Meta tpoġġa l-konkrit fl-isptar jien kont student universitarju - Busuttil
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil b'mod
indirett wassal il-messaġġ li hu ma kellux x'jaqsam mal-Gvern
Nazzjonalista meta sar l-isptar u qal li, "Jien kont student
universitarju meta kien qed isir il-konkos."
Busuttil, f'intervent wara stqarrija ministerjali minn Konrad Mizzi dwar it-tlestija tal-inkjesta dwar konkors inferjuri fl-Isptar Mater Dei, qal li, "Jekk m'hemmx l-ogħla livelli f'dan l-isptar għandha
tintrefa' r-responsabbiltà minn min hu responsabbli. Skont il-Ministru, u
aħna rridu naqraw fid-dettall ir-rapport, jidher li fil-proġett
tal-bini tal-Isptar Mater Dei kien hemm konkrit inferjuri u li kien hemm
ittestjar tal-konkrit li kien frawdolenti. Nistennew li min kien
responsabbli għal dan iħallas u jittieħdu passi għal dan. Min hu
responsabbli għandu jerfa' r-responsabbilità", qal Busuttil waqt li
spjega li waħda mill-kumpaniji li pprovdiet il-konkos bniet iċ-Ċentru
Nazzjonali Laburista u tissemma wkoll kumpanija ta' ħu John Dalli.
Busuttil enfasizza li "għandu jħallas min għamel ix-xogħol ħażin" u
staqsa x'passi se jieħu l-gvern biex jiġbor l-ispiża tax-xogħol ħażin.
F'ruling li ta wara talba mill-Kap
tal-Oppożizzjoni, l-Ispeaker Dr Anġlu Farrugia qal li wara li ra
l-istqarrija u d-dokumenti, ma jistax jordna lill-Ministru biex ipoġġi
d-dokument mitlub mill-Kap tal-Oppożizzjoni.
L-istqarrija ministerjali tal-Ministru Konrad Mizzi fil-Parlament tgħid li:
Kollox beda meta l-Gvern kien qed jipproċedi biex jespandi fuq il-bini
eżistenti tal-emerġenza permezz ta’ fondi Ewropej. Bħala parti
mill-kundizzjonijiet fit-tender, kien hemm stipulat li jsiru testijiet
li jistabilixxu li l-istruttura hija b’saħħitha biżżejjed. Dawn
it-testijiet saru minn MAJV. Minnhom irriżulta li s-saħħa tal-istruttura
mhux kif speċifikata li tkun f’binja publika, aħseb u ara f’binja ta’
sptar u li konkrit li ntuża huwa dgħajjef. Minn aktar testijiet li saru
f’laboratorji differenti, ġejna infurmati li r-riżultati kienu simili.
Kif konna ħabbarna, kien għalhekk li morna għand il-kumpanija ARUP;
kumpanija internazzjonali li tispecjalizza fl-inginerija ċivili.
Ir-riżultati fuq il-konkrit tal-emerġenza tant kienu xokkanti li l-gvern
ordna li jsiru ukoll testijiet fuq l-isptar kollu.
Huwa tal-mistħija li fl-2015 qegħdin hawnhekk, fl-ogħla istituzzjoni
ta’ dan il-pajjiż, niddiskutu l-uniku sptar fil-pajjiż, li dam jinbena
17-il sena, sewa iktar minn 600 miljun ewro u għandu l-iktar ħaġa bażika
difettuża - il-binja.
Il-kuntratt oriġinali tal-Isptar Mater Dei kien jispeċifika dan li
s-saħħa tal-konkrit kellu jkun ta’ 30MPa, li kellu jipprovdi ghal
espansjoni vertikali, u li fid-disinn kien speċifikat li l-bini kellu
jieħu inkonsiderazzjoni il-possibiltajiet ta’ ċaqliq siżmiku skont
iż-żona tal-gżejjer Malti. Ir-rapport li kien ppreżentat lill-Gvern
mill-Arup, fl-aħħar jiem jispeċifika li s-saħħa tal-konkrit fl-emerġenza
mhux 30MPa, imma 18 MPa, kważi in-nofs ta’ dak stipulat, u li bini
mhux mibni skont kriterji li jifilħu għal ċaqlieq siżmiku. Konsegwenza
ta’ dan, ma jistax isir aktar bini fuqu. Ċara - dak li kien speċifikat
fil-kuntratt oriġinali ma kienx onorat. L-ARUP qalu wkoll din
id-djugħfija tal-konkrit ġejja minn tlett fatturi - li l-konkrit
jinkludi żrar tal-franka minflok tal-qawwi, kellu livell ta’ ilma għoli
meta mqabbel mas-siment, u kellu livell għoli ta’ carbonation, jiġifieri
l-arja u l-kimiċi li nsibu fl-arja bħal CO2 beda jasal sal-ħadid. Qalu
wkoll li f’uħud mill-kolonni l-carbonation wasslet sa 40 millimetru
meta f’konkrit tal-istess żmien dan ikun madwar 20 millimetru fond. Kif
ukoll li numru ta’ travi u kolonni qed jaħdmu b’safety factor imnaqqas u
għalhekk irid isir xogħol ta’ rimedju.
Ir-rapport tal-ARUP, jgħid ukoll li id-djugħfija tal-konkrit mhux
riżultat taż-żmien li ilu mibni l-isptar. L-ARUP ħarsu lejn l-isptar
kollu u fil-Block D kollu, jiġifieri fejn hemm is-swali, hemm konkrit
ta’ 23MPa u mhux 30MPa, u anke dan il-bini mhux mibni skont kriterji
siżmiċi. Anke hawn iridu jsiru xogħlijiet biex l-istabbiltà tal-binja
tissaħħaħ. Il-kumplament tal-bini, għalkemm hemm żewġ blokki li mhux ta’
30MPa, iżda wieħed hu ta’ 27MPa, u l-iehor ta’ 29MPa, dawn jeħtieġu
wkoll xogħlijiet u xogħlijiet biex jintlaħqu l-kriterji siżmiċi. Dan
kollu jfisser li rridu nagħmlu xogħol ta’ rimedju mal-isptar kollu,
xogħol li se jiswa lil pajjiż mill-inqas 35 miljun ewro. 35 Miljun li
jridu jiżdiedu mas-somma eżorbitanti ta’ 600 miljun Ewro li diġa tħallsu
tul is-snin kollha li fih dam jinbena dan l-isptar. Ma dan iridu jsiru
aktar testijiet mill-ARUP u aktarx li l-figura tkompli tikber.
Proċess ta’ Kostruzzjoni
It-testijiet oriġinali juru li minħabba li kien hemm numru ta’
suppliers li kienu qed jipprovdu l-materjal u li mhux il-konkrit kollu
kien qed jiġi ttestjat, ma jistax jingħad b’ċertezza assoluta min kien
qed jipprovdi l-konkrit. Ir-rapport juri li kien hemm diversi kumpaniji
li ssuplixxew il-konkrit lill-isptar Mater D ei. Mixer LTD, Blockrete
Ltd, Devlands Ltd u Magħtab Construction. Joħroġ biċ-ċar li
ix-xogħlijiet ta’ estensjoni li saru taħt Gvern Laburista ta' bejn
l-1996 u l-1998, li bih tkabbar l-isptar Mater Dei, ma ħallew l-ebda
impatt fuq Block D1.1 u D1.3. Ix-xogħlijiet li saru wara minn
mill-Gvernijiet Nazzjonalisti taħt il-kuntratt ta’ Design and Build Cost
plus żiedu u estendew l-istruttura. Fosthom D1.3 ( li hija l-emerġenza)
li ġiet estiża vertikalment u D 1,1 li ġiet estiza vertikalment u
orizzontalment. L-inkjesta tikkwota r-rapport tal-ARUP li juri li kien
hemm difett fid-disinn minħabba li ma jilħaqx il-kriterji siżmiċi. Tgħid
li fl-aħħar mill-aħħar hija r-responsabblità tad-disinjaturi finali li
huma Skanska Joint Venture, li kellha tassigura li li l-binja tilħaq
il-kriterji stabbiliti.
Il-Bord tal-inkjesta hawnhekk jiddikjara li hemm biżżejjed provi li
juru li t-testijiet pprovduti mill-kuntrattur kienu jammontaw għal
frodi. Mill-inkjesta joħroġ li t-testijiet li suppost saru fuq il-lant
tax-xogħol, ma sarux fuq is-sit ta’ kostruzzjoni iżda l-kampjuni
ittieħdu fil-faċilita’ tal-Works Division f’Kordin. L-inkjesta tgħid li
joħroġ ċar li l-konkrit difettuż li nstab fis-sit ma setax kien riżultat
ta’ xi żball ġenwin imma sforz li minnu setgħu jibbenefikaw xi persuni.
Ċertu testijiet saru minn Blockrete LTD b’uħud kellhom saħansitra
it-timbru ta’ din il-kumpanija. Ċertu testijiet ma kellhomx tali timbru u
għalhekk l-inkjesta ma setgħetx tiddikjara b’ċertezza li Blockrete u
l-uffiċjali tagħha kienu nvoluti jew li kienu qed iwettqu dan il-frodi
għalkemm tgħid li kienu huma li flimkien mal-membri tal-konsorzju l-oħra
li kellhom x’jiggwadanjaw. Madankollu, attivita’ ta’ dan it-tip,
fl-opinjoni tal-inkjesta, tista' tiġi dikjarata bħala waħda kriminali.
Dawn il-prattiċi kellhom jitwettqu fuq skala kbira u għalhekk, kollox
juri li dan ma kienx xi żball ġenwin iżda sforz intenzjonat minn Skanska
JV bil-għan li jdaħħlu l-flus għad-detriment tal-klient.
Il-Bord għalhekk huwa tal-parir li l-awtoritajiet li jinkludu
lill-Kummissarju tal-Pulizija, L-Avukat Generali kif ukoll l-Awditur
Generali, jinvestigaw aktar f’dan ir-rigward. L-inkjesta titfa' dubju
qawwi fuq l-integrita tat-testijiet li saru dak iż-żmien. Dan l-aktar
minħabba l-kuntrast qawwi li r-riżultati ta’ dak iż-żmien juru meta
mqabblin ma’ dawk tal-llum. Il-Bord jgħid li ma jistax jitfa'
responsabbilita’ fuq it-teknici tad-diviżjoni tax-xogħlijiet li ħarġu
ċ-ċertifikati. Kif joħroġ ċar mit-testijiet stess u mix-xhieda li
ngħatat fl-inkjesta, il-kampjuni li ttestjat din id-diviżjoni ma’ kinux
miġbura mill-impjegati tal-istess diviżjoni iżda mill-impjegati
tal-kuntrattur stess.
Għalhekk, il-bord ma jistax jiddetermina jekk ir-riżultati jew
il-metodi ta’ ttestjar kienux difettużi jew inkella jekk il-kuntrattur
kienx qiegħed jagħmel miżinterpretazzjoni tas-sors tal-kampjun jew minn
fejn ittieħed il-kampjun u fejn tqiegħed.
Ir-rapporti teknici tal-llum juru li r-riżultati tat-testijiet ma
jistgħux ikunu meqjusin bħala “a true and fair assessment” tal-kwalita’
tal-konkrit li tqiegħdet fil-post.
Mill-inkjesta joħroġ kif minn kif ġie spjegat minn diversi xhieda,
il-kampjuni ttieħdu mill-konkrit li ġie mwassal fuq is-sit. Il-konkrit
seta’ sar inferjuri wara li ttieħdu l-kampjuni fost oħrajn billi seta’
ġie miżjud bl-ilma hu u jitqiegħed.
Project Managment
Dwar il-Project Managment office, l-inkjesta tgħid li għalkemm dan
l-ufficju ma kellux staff bizzejjed għar-rwol importanti li kellu u li
ma kienx ippreparat għal proġett bħal dan, dan xorta ma jnaqqasx
mir-responsabbilita’.
L-inkjesta tirrimarka kif il-persuni li ġew intervistati kienu aktar
interessati li juru li ma kienux involuti milli jagħtu verżjoni cara ta’
kif seħħew il-fatti.
Huwa hawnhekk li l-inkjesta turi tħassib kif minkejja l-għadd ta’
opportunitajiet li dan l-uffiċju kellu biex juri l-fallimenti ta’ dan
il-proġett u li qatt ma ħarġu fil-beraħ.
L-inkjesta tgħid li Ortesa Spa kienet f’pożizzjoni li tipprovdi
l-esperjenza neċessarja u li tara li x-xogħol qed isir b’mod korrett
iżda m’għamlitx dan. In-nuqqasijiet ta’ Ortesa joħorġu b’mod ċar sa
mill-1993 madankollu ma ġie rreġistrat l-ebda progress tul is-snin. Din
tqajjem iktar dubbji dwar ir-relazzjoni diretta li l-Gvern kellu dak
iż-żmien ma’ Ortesa, Monte Tabor u Don Verze.
Ortesa kienet ingħatat kuntratt tas-superviżjoni tal-kostruzzjoni
fl-1994 u huwa għalhekk li l-inkjesta tikkonkludi li Ortesa ġġor
il-ħtija flimkien mal-Project Managment office talli naqsu milli
jipproteġu l-interessi tal-klient.
Il-Bord jirrimarka li kienu saru insinwazzjonijiet fl-1996
mill-inginier Carlo Mereghetti lil Don Verze fejn ittra li bagħtlu
tissuġġerixxi li d-deċizjonijiet ma’ kienux qed jittieħdu abbażi ta’
teknikalitajiet iżda li kien hemm influwenzi politiċi li kkaratterizzaw
dan il-proċess.
L-inkjesta tirrimarka kif l-FMS u l-Gvern baqgħu ma ntervjenewx dwar
il-problemi kien hemm f’dan il-proġett kemm dwar id-dewmien
fis-sottomissjonijiet tad-disinji kif ukoll fil-progress u l-kwalita’
tax-xogħlijiet.
Hawnhekk l-inkjesta tagħmel referenza kemm għal xhieda kif ukoll għal
diversi rapporti inkluż ta’ Bovis Europe u Ortesa li saru f’Lulju
tal-1996 u li kienu qed jitfgħu dawl fuq il-kwalità tax-xogħol li kien
qed isir fis-sit. Tirreferi wkoll għal rapport tal-perit Vince Cassar li
sar ftit xhur wara. Tgħid li minkejja dan kollu, il-Gvern baqa passiv u
ma’ ħax il-miżuri meħtieġa.
L-inkjesta tirrimarka kif f’dak iż-żmien fl-FMSS kellha lil Ministru
responsabbli mill-Proġett Louis Galea bħala President u l-onorevoli John
Rizzo Naudi u l-Onorevoli Antoine Mifsud Bonnici bħala viċi president u
segretarju; tlett membri tal-Gvern. Huwa għalhekk li l-inkjesta tgħid
li ikun 'naive' li wieħed jgħid li l-Gvern ma kienx jaf dwar l-istat
ħażin li dan il-proġett kien jinsab fih inkluż Dr Louis Galea li
għall-ewwel ċaħad li kellu din l-informazzjoni.
Il-Bord jgħid li huwa mħasseb serjament b’ċertu dikjarazzjonijiet li
saru minn ċertu xhieda li allegaw li kien hemm interventi politici
b’rabta mal-għażla ta’ min jissupplixxi l-konkrit.
Kuntratti li daħlu fis-seħħ – MOU
L-inkjesta ssemmi wkoll Memorandum of Understanding li ġie ffirmat ma’
Skanska f’Diċembru tal-1998 u tgħid li għandha tħassib dwar il-mod ta’
kif dan sar u ġie dokumentat.
Dan l-MOU instab f’Safe fl-FMS separat minn mad-dokumenti l-oħra u ma
kien hemm l-ebda referenza għalih fil-minuti tal-bord tal-FMS meta ġie
ffirmat.
Dan l-MOU wassal għal ftehim tad-design and build cost plus li kien
iffirmat fis-sena 2000 u ġie deskritt minn wieħed mix-xhieda bħala open
cheque. Dakinhar tal-iffirmar tal-MOU tħallsu 2 miljun lira Maltin
lill-kuntrattur Skanska li minn dakinhar ħa f’idejh l-aspetti kollha ta
disinn u bini tal-isptar Mater Dei f’idejh. Minuti li l-bord analizza
jindikaw li s-somma ta’ żewġ miljun lira Maltin kienet “gest ta’ rieda
tajba.”
L-inkjesta tirrimarka kif l-element ta’ Cost Plus kien deskritt mix-xhieda bħala xi ħaġa li tammonta għal- korruzzjoni.
Wara l-bidla fil-Gvern fl-1996, Alfred Sant, kien issospenda
x-xogħlijiet, u keċċa lil Don Verze u l-kumpaniji tiegħu. Il-Gvern
Laburista ta’ dak iż-żmien kien iddeċieda li jkabbar l-isptar u jsir
wieħed ġenerali flok St. Luke’s bejn tmien mija u elf sodda. Kien
inħareġ tender li kien intrebaħ minn Norman and Dawbarn għad-disinn
tal-proġett. Il-Bord intervista wkoll lil Ministru Michael Farrugia li
kien Ministru tas-Saħħa meta ttieħdet id-deċiżjoni li l-isptar jikber.
Kien imbagħad ftit xhur wara meta wara l-bidla fil-gvern fl-1998, Gvern
Nazzjonalista li ġie iffirmat l-MOU u fis-sena 2000 kien iffirmat
kuntratt ma’ Skanska.
Project Closure Agreement
L-inkjesta turi tħassib dwar il-waiver li ngħata f’dokument ieħor
magħruf bħala Project Closure Agreement iffirmata fl-2009 li jinkludi
fih dan il-waiver oltre l-klawsoli tal-eliminazzjoni tal-claims.
L-inkjesta tagħmel referenza għall-provi mressqa mill-Perit Paul
Camilleri li ta’ x’jifhem li kien hemm “bad faith” fin-negozjati u
possibilment intenzjoni ta’ frodi minn naħa tal-kuntrattur madankollu
tirrimarka li xorta iffirma dan il-ftehim.
Tirrimarka li ma tistax tifhem kif din il-klawsola giet aċċettata mingħajr ebda riżervi.
L-inkjesta tagħti timeline ta’ kif żvolgew il-fatti li wasslu għal dan
il-Project Closure Agreement u tgħid li fit-2 u fit-3 ta’ Diċembru
tal-2008 iltaqa d-decision group bil-għan li jsolvi l-claims li kien
hemm bejn iż-żewġ partijiet. Dawn in-negozjati fallew. Fis-16 u s-17 ta’
Diċembru tal-2008 Paul Camilleri u r-rappreżentant ta’ Skanska Lars
Eric Alm jiltaqghu bħala senior Executives biex jintlaħaq qbil. Fl-20
ta’ Diċembru, Paul Camilleri jinforma lil Ministru John Dalli li
d-diskussjonijiet fallew u li wieħed ma setax jevita arbitraġġ.
Madankollu, fis-26 ta’ Diċembru 2008, Paul Camilleri u Lars erik Alm
jilhqu ftehim dwar terms of settlement agreement li kien jinkludi waiver
intiża li telimina t-talbiet li ż-żewġ partijiet kellhom kontra xulxin.
Il-bord iltaqa’ fil-15 ta’ Jannar 2009 u approva dan il-ftehim. Fil-21
ta’ Jannar, 2009 Skanska tibgħat l-ewwel verżjoni tagħha ibbażata fuq
dan il-ftehim. Din il-verżjoni kienet għall-ewwel darba tinkludi
l-waiver iktar speċifiku u minkejja li kien irrimarkat li sar tibdil
fil-waiver, ħadd ma kkummenta dwar dan.
F’dak l-istess jum, Paul Camilleri jibgħat it-terms of settlement
agreement lil avukati bin-noti ta’ Skanska u wara ftit jerġa' jibgħat
verżjoni ġdida tat-terms of settlement agreement b’bidla fundamentali
fejn il-flus li kien baqa' jingħataw bdew jissejjħu variation order u
mhux settlement of claims. Il-Bord ma tlaqqax biex japprova dawn
it-termini l-ġodda.
B’xi mod, is-settlement agreement inbidel fi Project Closure agreement u
inkluda l-variation orders, reciprocal waiver of claims (
l-eliminazzjoni tal-claims pendenti miż-żewġ naħat) u l- Waiver l-iehor.
Il-Project Closure Agreement kif nafuh illum, ġie ffirmat fid-19 ta’
Frar 2009. Fil-5 t’April 2009, Paul Camilleri jibgħat email lil Ministru
fejn jinfurmah li ġie ffirmat il-ftehim u jibgħatlu kopja tiegħu.
L-inkjesta tirrimarka li mhux ċar għalfejn il-Ministru ma kienx inżamm
kontinwament aġġornat dwar il-progress tan-negozjati u għalfejn ma
ntalbitx awtorizzazzjoni qabel l-għeluq tal-ftehim. L-anqas huwa ċar kif
it-termini tas-settlement agreement approvati mill-bord inbidlu
mingħajr ma' l-bord kien infurmat u għalfejn dan l-agreement inbidel fi
Project Closure Agreement li jindika li ser isiru xi xogħolijiet ġodda.
Il-bord jgħid li m’huwiex konvint li s-CEO ta’ dak iż-żmien, Brian St
John ma kellux rikonoxximent ta’ dak li gie diskuss dwar klawsola
importanti bħal dik.
L-inkjesta tgħid li l-avvenimenti tal-2011 huma ta’ tħassib. Hawnhekk
l-inkjesta tirreferi għall-problemi u difetti fl-istruttura li nstabu
fir-reservoirs faccata ta’ block D 1.1 u 1.3 fejn f’Lulju 2011 kien
ħareġ ċar li l-konkrit kien inferjuri u mhux skont
l-ispeċifikazzjonijiet. L-inkjesta tikkonkludi li mod kif l-FMS ma
qajjmet l-ebda issue dwar l-integrità tal-istruttura tal-bqija tal-bini
m’huwiex spjegabbli jew li b’xi mod jista' jiġi skużat.
Tirreferi għal meta Skanska JV ġiet affrontata dwar il-fatti u
rreferiet lill-FMS għall-klawsola numru 9 tal-Project Closure Agreement
bl-FMS ma tirribattix din il-klawsola.
Responsabbiltà ċivili
Il-Bord jgħid li dan xorta ma jnaqqasx mir-responsabbilita’ ta’ Skanska
li kellha fdata f’idejha l-aspetti kollha relatati mal-kostruzzjoni
tal-isptar
Dan l-aktar meta l-kuntrattur kien assuma r-responsabbilita’
tal-kwalità tax-xogħolijiet u tal-materjal provdut fil-kuntratt tal-bini
tal-1995 kif ukoll fid-design and Build Contract ta’ Frar 2000.
L-inkjesta tispeċifika aktar dwar il-waiver li ngħata u tidħol
fid-dettal dwar kif minn Settlement Contract dan sar Project Closure
Agreement fejn iddaħħlu wkoll klawsoli li jaqtgħu il-claims ta’ xulxin
magħrufa bħala reciprocal Waiver of rights minbarra l-waiver fi klawsola
9.
Il-klawsoli kif finalizzati, li jeliminaw il-claims ta’ xulxin, qatt ma kienu jiffurmaw parti mis-settlement agreement.
Dwar ir-responsabbilita’ tal-Project Managment, l-inkjesta tikkonkludi
li għalkemm ir-responsabbilita’ xorta taqa fuq il-kuntrattur, dan ma
jeżentax lill-project managment mir-responsabbilitajiet tiegħu lejn
il-klient; f’dan il-kaz l-FMMS. Madankollu tirrimarka wkoll li waqt li
kien hemm preskrizzjoni.
Huwa biss jekk jirriżultaw mill-pulizija atti ta’ frodi li t-tfixxija għad-danni tkun possibbli.
Responsabbiltà kriminali
L-inkjesta tasal għall-konkluzjoni li l-konkrit dgħajjef li nstab fis-sit huwa rizultat ta’ atti ta’ frodi intenzjonali.
Kif ukoll turi tħassib dwar ċertu dikjarazzjonijiet li saru taħt
ġurament dwar interferenzi politici b’rabta ma min jissuplixxi
l-konkrit, u allegat korruzzjoni u atti ta’ frodi b’rabta mal-Project
Closure Agreement.
X’ser jagħmel il-Gvern
Il-Gvern ser ikun qed jagħmel minn kollox biex jittieħdu passi b’rabta
ma’ dan kollu. Malli ġie ppreżentat ir-rapport tal-ARUP, sar mill-ewwel
kuntatt mal-konsorzju Skanska. L-ebda dokumentazzjoni m’hi ser twaqqaf
lil Gvern milli jkun effettiv u jagħmel dak kollu possibli f’dan il-każ.
Il-Gvern ser ikun qed jimxi mar-rakkomandazzjonijiet li qed tagħmel din
l-inkjesta. Il-Gvern ser ikun qed jgħaddi dan ir-rapport lill-Avukat
Ġenerali, l-Awditur Ġenerali kif ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija
bil-għan li minn issa l’quddiem jiġi determinat x’passi ulterjuri
jistgħu jittieħdu. Ix-xogħlijiet li hemm bżonn isiru se jsiru kif
suġġerit minn ARUP.
20:30: Wara li llejla nqrat stqarrija ministerjali
mill-Ministru Konrad Mizzi dwar ir-rapport tal-inkjesta, il-Kap
tal-Oppożizzjoni Simon Busutil talab li r-rapport tal-inkjesta u
r-rapport tal-ARUP jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra. Wara li tpoġġew, Dr
Busuttil staqsa jekk ir-rapport tal-ARUP hux sħiħ, bil-Ministru Mizzi
jwieġeb li r-rapport tal-ARUP jinkludi l-parti tal-emerġenza ghax fuq
il-partijiet l-oħra ghadhom għaddejjin it-testijiet.
Simon Busuttil insista li jitpoġġa ir-rapport kollu u talab ruling.
Huwa qal li l-Ministru MIzzi għamel enfasi fuq ir-rapport tal-ARUP u
għaldaqstant l-Oppożizzjoni qed titlob li l-Ministru jsegwi l-prassi u
r-rulings u jpoġġi r-rapporti sħiħ tal-ARUP.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat f'intervent qal li l-Kap
tal-Oppożizzjoni flok jistaqsi, qed ifittex il-legaliżmi biex ma
jistaqsix. L-inkjesta sejra għand l-Avukat Ġenerali u l-Awditur. "Nagħti
l-kelma li kemm-il darba l-partijiet l-oħra tar-rapport ikunu konklużi,
jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra," qal il-Prim Ministru.