Is-summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-refuġjati "ħela ta' ħin u retorika"
Ftit jiem ilu sar is-summit tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-refuġjati. Summit li sar għall-ewwel darba u li minnu ħarġet dikjarazzjoni fejn għal darba oħra ġie dikjarat li għandhom ikunu protetti id-drittijiet umani tar-refuġjati u l-immigranti, lil hinn mill-istatus tagħhom. Ġie dikjarat ukoll li għandu jkun hemm appoġġ għal dawk il-pajjiżi l-aktar milqutin u li jkun żgurat li t-tfal ikollhom aċċess għall-edukazzjoni. L-istess dikjarazzjoni tgħid li għandhom jitjiebu l-operazzjonijiet ta' salvataġġ u li jkun hemm titjib f'rilokazzjoni ta' refuġjati. In-Nazzjonijiet Uniti iddeskriviet id-dikjarazzjoni bħala 'opportunità storika', waqt li l-Organizazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, issa saret parti minn Nazzjonijiet Uniti.
Biss dak li ħareġ mid-dikjarazzjoni għalkemm qed jitqies minn diversi entitajiet bħala l-ewwel pass 'l quddiem, qed ikun kritikat b'mod qawwi minn diversi għaqdiet non governattivi u organizazzjonijiet umanitarj. Huma iddeskrivew id-dikjarazzjoni bħala 'ħela ta' ħin', 'retorika' u li "tonqos milli toffri soluzzjonijiet".
"Opportunità mitlufa" – World Vision
L-għaqda Kristjana World Vision kienet fost dawk li esprimiet id-diżappunt tagħha, b'Helen Keogħ Kap Eżekuttiv ta' World Vision fl-Irlanda qalet li "kellna tamiet kbar għat-tfal minn dan is-summit. Biss dawn baqgħu mjassrin bl-istess attitudni ta' qabel bi ftit li xejn tama".
Tenniet li "hi xi ħaġa li tweġgħa li l-mexxejja dinjin qablu li jħallu ċertu pajjiżi jiksru d-drittijiet tat-tfal f'ċerti ċirkostanzi. Li tjassar it-tfal waqt li tistabbilixxi id-dritt tagħhom li jitolbu għall-ażil, qatt mhu fl-interess ta' dawk it-tfal".
"Dikjarazzjoni astratta"
– Alexander Betts, Direttur Refugee Studies Centre
Jikkummenta ukoll Alexander Betts, Direttur tar-Refugees Studies Centre fl-Università ta' Oxford, iddikjara li "d-dikjarazzjoni tas-summit ġiet dikjarata mill-UNHCR bħala miraklu. B'xi mod tista' tgħid li hi hekk, għax 193 Stat qablu b'kunsens, fi żmien meta għadd ta' gvernijiet qed ifallu. Imma l-kontenut tad-dikjarazzjoni hu astratt għall-aħħar. Hemm ideat importanti fosthom li kampijiet tar-refuġjati jkunu eċċezzjoni, u li t-tfal ta' refuġjati jkollhom aċċess għall-edukazzjoni. Hemm ukoll il-punt li r-refuġjati għandhom ikunu responsabbilità globali. Kieku l-Istati kienu se jinżammu kontabbli għal dawn, din kienet se tagħmel id-differenza. Id-diffikultà hi li l-mekkaniżmu biex jintlaħqu dawn il-miri huma vagi."
Jgħid li "s-summit talab impenn fi tlett oqsma fosthom dak ta' aktar assistenza umanitarja, aktar postijiet ta' rilokazzjoni u aktar iffukar fuq impjiegi u edukazzjoni. Biss il-gvernijiet jidher li ma jridux jikkommettu ruħhom għal talbiet ġodda. Aktarx li se naraw talbiet ġodda bħal dawk li saru fi Frar li għadda f'konferenza f'Londra dwar refuġjati Sirjani, talbiet li finalment ma jimmaterjalizzawx. B'mod effettiv hemm gvernijiet li qed ifallu mar-refuġjati. Għaliex għandna nafdaw Stati biex jimplimentaw dikjarazzjoni vaga, meta dawn huma stess mhux konformi mal-impenn tagħhom".
Alexander Betts jgħid li "l-idea bażika tal-Konvenzjoni għar-Refuġjati tas-sena 1951, li r-refuġjati m'għandhomx jintbagħtu lura, baqgħet relevanti llum ukoll. Biss l-iffukar fuq ir-refuġjati bħala persuni li qed jaħarbu minn persekuzzjoni, issa saret antikwata. Illum ħafna persuni qed jaħarbu minn stati fraġili li huma kkaratterizzati minn vjolenza tal-massa. Per eżempju fis-sena 2014 ir-rata ta' rikonoxximent għall-ażil għal persuni Eritrean tvarja minn 26 fil-mija fi Franza għal 100 fil-mija fl-Isvezja. Il-UNHCR tagħmel xogħlha tajjeb - għajnuna umanitarja, immaniġġjar tal-kampijiet u pariri legali lill-Istati. Imma dawn m'għadhomx l-affarijiet primarji li Aġenzija għar-Refuġjati għan-Nazzjonijiet Uniti għandha tagħmel. L-għodda li hemm bżonn illum hi dik politika, l-iżvilupp, l-ekonomija u l-abbiltà li taħdem f'ambjent urban. B'mod kollettiv, hemm bżonn viżjoni akbar kemm fil-qasam legali, organizattiv u anke dak operattir. Irridu nistaqsu x'tip ta' reġim globali għar-refuġjati rridu għas-sena 2025? Imma dan ma kienx fuq l-aġenda tas-summit. Biss hemm tama li ħarġet minn dan is-summit - dik ta' proċess ta' sentejn li joffri opportunitajiet biex tinbena viżjoni akbar".
Kritika għall-fatt li ma ġietx aċċettata proposta ta' rilokazzjoni ta' 10 fil-mija tar-refuġjati
Human Rights Watch iddeskriviet din id-dikjarazzjoni li ħarġet mis-summit bħala 'opportunità mitlufa'. Hi kkritikat il-fatt li l-Istati membri irrifjutaw proposta ambizzjuża biex ikunu rilokati 10 fil-mija tar-refuġjati fid-dinja. Ma naqsux li jgħidu li hemm punti pożittivi ukoll fosthom dik li kienu affermati id-drittijiet umani tar-refuġjati.
"Stati sinjuri għandhom joffru assistenza lil pajjiżi li qed jiffaċċjaw l-kriżi" – Mais Balkhi, Syrian Relief
Mais Balkhi, li hi manager ta' Syrian Relief and Development qalet li "ma riedux iħalltu l-aspett uman ma' dak politiku. Il-kwistjoni mhix biss ta' numri imma hi dik ta' għajnuna lil persuni fosthom rilokazzjoni".
Hi qalet li Stati membri b'esperjenza mar-refuġjati għadhom joffru appoġġ u l-esperjenza tagħhom lil pajjiżi li qed jiffaċċjaw din il-kriżi għall-ewwel darba.
"
Din id-dikjarazzjoni hi ftit ħafna" – Oxfam International
Oxfam International ukoll iddikjarat li "d-dikjarazzjoni approvata hi ftit ħafna ħdejn dak li hemm bżonn." Josephine Liebl minn Oxfam tgħid li "din id-dikjarazzjoni kif mistenni ma' tagħtix l-impenn biex tinbidel is-sitwazzjoni kif inhi llum. Id-dinja kellha l-opportunità biex toffri aktar umanità, imma l-gvernijiet taw biss soluzzjonijiet b'nofs qalb. Dan mhux aċċettabbli. Pajjiżi sinjuri għandhom jilqgħu, jipproteġu u jappoġġjaw lir-refuġjati. Ir-riċerka tagħna turi li l-aktar sitt pajjiżi sinjuri fid-dinja, li jiffurmaw aktar minn nofs l-ekonomija tad-dinja, għandhom inqas minn 9 fil-mija tal-popolazzjoni dinjija tar-refuġjati.
Malala Yousafzai, rebbieħa tal-premju nobel, ukoll ikkritikat id-dikjarazzjoni u qalet li "d-dikjarazzjoni ma tinkludix impenn ġdid u sostanzjali għar-refuġjati"Ta' min jgħid li hu stmat li fid-dinja hawn xejn inqas minn 65 miljun refuġjat, persuni li għal xi raġuni jew oħra kellhom jaħarbu minn pajjiżhom. Minn dawn hemm 12 fil-mija li jinsab fil-kontinent Amerikan, 6 fil-mija fl-Ewropa, 39 fil-mija fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq, 14 fil-mija fl-Asja u fil-Paċifiku, u 29 fil-mija fl-Afrika stess.