Monday, November 30, 2015


Omm f'battalja biex tieħu lil binha minn Malta lejn l-Iskozja

Janice Dunn bħalissa tinsab għaddejja b'battalja bl-għan li tieħu lil binha li jinsab f'Malta lejn l-Iskozja. Hi iżda fl-aħħar ftit jiem kienet iffaċċjata b'żewġ sentenzi mill-Qrati li permezz tagħhom kellha ġġib lil binha lejn Malta u issa f'deċiżjoni oħra tal-Qorti Maltija ġie deċiż li sakemm tkun deċiża l-kustodja dan għandu jibqa'  jinżamm f'Malta.
Il-ġurnal Skoċċiż Daily Record xandar ritratt ta' Janice flimkien mat-tifel tagħha Frazer waqt li kienu f'lukanda f'Malta.
Ir-rapport jgħid li Janice li għandha 42 sena rritornat lejn Malta tliet xhur ilu u dan wara li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja qalet li hi ħatfet lit-tifel minn Malta. Hi ħadet it-tifel minn Malta u marret bih f'Barrhead fejn tgħix, post li jinsab qrib Glasgow.
Ftit jiem ilu, il-Qorti Maltija ddeċidiet li Frazer għandu jibqa' f'Malta sakemm ikun deċiż il-każ tal-kustodja tat-tifel.  It-tifel għandu missieru Malti.
Janice qajmet il-każ mal-awtoritajiet Skoċċiżi iżda dawn infurmawha li ftit li xejn jistgħu jgħinuha.
Meta tkellmet mad-Daily Record hi qalet li, "Din hi daqqa doppja, l-aktar issa li ġej l-Milied. Qed inħoss li ħadd mhu jara l-interessi ta' Frazer. Hu jrid  ikun ma' familtu u ma' ħbiebu fl-Iskozja."
Janice Dunn kienet ilha tgħix f'Malta għal 15-il sena. Hi talbet lill-Qrati Maltin biex tieħu lit-tifel fl-Iskozja għall-Milied.
Minn L-ORIZZONT

Effett tal-bidla fil-klima fil-Kiribati

'Il-bidla fil-klima hi theddida'... Stennija għal dak li se jiġri fis-summit ta' Pariġi

Il-Kapijiet tal-Istati tal-Commonwealth waqt is-summit li sar f'pajjiżna qablu li, "Il-bidla fil-klima hi ta' theddida, liema theddida qed tkompli tikber u tpoġġi f'riskju is-saħħa ekonomika, soċjali, ambjentali u kulturali taċ-ċittadini." Din id-dikjarazzjoni nħarġet ftit sigħat biss qabel is-summit li se jsir f'Pariġi. Dan is-summit hu tan-Nazzjonijiet Uniti u qed jitqies bħala li d-deċiżjonijiet li se jittieħdu fih se jkollhom impatt fuq il-ħajjiet tan-nies li qed jgħixu llum u ta' dawk li se jkun hawn fil-futur. Dan is-summit se jkun qed isir fi żmien meta għadd ta' xjentisti qed iwissu li jekk il-gassijiet serra se jkomplu jiżdiedu, il-bidla fil-klima se tkun katastrofika u rriversibbli.
Intant, waqt li diversi pajjiżi fosthom il-Kanada qiesu ċ-CHOGM f'Malta bħala 'kamp ta' taħriġ' għas-summit ta' Pairiġi, l-Istati tal-Commonwealth ħarġu dikjarazzjoni li permezz tagħha esprimew it-tħassib dwar il-bidla fil-klima.
Id-dikjarazzjoni tgħid li, "Ħafna mill-Istati u kommunitajiet vulnerabbli,  diġa qed jiffaċċjaw l-impatti negattivi tal-bidla fil-klima.  Dawn iwasslu biex jitfgħu lura żviluppi li jkun sar.  Għal xi wħud din hi theddida eżistenti.  Hemm pajjiżi li diġa qed isofru minn ħsara u telf assoċjata mal-effetti tal-bidla fil-klima.  Il-konsegwenzi tal-bidla fil-klima jistgħu jkunu katastrofiċi u jeħtieġ li jkun hemm rispons adekwat u urġenti."
Id-dikjarazzjoni finali tirrikonoxxi l-fatt li kien fis-sena 1988 li b'inizjattiva ta' Malta, l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda rrikonoxxiet li "il-bidla fil-klima hi ta' tħassib komuni għall-umanità". Id-dikjarazzjoni enfasizzat li, "Nirrikonoxxu li aħna b'mod differenti u bi proporzjonijiet varji, ikkontribwejna għall-bidla fil-klima. Fl-istess ħin, jidher biċ-ċar li pajjizi għar u inqas żviluppati,  qed ibatu minn piż sproporzjonat minħabba l-effetti tal-bidla fil-klima. Qegħdin issa nimmobilizzaw sforzi nazzjonali u globali biex inżommu t-temperatura medja  globali inqas minn 2 gradi Celsius fuq il-livelli pre industrijali."
Id-dikjarazzjoni qalet ukoll li, "Nirrikonoxxu l-assessment xjentifiċi mill-Panel Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima." L-istess dikjarazzjoni tippromovi li jkun hemm bidla fl-użu ta' l-enerġija fejn issa qed tippromwovi enerġija rinnovabbli, nadifa u baxxa f'dawk li huma emissjonijiet. Tippromovi wkoll appoġġ għal stati vulnerabbli.
Intant il-mexxejja tal-Commonwealth laħqu ftehim biex jiffurmaw hub għat-tibdil fil-klima biex jiffaċilità l-aċċess għall-fondi minn stati żgħar. Il-Kanada wiegħdet li fil-ħames snin li ġejjin se tkun qiegħda tikkontribwixxi f’$2.5 biljun biex tgħin pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jikkumbattu t-tibdil fil-klima.
Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki-Moon u għamel referenza għal COP 21, summit li se jitlaqqa’ fi Franza  dwar it-tibdil fil-klima. Għalkemm ma tax indikazzjonijiet ta’ x’jista’ jkun l-eżodu minn dan is-summit, huwa esprima ottimiżmu li kulħadd għandu l-għan li jiġbed ħabel wieħed.
Minn L-ORIZZONT



'Għedt lill-Prinċep jiġi d-dar... u laqa' l-istedina'

"Jien lill-familja rjali ilni ħafna nafhom. Konna nħitulhom il-ħwejjeġ u kienu jiġu jixtru mingħandna. Jien meta qaluli li kien ġej l-Imdina, peress li jien kunsilliera talbuni nimxi magħhom bħall-bqija tal-kunsilliera. Imma jien għandi 91 sena u saqajja ma jtunix għal mixi twil. Stennejt ħdejn il-Katidral u hemmhekk ilqajt lill-Prinċep Karlu u d-Dukessa ta' Cornwall. Kif rani, ġie fuqi mill-ewwel u jien għedtlu, 'Ara issa trid tiġi naqra sad-dar.' Ftit ħin wara ġie għandi." Dan sostnietu Jane Attard, li llum għandha 91 sena, f'kummenti li tatna dwar il-fatt li l-Prinċep Karlu daħal fil-ħanut tagħha (li qiegħed mad-dar) u minn hemm wieħed seta' jinnota li l-koppja rjali ma ħarġux idejhom vojta.
Staqsejna lil Jane Attard dwar dan u hi qaltilna li, "Jien ilni ħafna b'kuntatt mal-koppja rjali. Fis-snin sittin tgħidx kemm konna nbigħu lill-Principessa Anna. Il-Princep Karlu Wkoll kien xtara minn hawn meta kien ġie fl-1968. Dak li ħarġu bih minn hawn kien riġal tiegħi lilhom," enfasizzat Jane Attard.
Il-Prinċep Karlu kien xtara ċintorin u basket mill-ħanut ta' Jane xejn inqas minn 47 sena il. Din id-darba, kif daħal fil-ħanut tagħha, Jane irrimarkatlu li llum għandha 91 sena. Min-naħa tiegħu, l-Prinċep Karlu qalilha, "Jien għandi kważi sebgħin."
Hawnhekk spikka l-mument meta d-Dukessa ta' Cornwall, Camilla, bdiet iddur il-ħanut u għajnejha waqgħu fuq dvalji magħmulin bl-idejn. Hija daret lejn persuna li kien hemm ħdejha u qaltlu, "Kemm huma sbieħ!"
Kien hawn li l-familja Attard tat id-dvalji magħmulin bl-idejn lill-koppja rjali bħala rigal.
Jane Attard irrimarkatilna li, "Aħna konna nbigħu wkoll lil Sir David Checketts, li kien uffiċjal ta' unur tal-Prinċep. Għandi anki ittra mingħandu li fiha jgħidilna fuq il-kwalità għolja tal-oġġetti li nbigħu."
Il-Prinċep, li llum għandu 67 sena, u d-Dukessa ta' Cornwall għandha 68 sena, oriġinarjament 49 sena ilu ma xtarax mill-ħanut li daħal fih is-Sibt, iżda minn ħanut li kien f'post iehor fl-Imdina. "Jien kont l-ewwel waħda li ħloqt dawn it-tip ta' ħwienet fl-Imdina," qaltilna Jane Attard, waqt li rrimarkat li l-Prinċep Karlu u d-Dukessa ta' Cornwall ħadu gost ħafna għandha.
Minn L-ORIZZONT
 

Saturday, November 28, 2015

'Ma nistgħux inġagħluhom imma nippruvaw nipperswaduhom fuq drittijiet għall-gays'….


"Aħna kollha aħwa…..99.9 fil-mija
tad-DNA tagħna hu l-istess"
       - is-Segretarju Ġenerali ġdid tal-Commonwealth


Fid-dawl ta' protesti li saru fl-aħħar sigħat mal-kwartieri tal-Commonwealth f'Londra dwar il-fatt li 40 minn 53 pajjiż membru tal-Commonwealth iqisu bħala reat kriminali li persuna tkun 'gay', is-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Commonwealth il-Baronessa Patricia Scotland meta mistoqsija minn L-ORIZZONT dwar dan qaltilna li "hemm iċ-Charter tal-Commonwealth dwar drittijiet fundamentali. L-Istati huma sovrani u ma nistgħux inġagħluhom. Imma rridu nitkellmu, u niddiskutu magħhom. Irridu nipperswaduhom biex jidħlu dawn id-drittijiet. Hu vjaġġ twil imma flimkien nistgħu nsibu soluzzjonijiet. Aħna kollha aħwa ġejjin minn fejn ġejjin u irrispettivament x'kulur aħna jew x'nemmu.  99.9 fil-mija tad-DNA tagħna hi l-istess. Hi biss 0.1 fil-mija li hi differenti."
Hi qalet ukoll li "“ejja nieħdu l-opportunità biex nibdu viżjoni ġdida. L-aħħar Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth Kamalesh Sharma, ikkometta ruħu u enfasizza fuq il-libertà, id-drittijiet tal-bniedem. Qiegħda nittama li nkompli nimxi fuq il-passi tiegħu. Nixtieq li nerġa’ ndaħħal il-ġid fil-Commonwealth,” qalet fil-kummenti tagħha Patricia Scotland. Hija żiedet tgħid li tixtieq tara l-pajjiżi kollha tal-Commonwealth jaħdmu flimkien biex iċ-ċittadini kollha jkollhom l-opportunità li jaraw il-ħolm tagħhom isir realtà. Irridu. Għandna t-talent. X’se jżommna milli niksbu jekk ningħaqdu kollha flimkien?,” qalet is-Segretarja Ġenerali l-ġdida b’ton determinat.
Scotland  intgħażlet bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid  wara diversi sigħat intlaħaq ftehim mit-53 nazzjonalità biex Scotland tieħu l-kariga. Il-Prim Ministru Joseph Muscat f'konferenza stampa qal li wara diskussjonijiet kien hemm qbil unanimu fuq il-ħatra ta’ Scotland. Dwar it-terroriżmu qalet li dak li seħħ fi Franza ħalla lil kulħadd bla kliem iżda dak li ġara jagħti l-opportunità biex ningħaqdu u nirrispondu għal din it-theddida reali u perikoluża.
Unit għal kontra t-terroriżmu fiċ-CHOGM
…..dan se jkun diskuss dalgħodu
Kif mistenni it-terroriżmu u l-bidla fil-klima  kienu fost it-temi li bdew jiġu diskussi fis-Summit tal-Kapijiet tal-Istati tal-Commonwealth, fejn wieħed mill-ewwel passi li se jittieħdu se jkun dak li jitwaqqaf unit li l-mira tiegħu se tkun dik li ssejħet 'il-pjaga' tat-terroriżmu.  Ir-Renju Unit, diġa kkonferma li se jkun qed jagħti xejn inqas minn €5 miljuni fuq ħames snin biex jiffinanzja dan il-unit.
Ġurnalisti barranin jirrifjutaw
li jinżlu minn minibus
Grupp ta' ġurnalisti barranin spiċċaw xejn ma kellhom esperjenza sabiħa fi tmiem l-ewwel jum taċ-CHOGM u dan għax hekk kif ġew biex jitilqu minn Għajn Tuffieħa u jirritornaw lejn lukanda f'San Ġiljan, sabu li trasport li kellhom ma setax jeħodhom hemm u x-xufier qalilhom biex jinżlu fi triq li tagħti għax-Xemxija fi dlam ċappa.  Il-ġurnalisti barranin li magħhom kien hemm tlett ġurnalisti ta' L-ORIZZONT irrifjutaw li jinżlu mill-minibus u nsistew li jittieħdu l-lukanda.  Ix-xufier wara diversi telefonati jgħid li għandu ġurnalisti li ma jridux jinżlu mill-minibus, u bil-ġurnalisti barranin jgħidu li "din hi l-istorja tal-ġurnata", finalment ittieħdu lura lejn il-lukanda f'Għajn Tuffieħa fejn fit-triq kien hemm kowċ qed tistenna u kulħadd rikeb fiha.
Iċ-CHOGM f'Malta hu
'training camp' għas-summit ta' Pariġi
Minn naħa tiegħu, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Kanadiż, Stephane Dion, hekk kif wasal f'Malta, iddeskriva l-laqgħa tal-Kapijiet tal-Istati tal-Commonwealth f'Malta bħala 'kamp tat-taħriġ' għal laqgħa li se ssir il-ġimgħa d-dieħla minn Nazzjonijiet Uniti f'Pariġi dwar il-bidla fil-klima.
Il-mexxejja tal-Commonwealth laħqu ftehim biex jiffurmaw hub tat-tibdil fil-klima biex jiffaċilità l-aċċess għall-fondi minn stati żgħar. Il-Kanada wiegħdet li fil-ħames snin li ġejjin se tkun qiegħda tikkontribwixxi f’$2.5 biljun biex tgħin pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jikkumbattu t-tibdil fil-klima.
Waħda mit-temi ewlenin li se jkunu ġew trattati fil-Laqgħat ta’ bejn il-Mexxejja tal-Commonwealth (CHOGM) kienet it-tibdil fil-klima. Preżenti għal waħda mill-konferenzi kien hemm is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki-Moon u għamel referenza għal COP 21, summit li se jitlaqqa’ fi Franza fil-jiem li ġejjin dwar it-tibdil fil-klima. Għalkemm ma tax indikazzjonijiet ta’ x’jista’ jkun l-eżodu minn dan is-summit, huwa esprima ottimiżmu li kulħadd għandu l-għan li jiġbed ħabel wieħed.
L-ORIZZONT


Kollox jindika li ssaħħet il-pożizzjoni tal-Prinċep Karlu biex ikun Kap tal-Commonwealth

L-ewwel ġurnata tas-Summit tal-Kapijiet tal-Istati tal-Commonwealth qed jitqies bħala wieħed li saħħaħ il-pożizzjoni tal-Prinċep Karlu biex ikun hu il-Kap tal-Commonwealth. Jidher li għalkemm hemm min hu xettiku u anke kontra, il-fatt li r-Reġina Eliżabetta tat indikazzjoni ċara fid-diskors tagħha fil-ftuħ tas-Summit u din l-indikazzjoni kompliet tiġi mbuttata mad-delegazzjonijiet fil-festin li kien hemm filgħaxija, jidher li wassal biex kien hemm diversi kapijiet li esprimew opinjoni favur li l-Prinċep Karlu jkun il-Kap taċ-Commonwealth.
Tard ilbieraħ filgħaxija diversi rappreżentanti ta’ delegazzjonijiet Afrikani kienu qed isostnu li jaraw li issa l-Prinċep Karlu sar l-għażla ovvja biex ikun il-Kap tal-Commonwealth. Wieħed mid-delegati qalilna li “qabel beda s-summit kien hemm ċertu xettiċiżmu. Imma wara d-diskors li sar mir-Reġina fil-ftuħ b’mod partikolari fejn ir-Reġina enfasizzat l-appoġġ li sabet mir-Re Karlu u li ma tistax tkun rappreżentanta aħjar fil-Commonwealth jekk mhux bil-Prinċep Karlu, naħseb li issa dan hu għażla awtomatika.”
Ta’ min jgħid li sa minn qabel is-Summit kienu diversi dawk li indikaw li l-fatt li f’dan is-Summit se jkun hemm erba’ membri tal-familja Rjali, kienet mossa ntiża minn Buckingham Palace biex tibda titwitta t-triq għal Prinċep Karlu. Filfatt, il-Prinċep Karlu rari attenda Summits tal-Commonwealth u fil-fatt hu attenda erbgħa biss fosthom dak ta’ Sri Lanka fejn ir-Reġina ma setgħetx minħabba l-vjaġġ twil. Jidher li l-messaġġ tar-Reġina wasal sew tant li l-Prim Ministru ta’ New Zealand, John Key meta mistoqsi dwar dan qal li “ma nafx għaliex iqumu mistoqsijiet dwar din il-ħaġa. Dan it-titlu jmur mal-Kuruna.”
Il-President tar-Repubblika ta’ Dominica, Charles Savarin kien ikkwotat jgħid li “ma kontx naf li l-kariga ta’ Kap tal-Commonwealth ma kinitx awtomatika. Bla dubju li għandu jkun il-Prinċep Karlu”. Hemm delegazzjoni oħra, li meta tistaqsi rappreżentanti tagħhom dwar dan jgħidulek ”Jekk ma jkunx il-Prinċep Karlu, min tridu jkun?”
Jidher ukoll d-diskors li dan se jkun l-aħħar summit taċ-CHOGM għar-Reġina jista’ jisfuma fix-xejn u dan għax hemm delegazzjonijiet li qed jagħtu indikazzjonijiet li l-edizzjoni li jmiss taċ-CHOGM se ssir fir-Renju Unit. Irid jingħad li fl-aħħar xhur kien hemm tentattivi biex jinqata' l-irbit ta' l-Istati membri mal-Monarkija. Il-Prim Ministru tal-Ġamajka, kien filfatt talab li r-Reġina ma tibqax il-Kap tal-Commonwealth. Hu kien ġab l-argument tar-rabtiet bejn l-iskjavitu u r-Renju Unit. Il-Prim Ministru Awstrajan Malcolm Turnbull iddikjara b'mod ċar li ma jridx li l-Prinċep Karlu ikun il-Kap tal-Commonwealth.

Friday, November 27, 2015

Ma tawnix Visa biex niġi għaċ-CHOGM
għax m'għandix $5,000
     - Moyosore Omitogun, Niġerjan


F'pajjiżna saru  laqgħat u forums li ġew organizzati b'rabta mas-Summit tal-Kapijiet tal-Istati tal-Commonwealth u li għalihom ġew għadd kbir ta' delegazzjonijiet u żgħażagħ li jiffurmaw parti minn għadd ta' għaqdiet u organizazzjonijiet.  Biss jidher li mhux kulħadd sabha faċli biex jiġi u dan hekk kif kien hemm rappreżentanti minn pajjiżi Afrikani li spiċċaw ma ġewx minħabba li ma nħarġitilhomx visa. Dan minkejja li kienu mistednin.
Wieħed minn dawn kien Moyosore Omitogun, ċittadini tan-Niġerja li kien se jiġi f'Malta biex jipparteċipa  f'forum dwar l-iżvilupp  u tmexxija ta' proġetti. Minkejja t-tentattivi tiegħu biex tinħariġlu l-visa Omitogun baqa' mingħajrha u kellu jħassar il-pjani tiegħu.
Kuntattjat minn L-ORIZZONT, Omitogun enfasizza li "hi xi ħaġa li ddejqek li minkejja li kont mistieden mill-istess organizazzjoni taċ-CHOGM jien spiċċajt ma nħarġitlix il-visa. Lili ċaħduli l-visa għax ma kellix $5,000. Jien kont se nieħu sehem fuq programm marbut mal-iżvilupp ta' proġetti fl-Afrika. Kif qed jistennew li jien ikolli $5,000."
Itenni li "mela għandna l-Commonwealth  jippriedka li jkun hemm drittijiet ugwali, imma mbagħad lili jiċħduli l-visa. Dan ifisser li jien kont imċaħħad mid-drittijiet tiegħi. Spiċċajt infaqt flus fuq biljetti tal-ivvjaġġar għalxejn. Din qed turi li fejn tidħol il-politika ta' integrazzjoni għad fadlilna ħafna x'naqdfu".  Il-visa kellha tinħareġ mill-Ambaxxata Taljana.

Protesta f'Londra qabel
iċ-CHOGM f'Malta


Fil-forums li jsiru qabel jinbeda iċ-CHOGM fil-People's Forum saru għadd ta' interventi fuq li jkun hemm aktar inklussività u l-ħidma tas-soċjetà ċivili, fejn spikkaw diversi interventi dwar kwistjonijiet marbutin ma' orjentazzjoni sesswali.  Biss waqt li kienu qed isiru dawn l-interventi quddiem il-kwartieri tal-Commonwealth f'Londra saret protesta b'mod partikolari dwar in-nuqqas ta' drittijiet għall-persuni gay f'għadd kbir ta' pajjiżi tal-Commonwealth.  Il-messaġġ tal-protesta kien ċar u dan kien li xejn inqas minn 40 pajjiż minn 53 pajjiż li jiffurmaw il-Commonwealth li persuna tkun gay għadu meqjus bħala "reat kriminali".
Ta' min jgħid li "f’għeluq il-People’s Forum, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca qasmet il-viżjoni tagħha ma’ dawk preżenti u stqarret fuq il-bżonn ta’ iżjed inklussività u dan permezz ta’ ħidma mis-soċjeta’ ċivili.
B'kollox kien hemm madwar 50 persuna li inġabru quddiem il-kwartieri ġenerali tal-Commonwealth u fost is-sejħiet li għamlu kien hemm dik li l-omosesswalità ma tibqax meqjusa bħala reat kriminali.  Huma sejħu biex ikun hemm  leġislazzjoni għal drittijiet indaqs għal persuni gay u dan b'konformità mal-prinċipji tad-drittijiet umani taċ-Charter tal-Commonwealth u tad-Dikjarazzjoni Univerali għad-Drittijiet Umani.
Din il-protesta saret mill-Organizazzjoni tal-LGBTI fl-Afrika,  The Out and Proud Diamond Group, Rainbow Across Borders, Rainbow Internatioanl u Peter Tatchell Foundation.
Peter Tatchell, Direttur tal-Organizazzjoni Peter Tatchell Foundation iddikjara li "għal xejn inqas minn 66 sena, is-summit tal-Commonwealth irrifjuta li jiddiskuti kwistjonijiet marbutin mal-orjentazzjoni sesswali u d-drittijiet tal-bniedem. Iċ-CHOGM m'għandux ikun differenti. Id-drittijiet ta' persuni gay għandhom jitpoġġew fuq l-aġenda.  Iddikjara li 40 pajjiż minn 53 stat membru tal-Commonwealth għadhom qed iqisu l-omosesswalità bħala reat kriminali. Disgħin fil-mija ta' ċittadini tal-Commonwealth jgħixu f'pajjiżi fejn l-omosesswalità hi offiża kriminali.  Din hi rigressjoni omofobika li qed tmur dejjem għall-agħar fosthom fl-Uganda, il-Kamerun, in-Niġerja u l-Brunei.
Aderonke Apata, refuġjat Niġerjan u fundatur ta' African Rainbow Family, qal li "fin-Niġerja is-sitwazzjoni għall-persuni  gay qed tmur għall-agħar, apparti ħabs għal 14-il sena, relazzjoni bejn persuni tal-istess sess jistgħu jwasslu għal sentenza ta' mewt u tħaġġir f'xi reġjuni."
Ta' min jgħid li l-President tan-Niġerja Mohammadu Buhari jinsab f'Malta għas-summit tal-Kapijiet tal-Istati tal-Commonwealth.


 L-ORIZZONT

Id-drittijiet ma jiġux minn fuq imma bi pressjoni minn dawk li jkunu isfel….

"Ieqfu mill-paroli u aġixxu"
       - iż-Żgħażagħ tal-Commonwealth


Kienu xejn inqas minn 200 parteċipant bejn it-18 u d-29 sena li attendew għal Youth Forum tal-Commonwealth, fejn il-messaġġ tagħhom lill-mexxejja kien wieħed ċar, dak biex jieqfu mill-paroli u jaġixxu.
Fil-laqgħat li saru, dawn iż-żgħażagħ ipproponew għadd ta' soluzzjonijiet, u li dawn se jkunu ppreżentati lill-Kapijiet tal-Istati għal azzjoni. Fi tmiem il-laqgħa, ġie speċifikat li l-ispirtu ta' dawn id-diskussjonijiet kien li "bis-silenzu mhux se jintrebħu drittijiet. Id-drittijiet ma jiġux minn fuq għal isfel imma jintrebħu bi pressjonijiet minn dawk li jkunu isfel'.
Fil-laqgħat saru diskussjonijiet dwar kliem ta' mibgħeda u razziżmu u if dawn jistgħu jiġu miġġielda.  F'attivita li saret bejn żgħażagħ li ħadu sehem fil-forum u l-Qawra Leap Centre spikkaw tpinġijiet li saru li jippromwovu d-diversità u r-rispett.
Intant kien hemm 17-il entita li laqgħu fi ħdanhom għall-ftit ħin lill-parteċipanti tal-Commonwealth Youth Forum. Dawn taw togħma tal-ħajja Maltija lil dawn iż-żgħażagħ u esperjenza fil-volontarjat. Il-lokalitajiet u entitajiet li żaru kienu l-kunsilli lokali ta' Bormla, tal-Isla, il-Birgu, il-Kalkara u l-Qrendi, l-MCAST, Caritas, Qawra u Kirkop Leap Centres u l-Girl Guides fost oħrajn.

L-ORIZZONT



Iż-żjara tal-Prinċep Karlu titqies 'sinifikanti'……
….mossa biex ikun il-Kap tal-Commonwealth?


Għalkemm osservaturi tas-Summit tal-Kapijiet tal-Istati tal-Commonwealth għandhom ħsibijiet differenti dwar il-fatt li l-Prinċep Karlu qed jakkumpanja lir-Reġina għal dan is-summit, fost għadd ta' rappreżentanti ta' delegazzjonijiet li hawn f'pajjiżna, iż-żjara tal-Prinċep Karlu f'Malta għas-summit 'għandha sinifikat speċjali'. "Mhix sempliċi żjara. Naħseb li hi mossa minn Buchingham Palace biex tibda titwitta t-triq biex il-Prinċep Karlu jkun il-Kap tal-Commonwealth. Din hi xi ħaġa li kien hemm min diġa esprima ruħu kontriha", qal lil L-ORIZZONT wieħed mir-rappreżentanti li hawn f'Malta.
Delegat iehor li kkummenta ma' L-ORIZZONT qalilna li "din m'hix l-ewwel darba li l-Prinċep Karlu akkumpanja lir-Reġina għas-Summits tal-Commonwealth.  Issa meta tqis li għandek Reġina li għandha 89 sena u li ma tivvjaġġax fit-tul, ġustament  hi naturali li wieħed jibda jispekula li l-miġja tal-Prinċep Karlu qed issir biex finalment ikun hu l-Kap".  Ta' min jgħid li l-Prinċep Karlu se jattendi ċ-ċerimonja tal-ftuħ u l-ikla li se ssir.
Rappreżentant iehor, meta mitlub jikkummenta spjegalna li "dikjarazzjonijiet dwar iż-żjara tal-Prinċep Karlu narahom spekulazzjonijiet. Imma żgur li jekk ikollhom jinbdew xi passi f'dan is-sens, se jkun hemm reżistenza minn għadd ta' pajjiżi Afrikani".
Osservatur li tkellem magħna qalilna li "dan hu l-ewwel CHOGM li fih qed jattendu erba' membri tal-familja Rjali. Oriġinarjament u din ftit qed tissemma, kellhom jiġu l-familja kollha. Biss jidher li fl-aħħar xhur inbidlu l-pjanijiet. L-aħħar darba li sar iċ-CHOGM fi Sri Lanka, jiġifieri sentejn ilu, ir-Reġina kienet rappreżentata mill-Prinċep Karlu. Waħda mir-raġunijiet għall-assenza tagħha kienet it-titjira twila bejn Londra u Sri Lanka.  Issa tqum il-mistoqsija jekk il-preżenza tal-Prinċep Karlu hix parti minn pjan ta' transizzjoni minn Buchingham Palace, liema pjan jipprepara lill-Prinċep Karlu għall-Kap tal-Commonwealth".
L-istess osservatur qalilna li "l-ispekulazzjoni mhix fiergħa għax il-post ta' Kap tal-Commonwealth mhuwiex ereditarju. Filfatt il-Prinċep Karlu m'għandux xi dritt aktar minn kapijiet ta' Stati tal-Commonwealth  biex jieħu l-post ta' Kap tal-Commonwealth.  Issa jekk verament hemm dawn il-pjani, din hi xi ħaġa kontradittorja għall-aħħar għall-Commonwealth li hi bbażata fuq il-valuri tad-demokrazija, u r-rispett reċiproku."
L-istess osservatur qalilna li "fl-aħħar xhur kien hemm tentattivi biex jinqata' l-irbit ta' l-Istati membri  mal-Monarkija. Il-Prim Ministru tal-Ġamajka, kien filfatt talab li r-Reġina ma tibqax il-Kap tal-Commonwealth. Hu kien ġab l-argument tar-rabtiet bejn l-iskjavitu u r-Renju Unit. Il-Prim Ministru Awstrajan Malcolm Turnbull iddikjara b'mod ċar li ma jridx li l-Prinċep Karlu ikun il-Kap tal-Commonwealth".
Matul is-sena li għaddiet fir-Renju Unit kienu nħarġu rapporti li kienu jgħidu li għal-laqgħa tal-Commonwealth (CHOGM) ir-Reġina se ġġib ukoll lill-Prinċipijiet Karlu, William u ċ-ċkejken George kollha eredi tat-tron. Kien intqal li jekk din iż-żjara ssir se tkun l-ewwel darba li r-reġina u l-eredi kollha tat-tron ikunu siefru barra mir-Renju Unit kollha f’daqqa.
minn L-ORIZZONT

 
Il-Prim Ministru tal-Lesotho Pakalitha Mosisli
 
Il-President tal-Malawi Mutharika
Il-mexxejja li ġew għaċ-CHOGM.....min kontroversjali, min bi ksur ta' drittijiet umani, oħrajn b'theddid u ċensura.
 
Hekk kif sar il-ftuħ tas-summit tal-Kapijiet tal-Istati tal-Commonwealth (CHOGM), f'pajjiżna wasslu għadd kbir ta' delegazzjonijiet, negozjanti u kummerċjanti magħrufin flimkien ma' għadd ta' organizazzjonijiet oħra li ħadu sehem f'diversi forums' li ttellgħu u li ddiskutew diversi temi.
Il-wasla ta' dawn il-persuni saret fi żmien meta f'pajjiżna kienu għaddejjin xogħlijiet ta' rranġar u tisbiħ f'diversi toroq b'rabta ma' dan l-avveniment. Kumment li sar f'waħda mill-laqgħat li saru kien dak ta' Debbie Ransome, editur ta' The Round Table - Commonwealth Journal of International Affairs li staqsiet jekk hemmx distakk bejn il-Commonwealth u n-nies tal-istess pajjiżi li jiffurmaw il-Commonwealth. Hi ġabet l-eżempju ta' xufier tat-taxi Malti li ma kienx jaf eżatt x'inhu ċ-CHOGM. 
Bla dubju ta' xejn, il-53 pajjiż li jiffurmaw iċ-CHOGM għandhom realtajiet differenti b'xi wħud b'mexxejja kontroversjali għall-aħħar. Wieħed minn dawn il-mexxejja li jinsabu f'pajjiżna hu l-President tal-Malawi, Peter Mutharika, li ftit jiem ilu biss kien involut f'kontroversja sħiħa f'pajjiżu. Kien hemm oħrajn li kienu ġejjin f'pajjiżna u ħassru ż-żjara minħabba mard jew inkella minħabba l-attakki terroristi fi Franza. Oħrajn ġew lejn pajjiżna meta f'pajjiżhom għandhom sitwazzjoni politika xejn tajba. Dawn li ġejjin huma wħud mill-kontroversji li kienui nvoluti fihom fl-aħħar snin xi mexxejja li jinsabu f'pajjiżna. 
"Jien ġellied….kapaċi noħloq maltempata politika fil-pajjiż"
Il-President tal-Malawi, Peter Mutharika ħalla pajjiżu fi stat ta' kaos u ġie Malta. Bħalissa f'pajjiżu qed jiffaċċja għadd ta' mistoqsijiet mis-soċjetà ċivili  dwar in-nuqqas ta' riżultati li qed jikseb. Quddiem din is-sitwazzjoni hu ddikjara li l-Malawi hi 'żona ta' kummerċ ħieles'.  Ftit jiem ilu biss hu kien involut f'kontroversja mal-Oppożizzjoni u hu wissihom biex ma jibdewx politika ta' konfrontazzjoni. 'Jien iġġilidt ħajti kollha" u wissa biex l-Oppożizzjoni ma tipprovokax għax jaqla' maltempata politika fil-pajjiż. Hu sejjaħ biex ikun hemm politika ta' unika u rikonċiljazzjoni. Hu kien krititika minn Livingstonia Synod, mill-Knisja organizazzjonijiet oħra bħala li qed jaġixxi ta' dittatur minħabba l-atteġġjament ostili tiegħu. 
Preżenti hawn ukoll il-President ta’ Mozambique, Filipe Nyusi. Bħalissa f’dan il-pajjiż hemm diżwgid bejn il-Frelimo, il-partit li qiegħed jiggverna u Renamo, l-akbar partit fl-Oppożizzjoni. 
F’Settembru li għadda saru żewġ attentati ta’ qtil fuq il-mexxej ta’ Renamo, Afonso Dhlakama, bl-istess partit jgħid li l-moħħ wara dan kollu kien il-Gvern, minkejja li dan tal-aħħar ċaħad għal diversi drabi dawn l-allegazzjonijiet. 
Ismael Fquir, il-Kap tal-EY fil-Mozambique kien irrappurtat jgħid li dawn il-kwistjonijiet bejn iż-żewġ partijiet jeħtieġ li jiġu solvuti għax jistgħu jnaffru l-investiment barrani. 
Appell minn Swaziland lill-Commonwealth - ksur ta' drittijiet umani
Minn Swaziland sar appell lill-Commonwealth biex tittieħed azzjoni kontra l-fatt li l-Gvern qed jikser id-drittijiet umani, id-demokrazija u l-liġijiet. Action for Southern Africa f'appell imqanqal li għamlu enfasizzaw li r-Re Mswati III, għandu jinżamm responsabbli għall-ksur serju tal-Commonwealth Charter. F'pajjiżna hawn il-Prim Ministru ta' Sważiland Barnabas Sibusiso.
Jhedded li jitfa' l-ħabs li min jinqabad jippjana li jwaqqa' l-gvern
Il-Prim Ministru ta' Fiji, Frank Bainimarama, ftit ġimgħat ilu kien hedded li jitfa' l-ħabs għal  ħafna snin, anki lil dawk li qed jgħixu barra l-pajjiż, jekk jinqabdu bi pjani biex jipprovaw jwaqqgħu l-Gvern.  Ftit jiem ilu waqt li kien fl-Awstralja skuża ruħu għall-impatt li kolpi ta' stat ħallew fuq il-pajjiż. Hu iżda m'għamel ebda riferenza għall-Kolp ta' Stat li kien wettaq hu stess fis-sena 2006.
Intant il-Prim Ministru tat-Tonga Akilisi Pohiva ma ġiex Malta għaċ-CHOGM minħabba li kellu jattendi għall-kura fi sptar ġewwa Auchland fl-Awstralja.
Huwa kellu jattendi wkoll is-Summit bejn Franza u l-pajjiżi fl-Oceania f’Pariġi kif ukoll il-laqgħa tal-Ġnus Maqgħuda dwar it-tibdil fil-klima, li wkoll se jsir fil-belt kapitali Franċiża, imma t-tobba tawh parir biex jevita vjaġġi fit-tul.
Minfloku f’Malta għandu jattendi l-Ministru għall-Biedja, Ikel, Afforestazzjoni u Sajd Semisi Fakahau li se jmexxi delegazzjoni minn dan il-pajjiż.
Anke l-Prim Ministru tal-Bangladesh Sheikh Hasina mhux ġejja Malta għal dan is-summit madankollu ma ngħatat ebda raġuni għal dan.
Prim Ministru li mistenni jattendi imma għaddej minn sitwazzjoni kemxejn diffiċli f’pajjiżu huwa dak ta’ Lesotho, Pakalitha Mosisili.
Huwa akkuża lill-Oppożizzjoni f’pajjiżu talli ibbojkottjat il-Parlament meta xogħlha suppost isservi lill-poplu billi tkun kritika lejn il-Gvern.
Mosisili sostna li bl-aġir tagħha hija naqset minn dmirijietha lejn il-poplu u għalhekk fl-elezzjoni li jmiss il-poplu għandu jwarrabha.
Il-President ta’ Sri Lanka Maithripala Sirisena wkoll ġej Malta imma anke f’pajjiżu għaddej minn kritika fejn tidħol drittijiet umani speċjalment dawk relatati mal-gays. 
Fil-fatt il-pajjiż huwa wieħed minn madwar 40 fil-Commonwealth fejn sess bejn koppji gay ifisser ksur tal-liġi. Ironikament f’Malta se jkun hawn żewġ laqgħat iddedikati għall-isfidi li qed jiffaċċjaw persuni LGBTI.

Thursday, November 26, 2015



Kaptan Ġermaniż jarma bastiment
biex isalva l-immigranti


Waqt li bħalissa f'nofs il-Mediterran, eżattament bejn Lampedusa u l-Libja, hemm bastiment ta' Medecins Sans Frontieres u bastimenti navali oħra biex isalvaw immigranti, issa qed isir magħruf li fi ftit ġimgħat oħra se tinbeda operazzjoni ġdida.
F'kuntatt li għamilna mal-Kaptan Ġermaniż Klaus Vogel, ġie kkonfermat li kważi kollox jinsab lest biex fil-bidu tas-sena' tinbeda operazzjoni ġdida biex ikunu salvati immigranti li jkunu qed jaqsmu b'dgħajjes mil-Libja lejn l-Ewropa.
Meta tkellem magħna, Klaus Vogel enfasizza li hu waqqaf l-organizazzjoni SOS Mediteranee, li fiha hemm rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u twaqqfu għadd ta' friegħi tagħha fosthom bl-aħħar waħda tkun f'Palermo. Klaus Vogel beda din l-inizijattiva wara li b'mod kontinwu kien qed jisma' b'għarqiet ta' immigranti.
Imma Klaus Vogel ma kinitx faċli għalih li jibda din il-ħidma. Dan għax hu kellu impjieg mal-kumpanija internazzjonali Hapag Lloyd. Jgħid ċar u tond li "ma stajtx nibqa' ċass u nara n-nies imutu waqt li jkunu qed ifittxu ħajja aħjar". Għalhekk kien qabad u telaq mill-impjieg li kellu.
Il-missjoni tal-kaptan Klaus Vogel  se tiġi tiswa xejn inqas minn €1.2 miljun, fejn hu xtara l-bastiment Marklab.  Dan hu bastiment li għandu kapaċità li jgħabbi fuqu xejn inqas minn 400 persuna.
Klaus Vogel,  li llum għandu 59 sena, jgħid li "3,000 persuna mejtin fit-tfittxija għal ħajja aħjar, hu ammont kbir wisq. Dawn huma nies li qed imutu għax mhux qed tittieħed azzjoni".
Wara li waqqaf l-organizazzjoni SOS Mediteranee, hu kien beda jiġbor il-fondi għal din il-missjoni. Waħda mid-donazzjonijiet li tispikka kienet dik li saret minn tfajla ta' 17-il sena li tagħtu €100 minn dak li kienet faddlet.
Minkejja li nxtara l-bastiment, l-operazzjoni meta tibda taħdem se jkollha spiża ta' €200,000 fix-xahar.   Il-pjani ta' Vogel, li sabu appoġġ sew fil-Ġermanja ma sabux xkiel.  Nemmen li s-soċjetà ċivili għandha taġixxi  u turi solidarjetà mal-eluf ta' immigranti li qed jippruvaw jaqsmu l-baħar Mediterran. Hi responsabbilità tagħna li ma nibqgħux passivi imma nsalvaw lil dawn in-nies".






F’sentejn……ir-Reġina ngħatat żewġ pitturi
 ta’ Villa Gwardamangia 


Għat-tieni darba f’sentejn ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni ngħatat pittura ta’ Villa Gwardmangia, ir-residenza li kienet tgħix fiha meta kienet f’Malta. L-ewwel pittura ngħatat f’Novembru tas-sena 2013 meta l-Kummissarju Għoli ta’ Malta Norman Hamilton ippreżenta l-kredenżjali tiegħu. Issa fiż-żjara li r-Reġina qed tagħmel f’pajjiżna b’rabta mas-Summit tal-Kapijiet tal-Istati tal-Commonwealth hi reġgħet ingħata pittura ta’ l-istess villa. Sentejn ilu, fil-laqgħa mal-Kummissarju Għoli għal Malta kienet esprimiet ix-xewqa li żżur Villa Gwardamangia jekk terġa’ żżur Malta, xi ħaġa li ma saritx. Waqt li ltaqgħet mal-President tar-Repubblika, Marie Louise Coleiro Preca, ir-Reġina reġgħet ġiet ippreżentata b’pittura oħra ta’ Villa Gwardamangia xogħol tal-artist Edwin Galea. Ġurnali Ingliżi rrappurtaw il-mument meta l-pittura ġiet ippreżentata lir-Reġina fejn hi ma naqsitx li tikkummenta dwar l-istat li tinsab fih il-villa llum fejn hi qalet li ‘llum tidher fi stat ta’ dieqa’.

Tuesday, November 24, 2015


"'Inspector Dipshit….istħi
jekk taf  - bidwi"
          -  Matthew Thomas Fenech, it-tifel tal-President tal-Eżekuttiv tal-PN

Li wieħed jikkriitka u jikkummenta fejn ma jaqbilx mal-awtoritajiet jew mal-gvern tifhimha. Imma li wieħed jispiċċa jgħajjar b'mod vulgari lil ogħla awtoritajiet fil-pajjiż, u saħanistra tinkiteb fuq sit soċjali, żgur li hi xi ħaġa li ma tantx tinftiehem.
Dan hu l-isfond ta' dak li nkiteb fl-aħħar jiem minn Matthew Thomas Fenech, fejn dan wara li nħarġet l-aħbar li l-Prim Ministru kien lest iħassar iċ-CHOGM f'każ ta' theddid kredibbli fuq Malta, hu attakka lill-Prim Ministru u sejjaħlu 'inspector dipshit'". Jgħidlu li darba oħra qabel joħroġ 14,000 passaport lil 'Alla biss jaf lil min' hu għandu jaħsibha mill-ġdid.  L-istess Matthew Thomas Fenech jgħid ukoll li "istħi jekk taf - bidwi".
Matthew Thomas Fenech jiġi t-tifel tal-President tal-Eżekuttiv Nazzjonalista Dr. Anne Fenech.  Ta' min jgħid li l-kumpanija ta' Dr. Fenech, li hi Fenech and Fenech Advocates, hi aġenti tal-iskema tal-IIP. Fenech fil-kumment tiegħu kien qed jikkritika fost oħrajn il-ħruġ ta' 14,000 permess ta' residenza f'sena  għal persuni minn pajjizi terzi, għalkemm fil-kumment tiegħu hu jirreferi għal passaporti.
Waqt li Matthew Thomas Fenech jikkritika l-permessi ta' residenza, jirriżulta li l-kumpanija ta' ommu, Fenech and Fenech Advocates tgħid li fis-snin li għaddew hi kienet involuta b'mod attiv permezz ta' avukati speċjalizzati biex tassisti persuni mill-Unjoni Ewropea u minn pajjiżi terzi b'rabta ma' materji ta' immigrazzjoni.  Fis-sit ta' Fenech and Fenech jingħad li Malta toffri  dik li tissejjaħ l-Iskema ta' Residenza Permanenti. Fis-sit jingħad li dawk il-persuni li jieħdu l-Iskema Permanenti ta' Residenza huma suġġetti għal benefiċċji fit-taxxa. Is-sit jgħid ukoll li d-Dipartiment tat-Taxxa jipprovdi pariri legali b'rabta mal-Iskema ta' Residenza Permanenti. Fenech and Fenech Advocates jgħidu li l-grupp jassisti klijenti fejn jirrigwardaw applikazzjonijiet għal permessi ta' residenza permanenti.


minn L-ORIZZONT

Marlene Farrugia u Joe Debono Grech jirtiraw kliemhom....
 
“Aggressjoni minn raġel, tintefa lura ma wiċċ il-mara...
...nistħi li jien parti mill-Parlament, dan tradiment”
-          Id-Deputata Indipendenti Marlene Farrugia

 
 
Id-Deputata Indipendenti Marlene Farrugia u d-Deputata Laburista Joe Debono Grech fis-seduta Parlamentari tal-bieraħ filgħaxija, irtiraw il-kliem li qalu fil-konfront ta’ xulxin fis-seduta ta’ nhar il-Ġimgħa. Kemm Farrugia kif ukoll Debono Grech irtirtaw dak li ntqal għalkemm id-Deputata Indipendenti Marlene Farrugia irrimarkat li xtaqet tispjega ruħha. Hi ngħatat ħin tagħmel dan wara intervent tal-Prim Ministru u ddikjarat li tħoss li ma dan ir-ruling qed jagħti eżempju ħażin lin-nisa msawwtin u dan għax dak il-kliem li qal Debono Grech hu kliem li jingħad lil nisa msawwtin.
Wara fuq is-sit soċjali tagħha Marlene Farrugia ikkummentat fuq dan ir-ruling u qalet li “ġejt insultata alxejn minn Joe Debono Grech. Is-Sedja li kienet f' idejn Luciano Busuttil ma pproteġitnix anzi kważi rajtha qed tieħu gost bit-tgħajjir lejja. Jien ipproteġejt lili nnifsi billi t-t-titlu li tani tajtulu lura. Mhux minnu li għajjartu korrott jew skadut. Għedtlu li fil-Kamra ma baqax lok għall-politka tas-sebgħinijiet u rrepetejt li old style politics m' għadx hemm postha. Hu heddidni li jiġi għalija u jifqgħani. Fil-Parlament ngħatajna ruling fejn theddida bħal dik tpoġġiet fl-istess keffa ma kliem li għedt jien biex niddefendi ruhi għal attakk sfrenat waqt li jien kont kwieta nsegwi d-diskors ta’ Marthese Portelli. Dan ir-Ruling jirrifletti mentalita fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż , fejn meta mara tiġi mhedda u titlob l-għajnuna ta' l-istituzzjoni biex tipproteġiha, tipprova tinstab skuża biex dik it-theddida serja tiġi ġustifikata , skużata u minsija minflok indirizzata u kkastigata kif mistħoqq f'pajjiż ċivilizzat fejn id-dinjita tal-bniedem, hu min hu jistħoqqilha ħarsien. Ilbarra minn din il-Kamra huma ħafna dawk in-nisa li raw l-ola istituzzjoni tal-pajjiż tatihom messaġġ li aggressjoni minn raġel fuq mara, anke aggressjoni assolutament mhux pprovokata, tintefa lura ma wiċċ il-mara, minflok tingħata ġustizzja. Għalhekk inqatlu bosta ommijiet fl-aħħar snin. Għax meta rrapurtaw aggressjoni, ittieħdet b-ċajt u passi ma ttiħdux biex tiġi protetta dik il-mara. Għalhekk snin ilu ttertqet Diane ta' Marsascala, Josette Scicluna quddiem bintha, l-Avukatessa Margaret Mifsud u ħafna ħafna oħrajn, li li kieku kien hawn ħarsien xieraq tad-drittijiet tal-mara mill-awtoritajiet, u ngħataw protezzjoni meta talbuha , kieku għadhom hawn igawdu l-uliedhom. Illum nistħi ngħid li jien parti minn din il-Kamra. Għaddejt minn ħafna xorti f'ħajti imma t-tradiment tal-lum huwa kbir wisq” qalet Marlene Farrugia.
Intant l-Ispeaker fir-ruling tiegħu qal li tkellem ma’ diversi deputati dwar l-inċidenti li nqala’ fis-seduta tal-Ġimgħa. Fir-ruling intqal li “Marlene Farrugia qalet li wara li hija kienet qiegħda bilqiegħda baxxuta, f’ħin minnho semgħet lil  Joe Debono Grech jgħid “purċinell inti” u ħaditha li kien qed jirreferi għaliha, b’tali mod li hija rrispondiet immedjatament lill-Joe Debono Grech, “agħlaq ħalqek, ja pulcinell.” Jidher li l-kelma “purċinell” qalitha mhux inqas minn erba’ jew ħames darbiet fil-konfront ta Joe Debono Grech. Farrugia qalet ukoll li semgħet lil Joe Debono Grech jgħidilha, “niġi għalik u nifqgħak”. Li ntqal dan id-diskors ġie konfermat minn Godfrey Farrugia, Whip tan-naħa tal-Gvern u li wkoll tkellem mas-Sedja. Godfrey Farrugia qal li huwa kien quddiem  Joe Debono Grech waqt il-ħin tal-inċident u li meta semgħu jgħid dak id-diskors lil Joe Debono Grech qallu: “Hekk ma tgħidilhiex għax jien nipproteġiha”.
Id-Deputat Indipendenti Farrugia qalet ukoll li lid-Deputat Laburista Debono Grech, qaltlu “Inti antik, oħroġ ’il barra”.   Id-Deputat Laburista Joe Debono Grech qal li waqt li kienet qiegħda titkellem id-Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli, proprju lejn l-aħħar tad-diskors tagħha meta kienet qed tagħmel allegazzjoni fil-konfront tal-awtorità u tas-CEO tal-MEPA
huwa qal lid-Deputata Nazzjonalista Marthese Portelli: “Staqsi lili dwar
l-Ombudsman u ngħidlek!”.  Debono Grech żied jgħid li hekk kif qal hekk lid-Deputata Nazzjonalista Marthese Portelli huwa sema’ lid-Deputat Indipendenti Marlene Farrugia tgħidlu li huwa purċinell. Qal ukoll li sema’ lil Marlene Farrugia tgħidlu li huwa korrott u li meta sema’ hekk irrisponda: “hekk ma tgħidlix”. Ikkonferma wkoll li f’dak il-mument qal id-diskors: “Niġi ħdejk u nifqgħak” u li sema’ lil Godfrey Farrugia jgħid li kien se jipproteġiha.
Meta mistoqsi mis-Sedja id-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis qal li kif beda l-inċident huwa kien qiegħed barra l-Kamra jitkellem ma’ xi membri oħra taż-żewġ naħat tal-Kamra, u li x’ħin daħal sema’ lil Marlene Farrugia tgħid diversi kliem fil-konfront ta’ Joe Debono Grech fosthom il-kelma “purċinell” għal diversi drabi. Jidher li l-kelma “purċinell” intqalet għal aktar minn ħames darbiet. Sema’ wkoll lil Joe Debono Grech jgħid lil Marlene Farrugia: “Korrott lili ma tgħidlix. Ħadd ma jgħidli li jien korrott”. Agius Decelis qal ukoll li sema’ Marlene Farrugia tgħid lil Joe Debono Grech: “Il-politika ta’ żmienek spiċċat”.
Id-Deputata Laburista Deborah Schembri qalet li kienet eżattament fejn Joe Debono Grech u li waqt li Debono Grech kien qed jgħaddi xi rimarki fil-konfront u fuq dak li kienet qed tgħid
Marthese Portelli rat u semgħet lil Marlene Farrugia tuża’ l-kelma “purċinell”
diversi drabi fil-konfront ta’ Joe Debono Grech. Semgħet ukoll lil Marlene
Farrugia tgħid lil Debono Grech li huwa huwa “skadut” u semgħetha wkoll tuża l-kelma
“korrott”. Schembri qalet lis-Sedja li meta Debono Grech qal il-kliem “lili tridu
tgħidu x’għamel l-Ombudsman” hija kienet qiegħda tħares dirett lejn  Marlene Farrugia
meta ratha u semgħetha tgħajjar lil Debono Grech “purċinell”. Żiedet tgħid li kien
hawnhekk li Joe Debono Grech irreaġixxa billi qalilha: “Purċinell ma tgħidlix”, “Korrott
ma tgħidlix”, “Niġi ħdejk u nifqgħak”.
Is-Sejda qalet li “ tirrimarka li dan l-inċidenti ma jagħmel l-ebda ġieħ lill-Parlament tagħna u għalhekk, bħala miżura addizzjonali mal-istess ruling li tat l-istess Sedja f’Ġunju 2015, fejn għamlitha ċara li se tibda tapplika r-regoli tat-Taqsima IV tal-Ordnijiet Permanenti b’mod intier, issa se tara li meta jkun hemm inċidenti simili waħda mill-cameras li għandna fil-Parlament tmur mill-ewwel fuq il-membri li jkunu qed jużaw kliem dispreġjattiv fil-konfront ta’ xi membru, jew lejn il-Kamra, jew lejn is-Sedja. Dawn il-filmati jkunu biss għal skopijiet ta’ investigazzjoni tas-Sedja u ma jiġux imxandra. Għalhekk, is-Sedja qed tagħmilha ċara li, kemm biex tevita inċidenti simili fil-futur kif ukoll sabiex hija jkollha filmat ta’ tali inċidenti għal skopijiet ta’ investigazzjoni jekk meħtieġ, se tagħmel dawk l-arranġamenti meħtieġa sabiex ikun hemm filmat ta’ dak li jkun qedjiġri fil-Kamra kollha.”


L-akbar theddida għal Malta mhix ġejja mit-terroristi  imma mill-Oppożizzjoni......
 
L-Oppożizzjoni toħroġ ‘l barra mill-Parlament....titlef
iċ-ċans li titkellem fuq it-terroriżmu

 
Bl-Oppożizzjoni Nazzjonalista  eżatt wara r-ruling li ta’ l-Ispeaker Anġlu Farrugia dwar l-inċident bejn id-Deputat Laburista Joe Debono Grech u d-Deputata Indipendenti Marlene Farrugia iddeċidew li joħorġu l-barra bi protesta, wassal biex finalment huma tilfu l-opportunita li jistaqsu lill-Ministru għall-Intern Carmelo Abela dwar it-terroriżmu u l-każijiet ta’ persuni Sirjani u oħrajn li nqabdu ġejjin lejn Malta b’passaporti foloz. Kien id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami biss li daħal u staqsa hekk kif l-Oppożizzjoni ħarġet l-barra mill-Parlament u sejħet il-ġurnalisti biex turi nuqqas ta’ qbil tagħha mar-ruling.  Wara l-Oppożizzjoni permezz tal-Kap tal-Oppożizzjoni talbu li jitkellmu iżda meta ntalab dan kien għadda l-ħin tal-mistoqsijiet dwar l-istqarrija ministerjali, liema stqarrija spjegat dak li ġara fir-rigward tal-persuni li nqabdu f’ajruporti barranin b’passaport foloz u li kienu ġejjin f’Malta.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li ‘aħna ma noqogħdux fuq il-portals imma fuq dak li jgħidulna l-awtoritajiet Taljani.  Ngħid jien tal-mistħija kif  il-medja Nazzjonalista qed tipprova tbeżża.  Il-passaporti  foloz li nstabu ma nħarġux minn Malta imma mill-Awstrija u mill-Greċja. Li kien qed jiġri hu li dawn kienu nies li kienu qed jidħlu għax meta jmorru l-Italja u jippreżentaw id-dokument fiċ-check in u jgħaddu u aħna hawn ma stajniex inżommuhom għax qegħdin fix-Schengen. Qed nissospendu x-Schengen biex naraw kemm hi kbira l-problema.  Jien ngħid kif jista’ jkun li f’dan il-pajjiż nħallu n-nies jidħlu fil-pajjiż qisu qatt ma ġara xejn.  Aħna qed ngħidu li dawn jiġu hawn mhux għax-xogħol biss imma għall-ażil ukoll.  Lesti nirrevedu dan l-arranġament kull ġimgħa.  Se nagħmlu dak kollu possibbli biex nipproteġu lil pajjiżna.”
Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr. Simon Busuttil ilmenta li hu ma kienx jaf b’din l-istqarrija u sar jaf biss wara li kienet saret.
Il-Ministru għall-Intern, Carmelo Abela  qal li “s-sigurta qed tingħata l-aqwa importanza. L-Oppozizzjoni trid tuża l-biża u t-terrur.  L-uniku theddida li għandna f’dan il-pajjiż mhix ġejja mit-terroristi imma mill-Oppożizzjoni. Is-sigurta hi fdata f’idejn il-Pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta. Naturalment aħna konna għamilna talba lill-Gvern Ingliż, u din kienet l-istess talba li saret fis-sena 2005.  Ir-regoli tal-Unjoni Ewropea jirrikjedu li inti trid tippreżenta xi tip ta’ identifikazzjoni fl-ajruport. Li qed jiġri  hu li t-tluq u dħul minn Malta issa qed jiġu ċċekkjati.  Sa issa jidher li mindu daħħalna l-ispezzjonijiet ma deherx li hemm problemi.   M’hemm l-ebda allarm fejn jidħol it-terroriżmu allinqas sa issa. Qed naħdmu ma’ pajjiżi oħra biex ngħaddu l-informazzjoni ‘l xulxin.  L-Oppożizzjoni għandha ħabta tħawwad l-affarijiet u issa ħarġu b’li hawn racket. Din hi irresponsabbilita kbira. Hi irresponsabbilita li jitfgħu t-tajn u jagħmlu dikjarazzjoni u ma jissostanzjawhomx.  Hi responsabbilita tagħhom li jekk għandhom xi informazzjoni jgħadduha lill-Pulizija.  Illejla stess fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista nisimgħu l-allarm waqt programm fejn qalulna li ‘dan kollu jammonta  għal ċirku organizzat, cirku perikoluż  ħafna ta’ nies barranin ħafna minnhom Sirjani li akkwistaw passaporti  foloz u daħlu f’pajjiżna. Id-dokumenti foloz ma nkisbux minn pajjiżna u li dawn il-persuni ma daħlux f’pajjiżna.  Dejjem ninsisti li fis-sigurta  nazzjonali m’għandhiex tiddaħħal il-politika partiġġjana.”



'Qatt m'għandna niġġudikaw maġġoranza b'azzjonijiet ta' minoranza'
       - Samira Jamil, Musulmana li tgħix f'Malta


Fl-aħħar jiem, wara l-attakki terroristiċi li seħħew fi Franza, spikka l-fatt li kienu ħafna dawk li bdew jitfgħu f'keffa waħda lill-Musulmani. Allavolja kien hemm Musulmani li ħarġu fit-toroq u ddikjaraw li dak li seħħ ma sarx f'isimhom u kkundannaw, kienu bosta dawk li xorta waħda baqgħu jippuntaw is-swaba'. 
Samira Jamil, Musulmana li tgħix f'pajjiżna, ikkummentat dwar din is-sitwazzjoni. Hija qalet li, "Wara l-massakri li seħħew f'Pariġi,  jien qrajt il-kundanni  tal-Musulmani minn madwar id-dinja. Meta qrajt dawn għaddewli żewġ ħsibijiet minn moħħi. L-ewwel ħsieb kien jekk dawn il-kundanni kienux qawwijin biżżejjed għal dawk li qed iħossu li l-Musulmani għandhom jieħdu responsabbilità ta' dawn l-atroċitajiet. It-tieni ħsieb hu  jekk dawn il-kundanni minn Musulmani hux se jbiddlu l-isterjotipi li l-Musulmani huma marbutin mal-vjolenza? Fi spazju ta' ġimgħatejn, intilfu ħajjiet prezzjużi.  224 mietu wara li ġġarraf l-ajruplan Russu, 42 mietu f'Beirut, 127 f'Pariġi u oħrajn mietu waqt li kienu qed jaħarbu minn postijiet fejn hemm l-Istat Iżlamiku."
Żiedet tgħid li, "Jien qed nibki t-telfa fuq diversi livelli. Qalbi muġugħa għat-telf ta' ħajjiet.  Nibki t-telfa tal-umani kollha li tilfu ħajjithom meta kienu f'idejn dawn il-fanatiċi. Jien nibki għall-Islam li ġie mmiżinterpretat minn minorità ta' estremisti. Dawn l-estremisti ma jirrappreżentawx lili, u lanqas  jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-Musulmani li jridu l-paċi. Jidher li hi aktar faċli li wieħed jitfa' lill-Musulmani fl-istess keffa milli wieħed iżomm moħħ miftuħ. Qatt m'għandna niġġudikaw il-maġġoranza b'azzjonijiet ta' minoranza. Aħna ma nobogħdux lill-Ġermaniżi kollha għal dak li n-Nażi għamlu mal-Lhud jew aħna ma nobogħdux lill-Kristjani għal dak li seħħ fil-kruċjati."
Kompliet li, "Bħala Musulmani, hemm bżonn nanalizzaw dak li qed jiġri madwarna.  M'hemmx tluq aħjar minn djarna biex nagħmlu dan. Qegħdin nagħtu valuri u morali b'saħħithom fit-tfal tagħna? Qegħdin nipprovdulhom l-aħjar edukazzjoni biex ikunu kapaċi jiddiskutu, u jiddibattu mingħajr ma jkollhom il-bżonn li jsegwu b'għajnejhom magħluqin u jirrezistu l-brainwashing? Qed ngħallmuhom it-tolleranza u li jaċċettaw lil persuni oħra li ma jkunux qed jaqsmu t-twemmin u l-kultura tagħna? Qed ngħallmu lit-tfal tagħna biex iħossuhom superjuri fuq dawk li mhumiex musulmani? Qegħdin ninkoraġixxu liż-żgħażagħ tagħna biex iqajmu mistoqsijiet lil xi imams li qed ixerrdu mibgħeda?"
Samira Jamil sostniet li, "Għalkemm hu diffiċli biex il-Musulmani jaraw id-dawl meta hawn tant dlam madwarna, jien nemmen li d-dawl għandu jibda joħroġ minna stess."

Thursday, November 19, 2015


Miżura li ngħatat importanza u ddaħħlet mal-miżuri li jridu jitwettqu sal-aħħar tas-sena d-dieħla...

Sal-aħħar tas-sena 2016……kampanji ta'
informazzjoni fuq il-periklu ta' vjaġġi lejn l-Ewropa


Mill-pjan ta' azzjoni li kien maqbul fil-Valletta Summit, qed jirriżulta li dikjarazzjoni dwar kampanji ta' informazzjoni fil-pajjiżi ta' oriġini, ta' transitu u anke fid-destinazzjonijiet finali fejn jaslu, għandhom jibdew sa' l-aħħar tas-sena d-dieħla.  Dawn il-kampanji ta' informazzjoni se jkollhom l-għan li jqajjmu kuxjenza  fost il-pubbliku inġenerali, persuni li jistgħu jkunu immigranti u fuq kollox vittmi fuq il-perikli marbutin mal-perikli u r-riskji tal-vjaġġi minn pajjiżi Afrikani lejn l-Ewropa.
Din il-parti, fid-dokument li kien tħejja u kien diskuss minn għadd ta' diplomatiċi ta' pajjiżi Ewropej u Afrikani fil-ġimgħat li għaddew, kien qed tissemma' biss fil-pjan ta' azzjoni imma wara s-summit f'Malta din il-parti spiċċat iddaħħlet bħala li għandha tkun parti mill-inizjattivi li jitwettqu sas-sena 2016.
L-istess dokument finali hu nieqes  minn dik li ssejħet bħala "Laissez Passer' - dokument tal-ivvjaġġar għal dawk bla dokumenti.  Fil-laqgħat ta' qabel is-summit, l-Ewropej jidher li kienu qed jagħfsu sew fuq dan il-pass, iżda fil-Valletta Summit jidher li kien hemm pajjiżi Afrikani li imblukkaw dan u filfatt din il-parti spiċċat tneħħiet mill-pjan ta' azzjoni.

NGO's inaqqsu x-xettiċiżmu…..oħrajn
jikkritikaw dak li rriżulta mis-summit
Kien hemm diversi għaqdiet non governattivi li jaħdmu mill-qrib mal-immigranti li wara dak dikjarat u bil-pjan ta' azzjoni naqsu x-xettiċiżmu tagħhom u rrimarkaw li issa mill-kliem iridu jgħaddu għall-implimentazzjoni.
Mill-banda l-oħra kien hemm organizazzjonijiet oħra li xorta baqgħu kritiċi fil-konfront tal-Ewropej, fosthom Oxfam International.  Hi qalet li dan is-summit għamel ftit wisq dwar drittijiet u dinjità tal-immigranti. Enfasizzaw li wara li nħarġet id-dikjarazzjoni hemm dubji kbar kif l-Ewropa se ttejjeb bil-fatti  il-ħajjiet tan-nies fl-Afrika. Qalet li waqt li l-mexxejja Ewropej u Afrikani ltaqgħu f'Malta, aktar nies għerqu fil-baħar u aktar pajjiżi fosthom is-Slovenja u l-Isvezja komplew iżidu l-kontrolli fil-fruntieri.
Oxfam ikkritikat bl-aħrax it-twaqqif tat-Trust Fund u qalet li dan qed joħloq ir-riskju li flus li kienu jmorru biex jgħinu persuni joħorġu mill-faqar, issa se jispiċċaw imorru biex jinħolqu kontrolli fil-fruntieri.
Oxfam wissiet ukoll li l-għajnuna lill-Afrikani m'għandhiex tkun marbuta ma' kundizzjonijiet.
Biss l-Oxfam tesprimi ukoll il-pożittiv li kien hemm u qalet li mis-summit ħarġu ħafna kliem sabiħ u issa l-mexxejja jridu jaraw li dak jitwettaq.
Il-pjan ta' azzjoni
Il-pjan ta' azzjoni li fih xejn inqas minn 17-il paġna jinkludi għadd ta' inizjattivi li huma marbutin li jiġu implimentati fi żmien partikolari.  Hemm xejn inqas minn ħames prijoritajiet ewlenin u 16-il inizjattiva li jridu jitwettqu sa' tmiem is-sena d-dieħla.
Jekk nieħdu l-ewwel prijorità wieħed jara li din titratta l-għajnuna Ewropea lill-pajjiżi Afrikani biex jiġu indirizzati l-kawzi prinċipali  tal-immigrazzjoni fosthom il-faqar,  is-sigurtà, nuqqas ta' żvilupp, gwerer u nuqqas ta' demokrazija. L-Ewropej intrabtu  li jniedu proġetti bl-għan li tiżdied l-attività ekonomika u impjiegi. Jirriżulta li hemm pjan biex jiġu ffaċilitati l-proċessi ta' kif immigranti Afrikani fl-Ewropa jgħaddu lura lejn pajjiżhom il-flus li huma stess ikunu qalgħu.  L-istess Ewropej intrabtu li jgħinu b'investiment f'setturi agrikoli.
Jekk wieħed jieħu t-tieni prijorità jara li din hi dwar metodi regolari u legali ta' migrazzjoni bejn pajjiżi Afrikani u Ewropej.  Dan se jwassal biex il-Boroż ta' Studju jirdoppja.  It-tielet prijorità hi t-tisħiħ tal-protezzjoni li tingħata lir-refuġjati u persuni oħra li jkunu telqu minn pajjiżhom. Prijorità oħra hi dik tal-ġlieda kontra t-traffikanti.
L-aħħar prijorità hi dik marbuta ma' aktar koperazzjoni għal ripatrijazzjoni  ta' immigranti lejn l-Afrika, liema immigranti ma jkunux jikkwalifikaw għall-ażil.   Jirriżulta li fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla għaxar pajjiżi Afrikani se jkunu mitluba jibagħtu lejn l-Ewropa uffiċjali minn tagħhom tal-immigrazzjoni biex jivverifikaw u jidentifikaw in-nazzjonalitajiet ta' immigranti irregolari u dan biex jintbagħtu lura. Din hi xi ħaġa volontarja. 
Ta' min jgħid li dan il-pjan ta' azzjoni se jiġi jiswa madwar €20 biljun apparti Trust Fund ta' €1.8 miljun.

Salvati 608 immigrant
fi ftit sigħat

Fil-lejl ta' bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa  ġew salvati xejn inqas minn 308 persuna. Dan meta ftit sigħat qabel kienu ġew salvati 99 immigrant.  Fil-każ li seħħ matul il-lejl kienet dgħajsa Spanjola li salvat xejn inqas minn 308 li kienu abbord fuq dgħajsa fi triqithom mil-Libja lejn l-Ewropa. Dawn l-immigranti kienu trasferiti abbord i-bastiment ta' Medecins Sans Frontieres (MSF) 'Dignity 1'.
Intant matul il-ġurnata tal-bieraħ il-bastiment ta' Medecins Sans Frontieres Argos salva żewġ dinghies li kienu mimlijin bl-immigranti.  L-ewwel dinghi kien fih 108 immigrant li kienu ġejjin mis-Senegal, Ivory Coast u l-Gambia. 
Fit-tieni salvataġġ  kienu salvati 93 persuna fosthom 31 mara.  Il-parti l-kbira minn dawn ġejjin minn Niġerja.






"Ġew kunsidrati toroq fejn Malta u s-Somalja
jistgħu jaħdmu aktar flimkien"
     - Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg


Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg meta kkummenta ma' L-ORIZZONT qalilna li "fil-laqgħa bilaterjali mar-rappreżentanti tas-Somalja kien hemm apprezzament u gratitudni lejn Malta li mhux biss qed tilqa' l-mexxejja Ewropej imma anki lil dawk Afrikani. Issa mhux biss iltaqgħu u tkellmu imma ffirmaw it-Trust Fund li hu l-ewwel pass u wieħed iħares 'l quddiem għal azzjonijiet konkreti."
Nistaqsuh jekk hux biżżejjed il-fond ta' €1.8 biljun u hu jgħidilna li "ovvjament mhux biżżejjed ghax hemm moviment ta' 60 miljun persuna madwar id-dinja li qed tiċċaqlaq. Imma hu simboliku u pass importanti 'l quddiem.  Għall-ewwel darba hemm xi ħaġa konkreta u hemm qbil fuq prinċipju. Irridu nsegwu dak li ġie deċiż għax iċ-ċittadini jestiġu li jiġi implimentat dak maqbul".
Dwar jekk fil-laqgħa bilaterali kienux diskussi oqsma li fihom Malta u s-Somalja jistgħu jikkoperaw aktar bejniethom, hu qalilna li " kien hemm diskussjonijiet mas-Somalja u nħalli lil-Prim Ministru jitkellem dwarhom. Ġew kunsidrati toroq fejn il-pajjiżi jikkoperaw flimkien."
Minn L-ORIZZONT
Ritratt Ian Noel Pace

Simon Busuttil b'laqgħa 'stramba' ħdejn il-
fdalijiet taċ-'Chapel of Bones'


Kienet dehra pjuttost stramba dik tal-bieraħ filgħodu bil-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, jiltaqa' mal-Prim Ministru tal-Bulgarija, Boyko Borisov, barra ċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi, fejn iltaqgħu l-mexxejja Ewropej u Afrikani għall-Valletta Summit.
Huma kellhom interpretu magħhom. Il-laqgħa saret ħdejn il-fence ta' dik li kienet magħrufa bħala ċ-Chapel of Bones, qrib Evans Building. Wara l-laqgħa, L-ORIZZONT staqsa lil kelliem responsabbli mill-kommunikazzjoni biex nieħdu kumment lil Dr. Busuttil iżda dan għamlilna sinjal fin-negattiv.
Minn L-ORIZZONT
Ritratt Ian Noel Pace






Fl-azzjoni'……..is-sigurtà
fil-baħar madwar Dar il-Mediterran

Ftit ħin biss wara li bdiet it-tieni sessjoni tal-Valletta Summit, kien hemm mument li spikka sew fil-Port il-Kbir u dan kien meta għadd kbir ta' dgħajjes tas-sigurtà dehru ħerġin b'veloċità qawwija barra l-Port il-Kbir.
Dak il-ħin ma kienx magħruf eżattament x'ġara, fejn wieħed seta' jara l-mod kif f'temp qasir ġiet mobilizzata s-sigurtà fil-baħar.  Wara ftit tal-ħin dawk reġgħu irritornaw lura lejn il-bażi tagħhom fil-Port il-Kbir. Iż-żona tal-baħar qrib Dar il-Mediterran kienet magħluqa għal xi ħin għat-traffiku fil-baħar.
Minn L-ORIZZONT
Ritratt Ian Noel Pace

'Naqblu mal-pjan ta' azzjoni…..ma nemmnux
dak li tgħid Amnesty International"
       - Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tas-Sudan, Ibrahim Ghandour


Wieħed mir-rappreżentanti Afrikani preżenti għall-Valletta Summit, kien il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tas-Sudan, Ibrahim Ghandour, pajjiż li minnu jgħaddu ħafna immigranti Afrikani fi triqithom lejn il-Libja. Is-Sudan, hu pajjiż li minnu telqu ukoll għadd kbir ta' immigranti b'mod partikolari mid-Darfur. F'rapport li nħareġ minn Amnesty International ikkritika bil-qawwa lis-Sudan f'dawk li huma drittijiet tal-bniedem.
Waqt il-Valletta Summit, L-ORIZZONT tkellem għal ftit tal-ħin mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tas-Sudan. Mitluq jagħti r-reazzjoni tiegħu għal konklużjoni tal-Valletta Summit hu qalilna li "naqbel b'mod sħiħ mal-pjan ta' azzjoni u mad-dikjarazzjoni li nħarġet".
Meta semmejnielu r-rapport li nħareġ minn Amnesty International li kkritikat lis-Sudan fuq drittijiet umani, hu deher pjuttost irrabjat u qalilna li "Amnesty International m'hix organizazzjoni għad-drittijiet umani.  Din hi organizazzjoni politika. Aħna ma nemmnux dak li tgħid Amnesty International."
Kif temm jgħid dan hu qabad u telaq minn ħdejna u rikeb fil-karozza li kien hemm ftit bogħod.
Minn L-ORIZZONT
Ritratt Ian Noel Pace




Hollande u Renzi…..jammiraw
il-Port il-Kbir u l-għawwiem 'Belti'


Waqt li kien għaddej il-Valletta Summit, spikka mument fejn il-President Franċiż Francois Hollande u l-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi qattgħu ftit ħin mhux ħażin barra Dar il-Mediterran jammiraw is-sbuħija tal-Port il-Kbir.  F'mument spikka l-fatt li tnejn li huma bdew jippuntaw is-swaba tagħhom lejn il-baħar u ikkummentaw fuq 'għawwiem Belti' li dak il-ħin kien qed jieħu għawma.
L-ORIZZONT ipprova jieħu kumment mingħand il-Prim Ministru Taljan, Matteo Renzi, anki dwar il-fatt li kien qed ikun hemm kritika minn xi Afrikani dwar dik li ssejħet nuqqas ta' parteċipazzjoni minn Renzi f'dan is-summit. Filfatt matul il-ġurnata tal-bieraħ hu għamel ħafna mill-ħin barra Dar il-Mediterran, ħafna drabi jitkellem fuq il-mowbajl.
Meta avviċinajnieh għamlilna sinjal li ma jixtieq jagħti kummenti, iżda aktar tard meta għadda minn quddiemna irrimarka li "tuni minuta għal privatezza. Qed inċempel fuq il-mowbajl".
Sa issa għad mhux magħruf għaliex l-Italja għażlet li ma tkunx attiva daqs pajjiżi oħra Ewropej.
Minn L-ORIZZONT
Ritratt Ian Noel Pace

"Impressjonata kif Malta ġabet lil dawn il-
mexxejja taħt saqaf wieħed…nifraħ lil Malta għal dan"
           - Il-Ministru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Irlanda


Il-Ministru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Irlanda Francis Fitzgerald, meta kkummentat ma' L-ORIZZONT, qaltilna li "kienet xi ħaġa impressjonanti kif Malta irnexxielha ġġib lil dawn il-mexxejja ta' żewġ kontinenti taħt saqaf wieħed. Irrid nifraħ għal dan lil Malta".
Dwar is-summit qalet li s-summit kien wieħed validu ħafna u dan għax hemm pjan ta' azzjoni li fih ħafna miżuri b'xi wħud se jibdew jitwettqu fis-sena 2016. Qalet li issa kollox jiddepdenti fuq l-implimentazzjoni.
Dwar jekk €1.8 biljun għall-Afrika humhiex biżżejjed, hi qaltilna li "dan hu biss il-bidu".  Hi spjegat li dan il-fond hu parti mill-inizjattivi li ttieħdu u qalet li ddiskussjoni ffukat ukoll fuq materji oħra fosthom l-iżvilupp fl-enerġija u l-ħolqien tax-xogħol fl-Afrika.
Minn L-ORIZZONT
Ritratt Ian Noel Pace

'Jekk m'għamilna xejn tajna
imbutattura…..la pessimist u lanqas ottimist"
      - Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, George Vella


Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Dr. George Vella, f'kummenti li għadda lil L-ORIZZONT dwar l-andament tal-Valletta Summit spjega li issa l-importanti hu li min hawn 'l quddiem wieħed jara li dak li ġie maqbul u mwiegħed jitwettaq saż-żmien indikat. Hu qalilna li la jinsab ottimist u lanqas pessimist.
Fil-kumment tiegħu qalilna li "qed isiru dikjarazzjonijiet u qed isiru impenji b'rieda tajba ħafna anki bid-dispożizzjoni ta' min qed jitkellem. Trid tara x'se jitwettaq minn dak li qed jingħad. Hemm ħafna wegħdiet li qed isiru  u ħafna diskorsi li qed isir fil-linja finali u l-pjan ta' azzjoni. L-importanti hu x'se jiġri minn issa li quddiem. Il-proċessi ta' Rabat u Khartoum inġabu flimkien. Kulħadd jaf li hemm problemi enormi minn fejn jgħaddu u minn fejn jiġu l-immigranti u l-kawżi tal-immigrazzjoni huma kbar.  Wieħed irid jara dak li se jwettqu l-mexxejja fil-perjodu sa 2016. Irid isir il-monitoraġġ ta' dak li ntqal u wieħed jara jekk dak li ntqal sarx jew waqajniex lura. La nista' nkun ottimist u lanqas pessimist.  Rajna li anki fl-Unjoni Ewropea dwar kif se tqassam ir-refuġjati hemm differenżi. L-imbutatutra qiegħda hemm u jekk ma nkunu għamilna xejn nkunu tajna dinl-imbutattura", sostna George Vella.
L-ORIZZONT  staqsa lil Ministru Vella dwar id-dikjarazzjoni iebsa li għamel il-President Franċiż Hollande fil-konfront tal-Eritrea. Dr. Vella Qalilna li 'aħna l-Eritrea, kellna problema meta kienu jiġu ħafna nies ġejjin minn hemm. Illum suppost li s-sitwazzjoni fl-Eritrea, anki l-gwerra mal-Etjopja waqfet. Anki mis-Somalja m'għadhomx jiġu bħal qabel hemm relazjoni bejn pajjiż u iehor kif jaraw l-affarijiet b'mod differenti. L-importanti hu li s-sitwazzjoni f'dak il-pajjiż ma tmurx għall-agħar."
Minn L-ORIZZONT
Ritratt Ian Noel Pace