-terremot ħassejnieh.  Hawnhekk ħafna nies ħarġu fit-triq. Ma kienx hawn il-bini mwaqqa' li kien hemm f'Amatrice u rħula oħra qrib.  Kien hawn xi bini imma b'konsenturi.  Hi xi ħaġa tal-biża, li tħoss kollox miexi. Il-ħsieb tiegħi f'dan il-mument imur lejn dawk li mietu u lejn dawk li tilfu djarhom". Spjegatilna li qed isiru appelli biex min għandu konnessjoni tal-internet bil-wifi ineħħi l-password biex ikun jista' jintuża minn persuni oħra. Dan qed jitqies bħala kruċjali biex titjieb il-kommunikazzjoni peress li l-postijiet milquta huma f'żoni mwarrbin.


Mistoqsija dwar is-sitwazzjoni qatlilna li "fil-mument ftit li xejn għandi kliem. Il-ħasda għadha hemm. Qed isiru appelli kontinwi għad-demm fejn in-nies qed jintalbu jmorru l-isptar ta' Rieti li jinsab qrib il-postijiet l-aktar li ntlaqtu. Mill-ftit aħbarijiet li smajt, tħoss għafsa ta' qalb għal dik it-tifla li nħarġet mejta. Kellna anke ukoll storja ta' nanna li poġġiet liż-żewġ neputijiet taħt is-sodda. Wieħed kellu erba' snin u ieħor ta' seba' snin. Dawn inħarġu ħajjin.

Matul il-ġurnata tal-bieraħ ġie kkonfermat li ma kien hemm ebda Maltin fost il-vittmi ta' dan it-terremot fl-Italja. 

Intant il-Prim Ministru Malti, Joseph Muscat, f'messaġġ li ħareġ fuq Twitter qal li "solidarjetà mal-Italja. Lesti biex ngħinu." Dan kien il-messaġġ li ħareġ fuq twitter il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat wara t-terremot li heżżeż iċ-ċentru tal-Italja. Fil-messaġġ tiegħu hu qal li kkuntattja lill-Prim Ministru Taljan, Matteo Renzi.  L-aktar postijiet milqutin minn dan it-terremot kienu Amatrice, Accumuli u Arquata del Tronto.

"Esperjenzajt diversi terremoti imma dan kien vjolenti wisq"..."lejl bla rqad"

Hekk kif komplew it-tfittxijiet għall-vittmi u persuni oħra li ntlaqtu mit-terremot li seħħ fiċ-ċentru tal-Italja, fl-aħħar sigħat kienu diversi dawk li kkummentaw dwar l-esperjenzi tagħhom.  Fost dawk li spikkaw kien hemm l-esperjenza ta' tabiba fl-isptar ta' Amatrice, li ddeskriviet dan it-terremot bħala li kien vjolenti wisq.  Matul il-lejl minkejja li kompliet il-ħidma ta' tiftix, għadd ta' persuni iddeċidew li jorqdu barra, waqt li ħafna oħra raqdu fiċ-ċentru sportiv.


Ilaria Maria, li toqgħod ftit bogħod minn Amatrice, meta kuntattjata minn inewsmalta dwar l-esperjenza tagħha qaltilna li jien ngħix ftit kilometri bogħod minn Amatrice. It-terremot ħassejnieh imma fiż-żona tagħna m'għamilx il-ħsarat li għamel f'Amatrice u Pescare del Tronto. Il-ħsieb jibqa' ġo moħħok. Bil-lejl ma stajtx norqod. Il-ħin kollu nippassiġġa minn naħa għal oħra".   Tgħidilna li "kien hawn ħafna raqdu f'karozzi jew barra taħt is-siġar.  Il-biża hi kbira".


Patrizia Santilli, tabiba fl-isptar ta' Amatrice, iddeskriviet dak li seħħ u dak li għaddiet minnu fl-aħħar sigħat. Hi qalet li "esperjenzajt għadd ta' terremoti. Imma dan kien vjolenti wisq. Jien kont xogħol. Kif ħassejt l-ewwel theżżiż qbadt streċer u f'daqqa waħda kollox beda jiċċaqlaq b'mod vjolenti. Xi partijiet mill-isptar ġarrbu ħsarat.  Kien hemm pazjenti li ħarġu u marru fit-toroq jitolbu l-għajnuna. Imma dak il-ħin ma kien hemm ħadd għax it-toroq kienu mimlijin trab u ġebel minn djar li ġġarrfu. Esperjenzajt xeni drammatiċi bħal dik ta' l-omm meta rat lil binha mejjet."
"Ħriġna mill-isptar u bqajna fit-toroq"

Paola Mancini ta' 79 sena kienet rikoverata fl-isptar ta' Amatrice. Hi ddikjarat li "tlaqt mill-isptar.  Fl-isptar kollox beda jiċċaqlaq u jaqa'. Infermiera bdiet tgħajjat biex noħorġu niġru l-barra. Is-sodda tiegħi bdiet timxi minn naħa għall-oħra. Ħriġt fit-triq flimkien ma' 14-il pazjent ieħor anzjan. Kien terribli. Bżajna ħafna. Konna pparalizzati bit-terrur".

“Nittamaw li jkollna kuraġġ nħarsu 'l quddiem”

Il-kappillan f'Amatrice, D'Amelio Savino jikkummenta li "din hi traġedja kbira. Nittamaw li jkollna l-kuraġġ li nħarsu 'l quddiem."











Il-postijiet milqutin mit-terremot fl-Italja...
.....qabel u wara


Wednesday, August 24, 2016

Skart u ħmieġ fit-terminal l-antik tal-ajruport

Wara l-aħħar kampanji ta' tindif li kien hemm, b'mod partikolari dik madwar il-Forti Sant'Anġlu, ħaddiema li jaħdmu fit-terminal l-antik tal-ajruport u anke residenti li joqogħdu fl-inħawi, ilmentaw minn dik li huma ddeskrivew bħala "miżbla" fl-ajruport l-antik ta' Ħal Luqa. Huma ma lmentawx mill-ħmieġ u kull tip ta' skart li hemm mormi biss imma anki mit-telqa inġenerali.

inewsmalta.com mar fuq il-post u stajna naraw li kien hemm munzelli ta' skart imxerrdin madwar iż-żona. Qalb is-siġar u l-veġetazzjoni li hemm tara ammont kbir ta' karti, kartun u fliexken mormijin.  

Ħaddiema li jaħdmu fiż-żona qalulna li "ġbidna l-attenzjoni tal-awtoritajiet ikkonċernati, imma s'issa ma sar l-ebda tindif. Naħsbu li dan il-post ma jistax jitħalla hekk. Hawn ħafna ħaddiem jaħdmu hawn u li qed jispiċċaw jipparkjaw f'din iż-żona kollha skart. Hawnhekk hawn ħaddiema tad-Dwana u minn hawn joħroġ l-ikel ta' sptar u tad-djar tal-anzjani. Nittamaw li l-post jitnaddaf," qalilna l-istess ħaddiem.