Wednesday, January 27, 2016

Il-parteċipanti tal-purċissjoni tal-Epifanija deskritti bħala 'ħmieġ' u 'annimali'

"Ma tagħmilx maltempata u tkaxkar dan il-ħmieġ 'il barra." "Invadew l-Imsida, okkupaw l-Ospiżju u issa rebħu l-Belt." "Hemm bżonn jiġri d-demm. Hekk forsi ssir xi ħaġa. Missirijietna hekk għamlu u hekk irid isir." "Il-bużbużnanniet tagħna mietu kontra dawn l-annimali biex Malta ġiet tal-Maltin. Iva jekk hemm bżonn niddefendu pajjiżna għax gvernijiet bla sinsla." "Possibbli m'hawn ħadd offiż minn dan il-ħmieġ?" "Allaħares kont hemm għax ħażin kont nispiċċa magħhom." "Daqs dawk nies ġol-Belt ħadd ma indenju ruħu jitfgħalhom il-bajd." Dawn kienu kummenti li nkitbu fis-sit tal-Għaqda Patrijotti b'rabta' ma' purċissjoni li saret nhar il-Ħadd li għadda mill-Insara Etjopjani u Eritrej f'Malta. Dawn kienu qed ifakkru l-festa tal-Epifanija, li f'dawn il-pajjiżi tkun qed tfakkar il-magħmudija ta' Ġesù.
Bi lbies tradizzjonali, tnabar, strumenti mużikali tradizzjonali, umbrelel u b'tapit aħmar fl-art kull fejn għaddew, l-Etjopjani u l-Eritrej f'Malta ċċelebraw il-festa tal-Epifanija. Għal xi ħin niżlu x-xatt tal-Belt fejn kellhom ikla.
Brhane (mhux l-isem proprju għax xtaq li nipproteġu l-identità tiegħu), Eritrean, mitlub jikkummenta dwar dak li nkiteb qalilna li, "Aħna ilna żmien nużaw knisja fiċ-ċentru tal-Belt. Ġieli anke kellna attivitajiet oħra fil-Belt. Din ma kinitx l-ewwel darba. M'iniex sorpriż li jkun hemm kummenti ta' mibegħda lejna. Fil-ħajja ta' kuljum niltaqgħu magħhom. Allavolja aħna nies kwieti, xorta niltaqgħu magħhom. Imma rrid ngħid li b'mod ġenerali l-Maltin jilqgħuna ħafna u jgħinuna.  Sibna għajnuna kbira mill-Maltin."
Jgħidilna li, "Aħna nimxu ma' dak li jgħidilna s-Sid Tagħna. Jgħidilna aħfru. Aħna naħfru lil min jikteb kontrina. Li nixtieq forsi qabel jikteb xi ħaġa, jipprova jidħol fiż-żarbun tagħna. Jara dak li għaddejna minnu. Illum qed ngħixu fil-paċi f'Malta. Illum jien inqis lil Malta bħala pajjiżi."
Ta' min jgħid li l-Liġi Kriminali tgħid ċar u tond li, "Kull min juża kliem jew imġiba ta’ theddid, abbużivi jew insolenti, jew jesibixxi xi materjal miktub jew stampat li jkun ta’ theddid, abbużiv jew insolenti, jew xort’oħra jġib ruħu b’dak il-mod, bil-ħsieb li b’hekk iqajjem vjolenza jew mibegħda kontra xi persuna oħra jew grupp ta’ persuni fuq bażi ta’ ġeneru, identità tal-ġeneru, orjentazzjoni sesswali, razza, kulur, lingwa, oriġini etnika, reliġjon jew twemmin jew opinjoni politika jew opinjoni oħra jew b’hekk joħloq il-probabbiltà li, meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi kollha, titqajjem vjolenza jew mibegħda razzjali, jeħel, meta jinsab ħati, il-piena ta’ priġunerija minn sitt xhur sa tmintax-il xahar.”










Tuesday, January 26, 2016

Id-dejn tal-pajjiż naqas b'4.5%, minn aktar minn 70% għal 66.3%

Il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna, meta llejla introduċa fil-Parlament l-abbozz ta' liġi li jimplimenta l-miżuri tal-estimi, iddikjara li d-dejn tal-pajjiż naqas b'4.5 fil-mija matul it-tielet kwart tas-sena li għaddiet u minn aktar minn 70 fil-mija tal-ġid nazzjonali issa jinsab fil-livell ta' 66.3 fil-mija. Hu spjega li dalwaqt se jitressaq abbozz ta' liġi dwar kumpaniji li jaqgħu f'diffikultajiet finanzjarji u dan biex jagħtihom it-tieni ċans qabel ikunu likwidati. Miżuri oħra li se jitħabbru se jagħmlu lil Malta aktar kompetittiva.
"Ir-ranking baxx li għandu pajjiżna hu dovut għal dawk il-miżuri li l-gvern ta' qabel dejjem sabha diffiċli biex iwettaq," qal il-Ministru Scicluna. Huwa saħaq li l-isfidi fil-qasam tal-manifattura għadhom hemm. "X'jiġri hawn jiddependi mill-qasam interenazzjonali. Nuqqas ta' domanda fis-suq internazzjonali jaffettwa l-manifattura. Minkejja dan kollu, is-settur tal-manifattura tagħna felaħ għal dawn ix-xokkijiet u l-impjieg żdiedu matul l-aħħar sena b'madwar 400 persuna."
Il-Ministru kompla jgħid li l-ammont ta' konvenji telgħu minn 8,000 fis-sena 2012, għal 9,000 fis-sena 2013, 11,000 konvenju fis-sena 2014 u 14,000 konvenju s-sena li għaddiet. Qal li n-numru ta' dawk li xtraw post għall-ewwel darba, u għalhekk gawdew mill-eżenzjoni tal-boll, tela' għal 6,000 persuna. Għalkemm ġew jiswew xi €20 miljun lill-Gvern, id-dħul għall-gvern baqa' jiżdied.
Il-kelliem żied jgħid li dan il-Baġit, bħat-tnejn ta' qablu, kellu riżultati fosthom dik li dawk li jaħdmu fultajm telgħu għal 172,000 persuna waqt li bil-partajmers iżjed minn nofs il-popolazzjoni ta' pajjiżna joħorġu jaħdmu. Dan ifisser li f'din il-leġiżlatura kien hemm żieda ta' 16,000 impjieg fultajm. Kien qed ikun hemm żieda ta' 18-il impjieg kuljum. Din hi tliet darbiet akbar mir-rata ta' ħolqien tax-xogħol tal-amministrazzjoni preċedenti.
Dwar l-iżbilanċ finanzjarju tal-Gvern, il-Ministru qal li fl-ewwel sentejn ta' ħidma d-deficit tnaqqas b'€220 miljun. Is-sena li għaddiet id-deficit naqas għal €161 miljun. F'Marzu jew April inkunu nistgħu naraw l-istampa reali tas-sena li għaddiet. Il-figuri juru li fit-tielet kwart tas-sena li għaddiet, ġie reġistrat l-inqas deficit - dak ta' €6.5 miljun.
"Ninsabu fid-direzzjoni t-tajba li konna qed nipproġettaw, jiġifieri dik li d-deficit ikun ta' €157 miljun. Id-deficit jinżel billi jew jiżdied id-dħul, jew jonqos l-infiq, jew b'kombinazzjoni ta' dawn it-tnejn. Daħal l-Att dwar ir-Responsabbilità Fiskali li jara li jkun hemm aktar kontroll fl-infiq tal-Gvern, fejn il-Gvern intrabat li jagħti rendikont matul is-sena," qal il-Ministru.

L-indikazzjonijiet huma li dawk f'riskju 
ta' faqar se jkunu naqsu fis-sena 2015


L-indikazzjonijiet huma li dawk f'riskju ta' faqar se jonqsu
Il-Ministru qal li l-indikazzjonijiet huma li l-ammont ta' nies f'riskju ta' faqar f'pajjiżna matul is-sena 2015 se jonqos meta mqabbel mas-sena 2014. Qal li hu jara li wieħed mill-indikaturi hu l-fatt li żdiedu ż-żwiġijiet bil-Knisja,  għax dan huwa sinjal li aktar nies qed jifilħu l-ispiża ta' tieġ bil-Knisja.
Dwar it-tqassim tal-ġid, il-Ministru Scicluna qal li l-figura tal-faqar baqgħet tielgħa sal-2013 iżda fis-sena 2014 ma telgħetx u niżlet bi ftit.
"Għandna indikazzjoni li l-figuri neżlin minħabba l-għotjiet li ngħataw fis-sena 2015 u għal din is-sena. Nistgħu ngħidu li sakemm toħroġ l-istatistika hemm biss indikazzjonijiet. Osservazzjoni personali tiegħi hi li ħarġet statistika mill-Knisja li turi żieda fiż-żwiġijiet. Din tfisser li n-nies qed jaffordjaw jagħmlu t-tiġijiet, għax żwieġ bil-Knisja jiswa l-flus. Anki r-rahan ta' deheb mill-Monte di Pieta naqas minn €200,000 għal €23,000 u żgur li dan hu sinjal pożittiv," qal il-Ministru.
kummenti
0

Fil-jiem li ġejjin il-kuntratt ma' Autobuses de Leon se jitpoġġa fil-Parlament

Il-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura, Joe Mizzi, ħabbar f'intervent fil-Parlament li fil-jiem li ġejjin se jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra l-kuntratt li ġie ffirmat ma' Autobuses de Leon. Hu ddikjara li dan il-kuntratt se jitpoġġa kollu kemm hu. Il-Ministru Mizzi fl-intervent tiegħu qal li, "Jien nemmen li kulħadd irid iħallas ta' għemilu u jekk isir żball trid tikkoreġih u tieħu prekawzjonijiet biex ma jerġax isir. Aħna hekk qed nagħmlu. Meta lħaqt ministru u mort il-ministeru u bdejt nistaqsi għal ċertu nies u bdew jgħiduli li dawk qatt ma ġew xogħol. Sibt li għalkemm m'hemmx evidenza, kienu jagħmlu dan bil-barka tal-ministru. Waħda mill-akbar problemi li sibt hi li kien hemm ħaddiema li ma kinux kapaċi jagħmlu xogħolhom. Xogħol ta' persuna waħda kien isir minn ħames persuni.”


'M'għamiltx pressjoni fuq l-Imħallef… għandi fiduċja fil-Qrati'
        - Claudette Buttigieg

Wara li l-ġimgħa li għaddiet id-Deputata Nazzjonalista Claudette Buttigieg għamlet dikjarazzjoni dwar pressjoni li tista' ssir dwar l-inkjesta tal-allegati nuqqasijiet fiċ-ċimiterju tal-Addolorata, u wara li l-Imħallef Magri ħareġ stqarrija u weġibha billi ddikjara li ħadd ma ostakolah, Buttigieg fil-Parlament illejla ddikjarat li m'għamilix pressjoni fuq l-Imħallef u li għandha fiduċja fil-Qrati.
Il-Ministru Konrad Mizzi talabha biex jekk taf b'xi persuni li qed jagħmlu pressjoni, issemmihom fil-Parlament - xi ħaġa li hi m'għamlitx.
Ta' min ifakkar li ftit jiem ilu l-Imħallef Magri ddikjara li ħadd ma ostakolah b’xi mod fil-qadi ta’ dmirijietu. Saħaq li waqt li huwa jifhem li din hija materja ta’ kontroversja attwali, jappella għall-kawtela sabiex l-inkjesta tkun tista’ ttemm id-doveri tagħha b’serenità.
Il-bord tal-inkjesta sostna li qed jieħu din l-opportunità biex jistieden lil dawk il-membri tal-pubbliku li b’xi mod ħassew ruħhom aggravati mill-aġir ta’ uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa impjegati fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata jew f’xi ċimiterju ieħor tal-Gvern, biex sa mhux aktar tard mit-2 ta’ Frar, 2016, jibagħtu d-dettalji tagħhom, jiġifieri isem, kunjom u indirizz ġewwa envelopp issiġillat u indirizzat lis-Sinjura Carmen Scicluna, Segretarja tal-Bord tal-Inkjesta dwar nuqqasijiet fl-Addolorata - Qrati Ċivili u Tribunali, Valletta. minn inewsmalta.com


Nefqu €1.5 miljun u ma ħaffrux qabar wieħed

 

Waqt li spjega li fil-jiem li ġejjin se jibdew jinkitbu ittri lil dawk li għamlu konvenji fuq xiri ta' oqbra ġodda f'dik li għandha tkun l-estensjoni taċ-ċimiterju tal-Addolorata, is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, Chris Fearne, qal li l-Gvern preċedenti kien għamel konvenji ma' persuni mingħajr ma d-Dipartiment tal-Artijiet kien infurmat.
Is-Segretarju Parlamentari Fearne spjega li kien fis-sena 2002 li bdew il-pjani għall-estensjoni taċ-ċimiterju tal-Addoloarata u fil-fatt il-permess inħareġ fis-sena 2006. Kompla jgħid li kien inbeda x-xogħol u ntefqu €1.5 miljun, iżda x-xogħol waqaf u lanqas tħaffer qabar wieħed. Qal li minn dakinhar 'l hawn il-permess skada. Hu spjega li dawk li għandhom konvenji se jirċievu ittra biex il-konvenju jkun imġedded. minn inewsmalta.com

F'ġimgħa diġà applikaw 300 anzjan għal-live-in carers

F'ġimgħa biss, il-proġett pilota tal-Live-in Carers għall-anzjani kellu xejn inqas minn 300 applikazzjoni għal dan is-servizz. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u Anzjanità Attiva, Justyne Caruana fil-Parlament illejla. Fil-Baġit li għadda, il-Gvern kien alloka €1 miljun għal dan il-proġett pilota bil-għan li jiġi estiż fil-futur. L-applikanti eliġibbli għal dan il-proġett pilota huma dawk il-persuni li sad-data tal-Baġit kienu fuq il-lista ta’ stennija li huma approvati għas-servizzi residenzjali tal-Gvern.
Min japplika għal dan il-proġett pilota ser ikun qiegħed jingħata lura sa massimu ta’ 50% tal-paga minima biex iħaddem live-in carer fid-dar tiegħu, u dawk li ma jimpjegawhomx fuq bażi ta’ full-time jingħataw pro-rata skont is-sigħat li jaħdmu. minn inewsmalta.com

Monday, January 25, 2016

'Bħal Lażżru se jqum u jiġri warajk'…..'mafja
f'Kastilja'…'araw xi ħmieġ ta' nies'.
      - Simon Busuttil

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busutti f'diskors li għamel fis-Sannat Għawdex waqt li rrefera fuq il-każ marbut mal-kwistjoni ta' Gaffarena, għamel dikjarazzjonijiet bħal 'Mafja f'Kastija', 'araw xi ħmieġ ta' nies' u fil-każ tas-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal li "l-każ tiegħu se jqum bħal Lazzru u se jiġri warajk". Qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa' jiġri wara Ian Borg.
Hu beda d-diskors tiegħu billi qal li "l-istrateġija tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex se tkompli tissaħħaħ.  Jekk nieħdu dak li seħħ din il-ġimgħa ngħid li kienet ġimgħa straordinarja.  Bħal lum ġimgħa iltqajna għall-Konvenzjoni Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u trattajna l-qasam tal-ambjent.  Ġabet kummenti u reazzjonijiet pożittivi mmens.   Kienet ġimgħa li fiha l-Gvern laqqat kundanna oħra. Ir-rapport tal-awditur ġenerali li ħareġ din il-ġimgħa hu kundanna kbira għal Gvern ta' Joseph Muscat. Hu rapport li jikkonferma għal min kien fadallu xi dubju li l-Gvern ta' Joseph Muscat jinsab fi kriżi ta' korruzzjoni. M'hemm ebda dubju dwar il-korruzzjoni u l-ħmieġ li wassal għar-riżultat li riedu jaslu għalih. Xogħlna hu li nikxfulhom l-għawar. Li l-gvern inżommuh kontabbli. Dan ir-rapport ta' raġun lill-Oppożizzjoni mill-bidu sa l-aħħar. Meta tagħsar l-awditur jgħid li 'l-awditur iqis dan il-ftehim bil-moħbi bħala assolutament mhux xieraq'. Jekk taqra r-rapport tal-awditur iġġib għajnejk wara widnejk, qisha storja tal-mafja. Storja ta' ħmieġ u taħwid kbir. Kellek persuna, Gaffarena li ra dar u qal ħa nixtri kwart minn dik id-dar u wara mar għand il-Gvern biex jixtriha mingħandu. Kien diġa jaf li l-Gvern se jixtriha mingħandu u li se jagħmel profitt. Imbagħad reġa' xtara kwart iehor u reġa' biegħa lill-Gvern. Ħmieġ mill-bidu sa l-aħħar. L-awditur jgħid li m'hemm xejn bil-miktub. L-awditur qal li l-Gvern seta' xtraha hu stess mingħand is-sidien. L-awditur qal li l-minuti ta' kull meta kien hemm laqgħat ġew imbagħbsin. Lil Gaffarena f'ġimgħa ħallsuh."
"Mhux imbilli Michael falzon jgħid li ma kienx jaf, għax l-awditur jgħid li inġibditlu l-attenzjoni. Qal lil Gvern qabel li kien se jixtriha u qallu li jekk jixtriha inti tixtriha mingħandi u tagħmilni miljunarju u qalulu iva nagħmluk miljunarju.  Din hi mafja minn Kastilja.  Ħallsuh nofs miljun Ewro fi flus kontanti u tawh imbagħad diversi artijiet xejn inqas minn 43 tomna.  Li ġara kien li l-prezz tal-proprjetà fil-Belt għollewh, u tal-artijiet li ngħata l-prezz tbaxxa. Dan hu Gvern li qed jegħreq fil-korruzzjoni", qal Simon Busuttil.
Qal li dan kollu kien qed isir fi Frar tas-sena li għaddiet  u qal li dakinhar kien inħareġ rapport iehor tal-awditur dwar il-Kafe Premier  u l-Prim Ministru kien qal li għaġġlu. Tenna li waqt li kien qed jinħareġ dan ir-rapport, kienu għaddejjin in-negozjati ma' Gaffarena bil-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid "araw xi ħmieġ ta' nies".
Hu kompla jgħid li lil Michael Falzon neħħieh biex jidher li qed jagħmel xi ħaġa. "Wara r-rapport bdiet ir-reċta tal-Prim Ministru biex jara kif se jintgħoġob man-nies. Kellna ir-reċta tal-Ewwel tas-Sena u issa fuq ir-rapport ta' Gaffarena. L-ewwel neħħa lil Michael Falzon minn Segretarju Parlamentari. Għaliex ma neħħejtux mill-ewwel? Għaliex ma ssospendejtux? Għaliex ma neħħejtux mill-Grupp Parlamentari?  Żammu fil-Parlament.  It-timbru tal-Gvern ta' Joseph Muscat hu li l-ħażin jgħaddi qisu xejn mhu xejn".  Hu sejjaħ biex ir-responsabbilità għandu jerfagħha Joseph Muscat.
Tenna li l-kawża li saret kellha ssir għax kien hemm il-korruzzjoni, mela għamel kawża maħduma biex iddum is-snin u tintilef.  F'dan il-każ għamel kawża imma fil-każ tal-Kafe Premier waqqagħha l-kawża u anke fil-każ tal-Australia Hall waqqagħha. Araw xi ħmieġ. Għaliex hu stess ma jerfax ir-responsabbilità fil-każ tal-Kafe Premier. Hemmhekk Joseph Muscat ma refgħax ir-responsabbilità. Jekk Michael Falzon refa' r-responsabbilità, dan x'għandu differenti minn Ian Borg, li dan baqa' ma rriżenjax u dan kien arroganti biżżejjed u qal li l-każ tiegħu hu "Dead and buried". Ngħidlu li "mhux dead and buried u jagħmel bħal Lażżru iqum u jiġri warajk. Se nibqgħu nigru warajk", qal Dr. Busuttil.





Fil-Bażilika tal-Isla…..


Skoperta ta' skultura imprezzabbli
wara aktar minn 500 sena


Dak li kellu jkun xogħol ta' kisi u żebgħa fil-Bażilika ta' l-Isla, li hi iddedikata lill-Vitorja, wassal biex inkixfet skultura imprezzabbli.  Filfatt kif beda jinqala' xi kisi li kien hemm mal-pilastri, mill-ewwel beda jidher li taħtu kien hemm l-iskultura, li maż-żmien għal xi raġuni kienet inksiet.  L-aħbar tas-sejba tista' tgħid li ġriet mal-Isla kollha u kienu bosta dawk li s-Sibt filgħaxija u anke lbieraħ filgħodu marru fil-Bażilika biex jaraw din is-sejba.  L-indikazzjonijiet huma li l-pilastri kollha li kien fadal mill-knisja l-antika qabel intlaqtet fit-tieni gwerra dinjija għandhom l-iskultura taħt il-kisi.
Ix-xogħol ta' xkatlar kien qed isir mill-aħwa Fava.  Huma kienu qed jaħdmu fuq il-pilastri tal-lemin li ma ġġarrfux bil-bombi.
Resident li tkellem ma' L-ORIZZONT qalilna li "ftit għadha inkixfet skultura imma tidher li hi skultura imprezzabli. Dettaljata ħafna.  Bla dubju li se tkompli ssebbaħ dan it-tempju u fuq kollox qed titfa' dawl ġdid fuq kif kien dan is-santwarju ħafna snin ilu. Din qatt ma konna nafu biha".
Proprju s-Sibt li għadda, voluntiera bdew ix-xogol għal tikħil u tibjid mill-ġdid ta’ partijiet mill-knisja. Malli bdew iwaqqgħu t-tikħil ma’ wieħed mill-pilastri, b’sorpriża tfaċċat skultura imprezzabbli. B’attenzjoni beda jitneħħa t-tikħil oħxon u rriżulta li wieħed mill-pilastri laterali tal-lemin li huwa oriġinali u li  ma ġġarrafx fil-gwerra, hu mimli minn tulu bi skultura ta’ arti kbira. B’kurżità u b’attenzjoni tneħħa tikħil minn pilastru ieħor u anke hawn tfaċċat skultura oħra. Ix-xogħol twaqqaf immedjatament u l-aħbar ta’ din l-iskoperta nxterdet mal-Isla kollha, b’riżultat li kulħadd mar jara dan it-teżor li ilu mgħotti għal mijiet ta’ snin. Saħansitra anke persuni barra mill-Isla, matul il-jum tal-Ħadd, żaru l-knisja biex jaraw din l-iskoperta.
L-Arċipriet tal-Isla, il-Kanonku Robin Camilleri, fiduċjuż li l-pilastri kollha laterali u oriġinali tal-lemin u forsi anke partijiet oħra huma mimlija bl-iskultura. Aktarx li din l-iskultura nksiet bit-tikħil fi żmien il-pesta tal-1831, forsi minħabba mikrobi li setgħu jiddepożitaw fl-iskultura!
Din l-iskoperta ġabet sitwazzjoni ġdida lill-Bażilika tal-Isla. Bla dubju li se jitħejja pjan li l-pilastri laterali u partijiet oħra tal-knisja li ma ġġarrfux bil-qilla tal-bombardamenti se jsir skavar fuqhom. Dan se jagħti dehra differenti ta’ dan il-Ġmiel ta’ Santwarju u jkompli jżid fl-attrazzjoni u fl-istorja tiegħu. Hu kkalkolat li l-ispejjeż se jkunu enormi, iżda l-Arċipriet qed jistenna li bil-provvidenza t’Alla se jsib bosta kontributuri.
Ta' min jgħid li l-knisja tal-Isla aktarx li nbniet mill-arkitett Vittorio Cassar fl-1580. Kienet meqjusa bħala Monument tar-Rebħa tal-Assedji tal-1565. L-Isla saret parroċċa fl-1581 u kienet ikkonsagrata fl-1743 mill-Isqof Paola Alpheran de Bussan. Fl-1786 il-Papa Piju VI iddikjaraha Collegiata Insignis fil-waqt li fl-1921 il-Papa Benedittu XV onoraha bit-titlu ta’ Bażilika ddedikata lil Marija Bambina. Il-bini tal-Knisja ġarrab ħsarat enormi bil-bambardamenti tat-Tieni Gwerra Dinjija fl-1941. Reġgħet inbniet kważi mill-ġdid u kkonsagrata mill-Arċisqof Mikiel Gonzi fl-1957. Illum il-popolazzjoni parrokkjali hi ta’ ftit aktar minn 2,700 persuna.


Sunday, January 24, 2016

Multa kienet se terġa’ taqflu ... Il-każ tal-ekspriġunier li ħareġ mill-ħabs b’ta' fuqu senduqu

Il-passi 'l quddiem li kien qed jagħmel l-ekspriġunier li ħareġ mill-ħabs b'ta fuqu senduqu, passi li għamilhom bis-saħħa ta' għajnuna li qed isibu minn voluntieri ta 'Prison Fellowship kienu se jispiċċaw itiru mar-riħ.  Dan hekk kif fl-aħħar sigħat, meta kienu se jżuruh f'daru sabuh qiegħed jippakkja biex jerġa' jidħol fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin.
Dan seħħ minħabba li wara li tkompla l-każ tiegħu l-Qorti hu ġie avviċinat minn Pulizija li qallu li kienu se jdaħħluh fil-faċilità korrettiva għax ma kienx ħallas multa. Spiċċa għal darba oħra jiddependi fuq il-karità. Il-voluntier ra li x-xogħol kollu kien se jispiċċa jitkisser fuq sempliċiment multa u għax ma' dan l-ekspriġunier  li hu persuna vulnerabbli kienet qed tintuża riga dritta, fejn donnu ħadd ma ta kas tal-progress li kien qed jagħmel u l-enfasi saret li jew iħallas jew jispiċċa ġewwa.  Quddiem dan, il-voluntier għażel il-loġika - dik li l-ekspriġunier ikompli bit-triq li qabad tar-riforma. Il-multa ħallasielu minn butu l-istess voluntier. 
Il-voluntier Mark Vella meta kuntattjat minn inewsmalta.com qalilna li "jiddispjaċini ngħid li mikn jidħol f'każi individwali. M'hawnx impenn biex persuna tirriforma". Kompla jgħidilna li "l-ħabs għandu bżonn wisa' biex joffri aktar servizzi ta riabilitazzjoni. u aktar professjonisti f''care plans'.  B'total ta' 600 priġunier, il-ħabs dan diffiċli jew impossibli. Meta jingħata pleġġ nixtieq li ssir verifika tal-post fejn il-persuna se tkun toqgħod li jkun abitabli u li l-persuna jkollna l-flus biex tgħix".
Mark jgħidilna li "meta dan l-eks priġunier ħareġ mill-awla sab Pulizija li nfurmah li kellu multa qadima ta' €200  u ma kienx ftakar fiha biex iħallashom. Peress li għaddew sitt xhur  - iż-żmien li fih kellu jħallas, iddeċidew li tiġi kkonvertita f'ħabs. B'qalbu maqsuma talab lill-Ispettur biex itih ċans sa l-għada. Mort fid-dar tiegħu u nsibu jippakkja l-ħwejjeġ biex jerġa' jidħol il-ħabs. Ma kienx jaf li jien kont sejjer għandu bi ħwejjeġ u ikel. Iddeċidejt u ħriġt l-€200  jien stess.  Taf kemm beka miskin. Qalli ili minkejja l-għaqal kont se nitlef kollox. Jixtieq qassis biex ibierku u jberiklu d dar. Talabni nagħmel appell għat-talb biex jibqa' sod u bogħod mill-kriminalità".  
Mark Vella jgħidilna li "ma nafx kif ħadd ma fakkru waqt li kien il ħabs dwar din il-multa? L-għassa ħadd ma jfakkru dwar iż-żmien li fih għandu jħallas il-multa. Tajjeb wieħed ifakkar li kull priġunier fil-faċilità korrettiva ta' Kordin  jiswa €60  kuljum lill-pajjiż. Peress li dan iż-żagħżugħ jiffirma kuljum l-Għassa minħabba l-pleġġ kont nistenna li jfakkruh dwar il multa ta'  €200."
Intant l-ekspriġunier, kiteb ittra lill-istess voluntier li fiha jgħid li "jien kont batut minn kollox. Minn għamara sa anke ikel u sapun. Meta ġew l-ewwel darba ikellmuni fehmu mill-ewwel is-sitwazzjoni tiegħu u raw id-dar  u l-mod kif kont qed ngħix.  Innutaw li verament għandi bżonn u bdew billi għamluli xirja u għal grazzja t'Alla dak il-ħin bdejt inħoss kuntentizza kbira. Irringrazzjajt l-Alla ta' kemm il-darba tlabtu u semagħni. Kelli l-aħjar Milied f'dawn l-aħħar għaxar snin u l-ġurnata meta kellu għeluq snini qattajtu magħhom u ħaduni niekol u tawni riġali sbieħ ħafna. Veru apprezzajt dak kollu li qegħdin tagħmlu miegħi. Mark Vella tal-Prison Fellowship għadu jieħu ħsiebi sal-ġurnata ta' llum u veru  jagħmilli kuraġġ u jġiegħlni nersaq aktar lejn Alla għax kont ili ma nitlob. Kont qed naqta' qalbi imma Il-Mulej bagħat lil Mark Vella u vera nħossni fil-paċi ta' Alla meta nitkellem miegħu".

Fi żmien xahar għandu jinbeda r-restawr fuq Casino Notabile

F'laqgħat li seħħew fl-aħħar jiem, il-partijiet involuti fir-restawr tal-Casino Notabile li jinsab fit-telgħa tas-Saqqajja r-Rabat, qablu bejniethom dwar kif għandu  jitmexxa r-restawr u kollox jinsab lest biex fi żmien xahar iehor jinbeda ir-restawr fuq din il-binja. Kif jitlesta r-restawr, din il-binja se tibda tintuża għal esebizzjonijiet, u dan wara li kien inħareġ tender mill-Kunsill Lokali tal-Imdina.   Jirriżulta li kif jitlesta r-restawr, m'għandux ikun hemm perjodu twil biex il-binja tkun tista' terġa' titgawda mill-pubbliku inġenerali.
Sorsi li tkellmu ma' inewsmalta.com spjegawlna li "kollox jinsab lest biex jinbeda r-restawr.  Dawk involuti ltaqgħu fejn ġew diskussi l-pjanijiet tar-restawr u dan se jinbeda fi żmien qasir ħafna". 
L-istess sorsi qalulna li "kif jitlesta r-restawr li qed nittamaw li jdum madwar disa' xhur jew ftit aktar, il-post ma jdumx ma jerġa' jibda jitgawda mill-pubbliku inġenerali".  L-istess sorsi qalulna li ftit metri bogħod minn din il-binja hemm binja oħra li 
Fuq il-binja saru spezzjonijiet minn ġewwa u anke kienu ttieħdu ritratti. Iż-żmien u l-elementi għamlu diversi ħsarat f'din il-binja. Il-ħsara tant kienet kbira li feġġew konsenturi kbar fl-iskultura u kellhom isiru puntali u wara 'scaffolding' biex iżommu l-istrutturi f'posthom. 
Jidher biċ-ċar li r-restawr ma jridx isir biss fuq l-is­trut­tura imma jrid ikun mill-pe­da­menti, l-istess kif ġara fuq is-swar li hemm ftit bogħod. Il-problema tal-Casino Notabile tidher li hi ġejja mill-pedament, fejn hemm anke għajn taħtu u għalhekk is-sitwazzjoni hi meqjusa bħala 'delikata'. 
Il-Casino Notabile, li kien iddisinjat mill-Perit Webster Paul­son, inbena fis-sena 1887 u l-għan tiegħu kien speċifikament għal dawk meqjusin bħala “tal-klassi għolja” li kienu jgħixu fir-Rabat u l-Imdina. Il-Casino Notabile kien mibni fuq għajn tal-ħasselin, li għadha hemm sal-lum, għalkemm l-ilma nixef. L-istorja tal-Casino Notabile tibda fi żmien l-Imperu Ingliż (1800), meta dak iż-żmien bdiet ukoll bidla fl-arkitettura. Kien iż-żmien li beda dieħel l-istil neoklassiku u strutturi Gotiċi. L-Imperu Ingliż ried li juri l-preżenza tiegħu f’Malta u dan anke billi jinbena bini f’dan l-istil. Wieħed minn dawn il-binjiet hu l-Casino Notabile fit-telgħa tas-Saqqajja, iddisinjat mill-Perit Webster Paulson.

'Kull meta kien hemm kliem laxk ġbidna l-attenzjoni' - Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, Pierre Cassar, meta mitlub jikkummenta minn inewsmalta.com, iddikjara li l-Awtorità tax-Xandir tagħmel monitoraġġ tal-programmi u jitħejja rapport fuqhom u li dawn imbagħad jaslu għandu.
"Nikkonferma li rajna għadd ta' filmati fuq is-siti soċjali b'ċertu lingwaġġ. Jien meta r-rapporti jaslu għandi nressaqhom quddiem l-awtorità biex issir diskussjoni dwarhom. Kull meta kien hemm lingwaġġ laxk, l-Awtorità tax-Xandir dejjem ġibdet l-attenzjoni."
inewsmalta.com ipprova jagħmel kuntatt mal-Avukat Emy Bezzina iżda t-tentattivi tagħna rriżultaw fin-negattiv. 
Il-Kap Eżekuttiv, meta mistoqsi jekk hemmx xi programmi oħra li se jkunu diskussi minħabba nuqqasijiet li jista' jkun hemm, qalilna li bħalissa hu l-Parlament tal-Poplu li se jkun diskuss.
Fil-programm il-Parlament tal-Poplu kien hemm semmiegħa li ċemplu u użaw kliem laxk għall-aħħar, bil-preżentatur jirrispondihom lura billi jgħidilhom li huma 'piżelli'.


'Il-ġurnata tal-firda iebsa wisq…hi u ommha saru t-tfal tagħna' - mama Doda




Għandha sena u nofs biss. Jgħidulha 'Prinċipessa Maria'. Ma tistax ma tinnotax li kif tara lil Jason u Doreen għajnejha jixgħelu. Lil Doreen tgħidilha 'mama Doda'. Jason u Doreen min-naħa tagħhom saru jħobbuha.  Magħhom ma kien jonqosha xejn u kif jgħid il-Malti kienet 'fuq wiċċ l-idejn'. Jgħidulek bla tlaqliq - "it-tifla u ommha inqisuhom qishom it-tfal tagħna".  Jieqfu għal ftit u jħarsu fiss lejk u jgħidulek "aktar ma toqrob il-ġurnata li ninfirdu minn magħhom aktar inħoss id-diqa." 
Jason, kważi bid-dmugħ f'għajnejh jgħidli, "M'għandix qalb u kuraġġ immur l-ajruport narahom sejrin". Doreen tgħidli li "lanqas irrid niftakar li waslet il-ġurnata li titlaq lejn l-Istati Uniti".  Minkejja l-mument iebes li għaddejjin minnu hekk kif se jispiċċaw jinfirdu minn din it-tifla li kienu qed irabbu biex ommha li hi Eritreana tkun tista' taħdem, Jason u Doreen se jibqgħu jappoġġjaw lil omm u lit-tifla.  "Meta trid aħna hawn qegħdin u l-bieb hu miftuħ", waqt li ma jonqsux li jirrimarkaw li jridu jibqgħu f'kuntatt ma' din l-omm u bintha.
Doreen u Jason huma koppja li ftit tax-xhur ilu saru jafu lil din l-omm Eritreana. Minħabba n-natura tax-xogħol tagħha bdiet issibha diffiċli biex tlaħħaq mal-bżonnijiet tat-tifla żgħira tagħha u fl-istess ħin tonora l-impenji tax-xogħol tagħha.  L-omm, spiċċat f'pajjiżna waħidha għax is-sieħeb tagħha, ħabta u sabta kien telaq minn pajjiżna mingħajr ma infurmaha.
"Ridna noffru l-għajnuna tagħna. Offrejnielha li jekk trid tista' tiġi toqgħod magħna u li anki lesti li nżomm u nrabbu lit-tifla biex hi tkun tista' taħdem.  Konna nafu li l-ħajja tagħha hawn mhix faċli u li ma kellha xejn", qalilna Jason.
"It-tifla spiċċat tgħix magħna. Inħobbha daqs dawl għajnejja. Tifla ferriħija ħafna. Ma kienet nieqsa minn xejn. Noħorġuha, nilgħabu magħha, qisha t-tifla tagħna", tgħidli Doreen, waqt li qaltli li "kellha tiġi llum hawn imma ommha għadha għaddejja bil-preparamenti u qaltli li ma setgħatx tiġi".
F'kafeterija fil-Ħamrun, Jason u Doreen spjegawli kif wara li kienu ilhom minn Ġunju bit-tifla tgħix magħhom, bħal sajjetta fil-bnazzi ġew infurmati mill-omm li kien hemm ċans tajjeb li hi tintgħażel biex tibda ħajja ġdida ma' bintha fl-Istati Uniti.
"Meta qaltilna li ntgħażlet, konna kuntenti imma mdejqin fl-istess ħin. Nafu li se jkollhom futur aħjar hemm. Imma nafu ukoll li se nkunu l-bogħod ħafna minn xulxin. Issa l-kuntatt se jkun differenti ħafna. Dik li tgħannaqha miegħek u tħoss it-tgħanniqa tagħha, issa se tispiċċa", tgħidilna Doreen.
Fil-pront tinstema' għajta. Doreen tħares lejn il-bieb ta' barra u wiċċha jixgħel. Maria u ommha kienu ġew. Kif resqu ħdejn il-koppja Maria mill-ewwel bdiet tiċċaqlaq fil-pram waqt li b'idejha bdiet tipponta lejn Doreen. Ftit sekondi wara kienet f'idejn Doreen, li mill-ewwel ħaditha fi spazju li fih għadd kbir ta' logħob għat-tfal.
"Irrid nirringrazzja lil din il-familja. Għenuni ħafna. Imnalla kienu huma għalija. Marija magħhom ma kien jonqosha xejn. Grata ħafna lejhom. Grazzi ħafna", tgħid l-omm waqt li ħarset lejn Jason.
"Aħna allavolja hawn il-bogħod u mhux se nkunu nistgħu narahom mill-qrib, se nkomplu nsegwuhom u fejn hemm bżonn ngħinuhom  u nipproteġuhom sakemm immutu", jgħid Jason.
L-omm tispjega kif ħasset li t-tifla kien se jkollha futur aħjar fl-Istati Uniti. "It-tifla twieldet hawn. Jien ilni erba' snin hawn. Ngħid li l-Maltin huma nies li jilqgħuk. Għandi ħafna ħbieb Maltin. Irrid nirringrazzja lil poplu Malti talli laqgħana".  Tispjegalna kif għandha tnejn minn ħutha li jinsabu s-Sudan, iżda t-tentattivi biex jinġabu hawn rriżultaw fin-negattiv.
"L-ajruport mhux se niġu.  Iebsa wisq biex niġu hemm", jgħidilha Jason. L-omm tħares lejh u bid-dmugħ f'għajnejha tgħidlu "nifhmek. Imma l-Ħadd tridu tiġu għall-festin li se nagħmel. Ilni ħafna nipprepara. Dakinhar irrid narawkom hemm", tgħid l-omm, li tissorprendik għax minkejja li ilha hawn erba' snin titkellem u tifhem tajjeb ħafna bil-lingwa Maltija.
Maria kienet maħbuba ħafna f'Santa Venera fejn kienet qed tgħix u kienet tiġbed l-attenzjoni ta' kulħadd fin-nursery tal-futbol ta' Ħamrun Spartans.  F'SamSam Childcare, fejn kienet tattendi kienet tmur tajjeb ħafna mat-tfal.
It-tlieta li aħna spiċċajna  nħarsu lejn Maria, li bdiet iddur kull ġugarell li kien hemm fl-ispazju li ttieħdet fih minn Doreen.  Probabbilment kienet l-aħħar darba li marret tilgħab f'dan il-post. Ovvjament ebda ħsieb f'rasha li f'temp ta' ftit jiem, kienet se tinfired minn dawk li għal tant ġimgħat tawha x'tiekol, libsuha u lagħbu magħha.  It-tama tal-koppja Maltija, li tat l-appoġġ lil din it-tifla u l-omm  bla kundizzjoni ta' xejn, hi li kif tistabbilixxi ruħha fl-Istati Uniti, jitkompla il-kuntatt u min jaf forsi fi żmien mhux tant il-bogħod, Maria, Jason u Doreen jerġgħu jgħannqu lil xulxin.
Ma jistax jonqos li t t-tfal ta' Jason u Doreen ukoll se jħossu n-nuqqas ta' Maria u ommha. Melanie-Jo u Juan-Carlos, tista' tgħid li kienet l-għaxqa tagħhom jilagħbu magħha. Ta' min jgħid li apparti din il-koppja kien hemm Brenda u Mariella li ħadu ħsieb lill-omm u lil Marija fi żmien it-tqala fl-ewwel xhur tat-tifla.

Wednesday, January 20, 2016


Il-Kunsill tal-Belt segwit… sa Lulju kien ta b'€194,000 f'direct orders

Il-Kunsill tal-Belt Valletta, immexxi minn maġġoranza Nazzjonalista, qed ikun segwit mid-Dipartiment tal-Monitoraġġ tal-Gvern Lokali minħabba d-direct orders li ta fis-sens 2015. Minn tweġiba Parlamentari li ngħatat mill-Ministru Owen Bonniċi għal domanda tad-Deputat Laburista Luciano Busuttil dwar jekk id-direct orders li ngħataw qabżux it-threshold ta' direct orders, jirriżula li l-Kunsill tal-Belt Valletta fis-sena 2012 kien ta b'€207,138 f'direct orders, fis-sena 2013 kien ta b'€115,263, fis-sena 2014 kien ta b'€214,719 u sa Lulju tas-sena 2015 kien ta b'€194,044.
Dwar jekk dawn jaqbżux it-treshhold tad-direct order, il-Ministru Bonnici qal li l-Kunsill ma kienx jagħraf jirrispondi. Żied jgħid li sadanittant, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali permezz tal-Monitoring Unit qiegħed isegwi dan il-każ.
 


Ir-reklamar għall-Baġit sewa €200,000... 48% inqas mill-ispiża tal-aħħar Baġit Nazzjonalista



Il-Prim Ministru Joseph Muscat, f'informazzjoni li ta fil-Parlament għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli, qal li l-kampanja ta' reklamar u informazzjoni dwar il-Baġit tas-sena 2016 swiet €200,560. Qal li din hi 48 fil-mija inqas minn kemm kien nefaq il-Gvern Nazzjonalista biex irreklama l-aħħar Baġit tiegħu għas-sena 2013.
Clyde Puli staqsa x’kienet in-nefqa totali tal-Gvern fuq reklamar u informazzjoni dwar il-Baġit 2016; fuq xiex intefaq dan l-ammont; min kienu u kemm tħallsu l-kuntratturi li ħadmu fuq dan ix-xogħol; u liema xogħol ingħata b’tender u liema xogħol ingħata wara sejħa pubblika.
Il-Prim Ministru wieġeb li, "L-ispiża fuq il-kampanja ta’ informazzjoni dwar il-Baġit 2016 kienet ta’ €200,560. Din tkopri spejjeż marbutin ma’ iffilmar, editing, dwal, sound, produzzjoni ta’ avviżi informattivi fuq gazzetti, televiżjoni, radju u onlajn, konferenzi tal-aħbarijiet u loġistika kollha relatata. Din l-ispiża kienet €19,440 jew 9% inqas mill-ispiża fuq il-kampanja ta’ informazzjoni dwar il-Baġit 2015."
Il-Prim Ministru qal li, "Ix-xogħol sar minn Force 5, webee, Que Sound, Nexos, TEC, HALO, AF Signs, Matthew Cesareo, Aaron Briffa, Centrecom, Vintage Concepts, Ikona Artworks u PBS. Ix-xoghol inghata skont ir-regolamenti finanzjarji tal-gvern, wara li intalbu kwotazzjonijiet. L-ispiża fuq il-Baġit 2016 kienet ukoll €184,762 jew 48% inqas minn kemm kienet l-ispiża marbuta mal-kampanja għall-Baġit 2013, l-aħħar Baġit tal-gvern li kien jagħmel parti minnu, li kien magħruf minn qabel li ma kienx se jigi approvat mill-Parlament.
"L-ispiża fuq il-kampanja ghall-Baġit 2013 kienet ta’ €385,322. L-approvazzjoni għall-ħlas ta’ din l-ispiża ngħatat mill-Ministru tal-Finanzi ta’ dak iż-żmien, lejlet id-data tal-aħħar elezzjoni ġenerali."

Il-KAY miżmum... imfittex għal €45 miljun

Il-bastiment  KAY, li għal ħafna jqanqal mistoqsijiet minħabba li ilu ftit mhux ħażin ankrat f'baċir ta' dik li kienet il-Malta Shipbuilding, issa jinsab miżmum u ma jistax jitlaq minn pajjiżna. Fuq dan il-bastiment, hemm talba għal ħlas ta' xejn inqas minn €45 miljun. Fi kliem espert marittimu li tkellem magħna, "Dan il-bastiment ilu għal dawn l-aħħar snin jitpoġġa f'portijiet diversi fejn suppost kellu jsir tibdil kbir fih  biex  finalment isir bastiment lussuż tal-passiġġier. Biss il-proġett baqa' ma ġiex mitmum."  Issa l-bastiment jinsab f'battalja legali fejn kumpanija tal-bini tal-vapuri li kienet proprjetà tal-vapur qed titlob ħlas ta' €45 miljun fil-qrati Maltin.
Sa issa għad mhux magħruf x'se jkun il-futur u jekk hux se jitkomplew il-pjani biex dan ikun ikkonvertit f'bastiment tal-passiġġieri lussużi.  Sorsi qalulna li l-bastiment kien ġie mtawwal għal 122 metru u fuqu kienu saru alterazzjonijiet fl-istrutturi ukoll. Biss jidher li qabel tlestew proġett oħra fuq in-naħa ta' ġewwa tal-bastiment, il-proġett kien ġie sospiż. Dakinhar ma ngħatawx raġunijiet.
Il-bastiment kien inġab Malta fl-aħħar tas-sena 2013, fejn l-ispekulazzjonijiet kienu li l-proġett biex dan isir bastiment tal-passiġġieri lussuż jintemm hawn. Finalment iżda hawn ma sar xejn", qalilna l-istess sors.
Dan il-bastiment oriġinarjament kellu l-isem ta' Vladimir Chivilikhin u kien inbena għall-Ministeru tal-Enerġija ta' dik li kienet l-Unjoni Sovjetika. Inbena fis-sena 1990 f'Gydinia  l-Polonja. Dan  il-bastiment hu wieħed minn sitta li kienu nbnew għall-istess Ministeru.
Ġara li ftit wara waqa' l-Komuniżmu u l-bastiment kien trasferit għand Vladivostok Base of Trawling and Refrigeration Fleet. Fis-sena 1998 inbiegħ lil Falklands Investments Ltd u hemmhekk ingħata l-isem ta' KAY.
Minn dakinhar bdew il-pjani biex il-bastiment ikun konvertit f'bastiment tal-passiġġieri lussuż. Sena wara reġa' inbiegħ lil Pacific Seaways SA u fis-sena 2001 kien ittieħed f'Keppels f'Singapore biex isiru l-bidliet fil-bastiment.  Filfatt hemm hekk kienu saru xi xogħlijiet. Fis-sena 2007 kien ittieħed fi Split iżda l-bastiment spiċċa ankrat fi Vranic.  F'Marzu tas-sena 2011, il-bastiment telaq Brodotrogir, iżda anki hawn ftit li xejn sar xogħol fuqu.




 'Għal ħafna jiem bqajt naħseb fuq it-tifla
li ntefgħet il-baħar u l-ħut jieklu minnha"
      - tifel immigrant



"Meta kont fiċ-ċentru Baobab innutajt tifel żgħir li kien qed jattendi sessjoni ta' informazzjoni. Rajt li qagħad fil-ġenb matul il-ħin kollu tas-sessjoni. Jien kont impressjonat mill-fatt li kien jidher waħdu minkejja l-età żgħira tiegħu. Kif ersaqt lejh beda jitkellem fuq il-vjaġġ tiegħu. Fl-Eġittu ffaċċja d-detenzjoni. Meta kien se jaqbad id-dgħajsa fil-vjaġġ lejn l-Ewropa, hu ra raġel Etjopjan li ma kienx jaf jgħum jegħreq quddiem għajnejn dawk li kien hemm fid-dgħajsa.
"Ġurnata wara, fuq id-dgħajsa sema' ħafna twerżiq minn omm Sirjana. Din kienet qed tipprova tqajjem lil waħda miż-żewġt itfal tagħha. Beda jismagħha tgħajjat isimha u beda jara li bdiet iċċaqlaqha. Oħtha l-oħra kienet qed twerżaq b'mod iddisprat.  It-tifel fehem li dik it-tifla kienet mejta. Il-missier u irġiel oħra Sirjani poġġew il-katavru tat-tifla fit-tarf tad-dgħajsa fejn hemm hekk seta jaraha. Ra d-disperazzjoni ta' l-omm waqt li nisa Sirjani kienu qed ifarrġuha. Rahom ikebbuha. Wara ra li tefgħuha l-baħar.
"It-tifel jgħid li għal ħafna jiem baqa' jaħseb fuq kif il-ħut kienu kielu dak il-ġisem ta' tifla żgħira. Dan il-ħsieb spiss jiġu quddiem għajnejh. Ħolom dwar dan ukoll. Fil-ħin li tkellimt miegħu f'moħħu kellu biss żewġ ħsibijiet, il-ġisem tat-tifla u r-riskju li jeħdulek il-marki tas-swaba'."
Din hi waħda mill-esperjenzi li ġew rakkontati f'rapport li għadu kif ġie pubblikat minn Medecins Sans Frontieres.  Ir-rapport hu intitolat "L-ostakli fil-vjaġġi lejn l-Ewropa".
Fir-rapport tagħhom, Medecins Sans Frontieres (MSF) ikkritikaw il-politika tal-Unjoni Ewropea. Id-Direttur tal-Operazzjoni ta' MSF, Brice de le Vingne, qal li, "Mhux biss l-Unjoni Ewropea u l-Gvernijiet Ewropej b'mod kollettiv naqsu li jindirizzaw l-kriżi, imma l-iffukar tagħhom kien fuq il-politika ta' deterrent flimkien ma' rispons kaotiku għall-bżonnijiet umanitarji  ta' dawk li qed jaħarbu minn sitwazzjonijiet li qed jeħżienu f'pajjiżhom."
Mir-rapport joħorġu testimonjanzi ta' ħaddiema ta' MSF, flimkien ma' informazzjoni medika, flimkien ma' dettalji tal-konswegwenzi umanitarji  tal-azzjonjiet Ewropej.  Mir-rapport joħroġ kif l-azzjonijiet Ewropew u l-ħitan li ttellgħu, sfurzaw lil MSF u lil organizazzjonijiet umanitarji oħra biex iżidu l-attivitajiet tagħhom.
De Le Vingne jgħid li, "Il-fatt li għadd ta' persuni qed ifittxu sigurtà u ħajja aħjar fl-Ewropa mhux xi fenomenu ġdid. Għall-kuntrarju, hu wieħed familjari għal ħafna snin. Imma quddiem il-fatt li fil-bidu tas-sena 2015 hekk kif il-Mediterran beda jinbidel f'ċimiterju, MSF iddeċidiet li ma toqgħodx tħares minn fuq ix-xatt. Fis-sena 2016, il-pajjiżi Ewropej għandhom jaraw l-impatt tad-deċiżjonijiet tagħhom, jassumu r-responsabbilitajeit u jitgħallmu mill-iżbalji tagħhom."
Ir-rapport jiddeskrivi l-ostakoli għall-immigranti biex jidħlu fl-Ewropa, liema ostakoli saru minn gvernijiet Ewropej u mill-Unjoni Ewropea. Dawn l-ostakoli saru għal persuni li qed jaħarbu minn gwerer, persekuzzjonijiet u kunflitti, jgħid id-rapport.
Ir-rapport jgħid ukoll li l-Ewropa ma pprovdiet l-ebda alternattiva għar-rotta tal-mewt fuq il-baħar, spiċċat bniet il-ħitan u proċeduri amminsitrattivia ta' reġistrazzjoni li wasslu għal vjolenza. MSF ikkritikaw  receptions centres li mhumiex adekwati fl-Italja u l-Greċja.  MSF se tibqa' ssejjaħ biex ikun hemm aċċess sigur għall-persuni li jkunu jridu jidħlu lejn l-Ewropa.

Tuesday, January 19, 2016

Kull min se jissellef aktar minn €5,000 se jitniżżel f'reġistru tal-Bank Ċentrali

Kull min se jissellef aktar minn €5,000, jew ikollu kreditu mal-istess banek Maltin ta' dan l-ammont jew aktar, se jispiċċa jitniżżel f'reġistru li se jinħoloq u li se jkun għand il-Bank Ċentrali. Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ammetta li jifhem li dan jaffettwa l-kunfidenzjalità u l-libertà tal-individwu, waqt li tkellem dwar l-abbozz ta' Liġi biex jemenda l-Att dwar il-Bank Ċentrali.
Il-Ministru Scicluna qal li, "Dan se jkun reġistru fuq djun u self attwali u kontinġenti li jirriżultaw minn faċilitajiet ta' kreditu minn aġenziji liċenzjati. Hemm il-ħsieb li jiġi stabbilit ammont minimu ta' kreditu ta' €5,000. Jiġifieri l-informazzjoni tinġabar biss jekk jinqabeż dan l-ammont ta' self. Dan se jkun qed jiġbor informazzjoni kemm fuq kumpaniji u anke persuni individwali minn banek Maltin.
"Billi r-reġistru hu għodda biex tgħin lill-banek biex jevalwaw ir-riskji ta' kreditu, dan għandu jiffaċilita s-self għax issa jistgħu jikkalkulaw is-self tar-riskju. Kull min qed jagħti self qed jieħu riskji li min issellef jista' ma jasalx. L-evalwazzjoni ta' dan it-tip ta' riskju tiddependi dwar kemm għandu dejn u dwar jekk hux qed jaqa' lura.
"Ir-reġistru se jgħin fil-kompetittività bejn il-banek. Il-ħtieġa ta' reġistru hi kkonfermata għax anke l-Bank Dinji jqis din l-għodda bħala li tiffaċilita l-kreditu. Il-Bank Ċentrali qed jingħata r-responsabbilità tar-reġistru. Il-Bank Ċentrali qed jipprepara l-infrastruttura biex l-informazzjoni tinġabar b'sigurtà. Din l-informazzjoni se tkun ristretta għal numru żgħir ta' impjegati fil-Bank Ċentrali u għal numru żgħir ta' impjega fil-banek lokali.
"L-ispiża tas-sistema se tinqasam bejn il-Bank Ċentrali u l-banek involuti. Dawn se jwasslu għal tisħiħ tal-analiżi ta' kreditu u tisħiħ tal-istabbilità bankarja lokali."
Il-Ministru Scicluna qal li d-djun ġabu l-kriżi finanzjarja u qal li llum għadna ma rkuprajniex minn dik il-kriżi. Qal li għalhekk id-dejn privat hu perikoluż u jrid ikun segwit. Qal li jrid ikun hemm bilanċ bejn il-kunfidenzjalità u l-libertà tal-individwu u s-sigurtà finanzjarja.
"Nafu x'ġara fil-każijiet li għandna ta' meta falla bank u għadna ma solvejniehx. Kumpaniji barranin li jissellfu minn banek Maltin ukoll se jiddaħħlu f'dan ir-reġistru," qal il-Ministru.

9 każijiet ta' sportivi li nstabu li ħadu sustanzi projbiti... l-akbar ammont fir-Regatta

Matul is-sena 2015 saru 72 test fuq sportivi għad-doping min-NADO ta' Malta. Minnhom irriżulta li kien hemm disa' każijiet ta' sportivi li kienu ħadu sustanzji projbiti. Minn dawn kien hemm każ fil-futsal, wieħed fil-boxing u seba' każijiet fir-Regatta. Il-Ministru Evarist Bartolo fi tweġiba Parlamentari għal mistoqsija tad-Deputat Laburista Godfrey Farrugia qal li, "Fis-sena 2015 saru 72 testijiet tad-doping min-NADO ta’ Malta. Minnhom, 61 kienu in competition u 11 kienu out of competition. Minn dawn kien hemm disa’ Adverse Analytical Finding, li jfisser li nstabu sustanzi projbiti fis-sample tagħhom. Dawn kienu każ wieħed mill-futsal, sebgħa mir-Regatta u każ wieħed mill-boxing.
Il-każ tal-boxing u ħamsa mir-Regatta ser jinstemgħu dalwaqt quddiem il-Bord tad-Dixxiplina."

Il-Kappillan ta' San Pawl il-Baħar m'għandux xi jżid dwar il-kwistjoni tal-perżut

"Dak li għedt għedt. M'għandix xi nżid jew innaqqas mal-kummenti li għamilt diġà qabel. Dak li qalu lili kien kunfidenzjali. M'għandix aktar xi nżid." Dawn kienu l-kummenti li għaddielna l-Kappillan ta' San Pawl il-Baħar, Fr Michael Attard, meta ġie kkuntattjat biex jagħti l-kummenti tiegħu dwar il-fatt li l-Kap tal-Iskola ta' San Pawl il-Baħar kitbet fis-sit soċjali tagħha li l-iskola qatt ma żammet milli jiddaħħal perżut. Hi qalet li għejiet bl-attakki fuq l-iskola minħabba d-diversità. Din il-kwistjoni qamet wara li saret omelija  fil-Knisja Parrokkjali ta' San Pawl il-Baħar, u din kienet darrset lil diversi persuni. Dan hekk kif tqajjem il-punt li ħaddiema soċjali lmentat mal-parroċċa li fl-Iskola ta' San Pawl il-Baħar kien qed ikun hemm problema b'xi ġenituri ta' tfal li huma Musulmani u li bdew jiddejqu li tfal oħra qed ikollhom ħobż bil-perżut.
Il-kappillan f'kummenti li kien tana  qatt ma semma li l-ilmenti ġew mill-iskola, iżda dejjem qal li l-ilmenti saru minn ħaddiema soċjali. L-istess kappillan ma naqasx li jenfasizza li hu jilqa' l-multikulturaliżmu.
Meta kien ikkuntattjat xi jiem ilu, il-kappillan kien qalilna li, "Ridt inwassal messaġġ imma jista' jkun li nftehem ħażin. Għandna tfal Musulmani li jiġu l-quddies. Imma hemm oħrajn, skont kif qaltli ħaddiema soċjali, li qed isibu problema li tfal oħra jkollhom ħobż bil-perżut. Il-messaġġ tiegħi hu li nilqgħu l-multikulturaliżmu imma kulħadd għandu jirrispetta d-drawwiet ta' xulxin. Hemm bżonn edukazzjoni ukoll dwar dan ir-rigward."
Ovvjament malajr kien hemm min beda jxerridha li tfal Musulmani kienu qed jheddu tfal Maltin, bil-Kappillan jgħidilna li hu ma semmiex theddid iżda qal li hemm problema fuq il-kwistjoni tal-perżut.

Wara l-ewwel ittra anonima xenofobika…'nitolbok tiskużani'


Il-każ tal-ittra anonima li rċieva ġurnalist ta' Union Print Co. Ltd, liema ittra kienet segwita minn mewġa ta' solidarjetà fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, il-Mexxej tal-Alternattiva Demokratika, il-Professur Arnold Cassola u l-Isqof Mario Grech, kellha żvilupp iehor lbieraħ. Dan hekk kif fl-uffiċini tagħna waslet ittra oħra mingħand l-istess persuna anonima fejn din id-darba dan skuża ruħu għat-tieni parti tal-ittra.
Fl-ewwel ittra l-ġurnalist Victor Vella u l-familja tiegħu, li tinkludi zewġt itfal adottati mill-Etjopja, spiċċaw fil-mira ta' insulti u tgħajjir personali.
It-tieni ittra anonima kienet tgħid li, "Qiegħed nerġa' niktiblek biex nitolbok tiskużani għat-tieni parti tal-ittra anonima tiegħi. Nassigurak  solennement li qatt u qatt ma kienet intiża li tkun ta' xi forma ta' theddida lilek jew lill-familja tiegħek. Min jafni jista' jaħliflek li jien nidħol fil-kategorija ta' dawk li l-Ingliżi isejħulhom  'they simply would not hurt a fly."
L-ittra tkompli tgħid li, "Fortunatament ngħixu f'pajjiż fejn jekk xi ħadd irid jadotta familja ta' Marzjani dan jista' jagħmlu liberament dejjem sintendi jekk il-Marzjani jinstab li jeżistu…! Min-naħa l-oħra nassigurak ukoll li jien wieħed minn dawk li daqskemm kont xellugi sirt lemini, sa minn mindu splodiet ma' wiċċna din il-problema.  Neħodlok ġurament  li jien nikklassifika lili nnifsi fost it-top - suq ħa, fost it-top 50 ta' dawk li jibqgħu jaduraw lill-Perit  Mintoff sa l-aħħar nifs ta' ħajjithom.  Il-poster tal-perit li jmur lura sa l-elezzjoni ta' l-1971 trid tara Vic.!!!. Għadu mint condiditon. Nassigurak li poster ta' Alfred Sant u Joseph Muscat qatt ma bboderjajt saħta."
L-ittra tkompli tgħid li, "Mela dak il-'heading' kollu, sewwa bil-problemi kollha li għandu l-pajjiż bħall-faqar dejjem jiżdied, tlett suwiċidji fil-ħabs fl-isptar Monte Carmeli f'temp ta' erba' ġimgħat u x'naf jien. Eżattament intom ta' l-orizzont kif tirreaġixxu li tassew kellhom jinvaduna l-Marzjani? Billi tippubblikaw xi ritratt mill-film 'Mars Attack' b'wieħed Marzjan qiegħed jurina dik id-daħka mxajtna tiegħu bħal qisu jrid jgħidilna 'Bnedmin tal-pjaneta Dinja…issa aħna nikkmandaw hawnhekk!!!! Nagħlaq billi mill-ġdid nibagħtlek  l-iskużi sinċieri tiegħi u billi ngħidlek li l-isem tal-Prim Ministru Pollakk  għadu qiegħed jaħrabli…jew forsi hi mara jisimha Beata xi ħaġa wara kollox? 'Beata' isem ftit stramb għal xi ħadd lemin estrem xenofobiku, ma taqbilx? Saħħiet u jalla l-Etjopja tgħaddi għat-Tazza tad-Dinja li jmiss."
L-ewwel ittra anonima fost affarijiet oħra kienet tgħid, "Sur V.V. għax ma tagħmilx pjair kbir lil pajjiżna u ddabbar rasek int, familtek u dik il-familja klandestini li tgħajjex miegħek lejn Mogadishu jew Khartoum?"
Fid-dawl ta' din l-apoloġija parzjali, inewsmalta.com qed jistieden lill-awtur ta' dawn l-ittri biex nieħdu l-veduti tiegħu fuq is-suġġett wiċċimbwiċċ. Il-kunfidenzjalità hija assigurata.

Propost żvilupp fil-Ponta tal-Munxar... 'Se nkunu qed inħarsu l-pajsaġġ'

Hekk kif għadd ta' residenti li huma midħla tal-Ponta tal-Munxar f'Wied il-Għajn diġà qed juru it-tħassib tagħhom għal proposta li saret mal-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex fil-Ponta tal-Munxar ikun hemm guest house, pixxina, ristorant, ċentru tal-konferenzi, 'farm retail outlet', serer, razzett bl-annimali u faċilità biex minnha jkun osservati l-għasafar. Ma' dawn se jkun hemm ukoll fitness centre, salon u ħanut tal-inbid.
Dan il-proġett propost qed jissejjaħ 'The South-End Agro Tourism Project'. Waqt li sa issa din l-art fiż-żona għadha mhix mittiefsa, l-proġett propost se jkun mifrux fuq żona ta' 80,000 metru kwadru fejn 2,000 metru kwadru minnhom se jkunu mibnijin. Dawn jinkludu 450 metru kwadru għall-akkomodazzjoni, 300 metru kwadru għal razzett u 1,260 metru kwadru għal serer.  
Il-President ta' l-Għaqda Wirt iż-Żejtun, il-perit Ruben Abela, meta kkuntattjat minn inewsmalta.com dwar dan il-proġett propost iddikjara bla tlaqlieq li "f'dan l-istadju ngħidu li bħala għaqda se nkunu qed nagħtu l-kummenti tagħna lill-MEPA.  Bħala għaqda irridu nħarsu l-pajsaġġ taż-żona".
Minn dak ippreżentat lill-MEPA, dan il-proġett li se juża xejn inqas minn 80,000 metru kwadru ta' art se jħaddem għaxar impjegati fuq bażi full tajm u ħames impjegati fuq bażi part tajm.  L-iżviluppatur qed isostni li biex dan il-proġett propost ikun vijabbli ekonomikament irid ikollu ċentru għall-konferenzi.
L-art li fuqha hu propost dan l-iżvilupp hi proprjetà ta' Rennie Scicluna, kuntrattur li kien involut f'diversi proġetti. Mid-deskrizzjoni li ngħatat fid-dokument tal-MEPA intqal li dan il-kuntrattur bena għadd ta' skejjel tal-gvern, bini fil-faċilità korrettiva ta' Kordin, il-Water Park f'Buġibba u l-Kitchen Garden fosth oħrajn. Hu s-sid tal-Malta Falconry Centre li jinsab fis-Siġġiewi.  Rennie Scicluna hu ukoll  reġistrat bħala bidwi full tajm.
L-applikant fid-dokument li ssottometta qed jgħid li wara laqgħat li kien hemm ma' konsulenti u ma' l-awtoritajiet, kien konkluż li l-proġett hu eleġibbli għal finanzjament Ewropew.  Iddikjara li hi l-mira tiegħu li d-dokumenti kollha jitħejjew fi żmien qasir biex ikunu lest saż-żmien li fih issir is-sejħa għat-talbiet għal fondi Ewropej.  Id-dokument jgħid li x-xogħlijiet għandhom jibdew immedjatament hekk kif jinħarġu l-permessi u ma jonqosx li jgħid li d-dewmien biex ikun approvat il-proġett jistgħu jaffettwaw il-vijabbilità tal-proġett. 
Kif se jkun imqassam il-proġett propost?
Il-proġett propost se jkun imqassam billi fis-sular t'isfel ikun hemm reception, ristorant, lift, tmint ikmamar tal-guest houses, żona fejn jinżammu l-bagalji, tojlits pubbliċi u pixxina.   Fl-ewwel sular taħt l-art  se jkun hemm uffiċċji amministrattivi, salon, fitness centre, sala żgħira, ħanut tal-inbid, kċina, ċentru għal konferenzi u tojlits pubbliċi.  Fit-tieni sular taħt l-art se jkun hemm faċilità li tipproċessa l-ikel agrikolu, mħażen, u ġibjun għall-ilma. 
Ir-razzett se jkun fih nagħaġ, żwiemel, ħmir, fniek, tiħieġ, mogħoż u anke majjali.   Dwar is-serer jingħad li dawn se jkunu għoljin madwar 2.5 metri u dan kemm biex jonqos l-impatt viżibbli u anke minħabba li ż-żona hi miftuħa għall-irjiħat. 
Fuq is-sit la hemm infrastruttura ta' ilma, la elettriku u lanqas drenaġġ u għalhekk dawn iridu jiddaħħlu fuq il-post.
It-tħassib tan-nies…
Għalkemm għadd ta' persuni li kkuntattjajna biex jagħtu l-ewwel reazzjonijiet tagħhom dwar dan il-proġett qalulna li għad iridu jaraw id-dokumenti fid-dettal, kien hemm xi wħud li esprimew it-tħassib tagħhom għalkemm qalulna li se janalizzaw dak sottomess.
"Meta tara l-bini li se jkun hemm, ma tistax ma titħassibx. Din hi żona li mhix mibnija.  Meta tmur f'agro turiżmu barra minn Malta ma tarax proġetti ta' dan il-kobor. Ħafna drabi tkun dar fil-kampanja, li tkun konvertità f'akkomodazzjoni u bini iehor addizzjonali ma jkunx sar".
Kumment iehor kien dak li "dan hu proġett li qisu qed iġebbed il-kunċett ta' agro turiżmu. Fil-post m'hemmx irziezet u lanqas bini iehor. Żona li llum hi mija fil-mija agrikola se tispiċċa titnaqqar b'bini li jittella' f'nofsha."
Intant l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qed tħejji t-termini ta' riferenza għal dikjarazzjoni dwar l-impatt ambjentali għall-proposta ta' agri turiżmu fil-Ponta tal-Munxar.  Il-pubbliku qed ikun mistieden jibgħat kummenti bil-miktub dwar materji li jkun jixtieq li jkunu nklużi fit-termini ta' riferenza.

Sunday, January 17, 2016


Ajruplani ta' 20 passiġġier biss f'Għawdex



Waqt li tlesta l-istudju tal-impatt soċjali u ekonomiku li l-'green airstrip' jista' jkollha fuq Għawdex u l-benefiċċji finanzjarji tagħha lejn l-ekonomija Għawdxija, fl-aħħar xhur kien hemm interess  anke minn kumpaniji biex joperaw servizz bil-helikopter. Minn dak li kien qed jiġi diskuss fil-Kumitat Reġjonali għal Għawdex jidher li l-Gvern qed iħares lejn ajruplani li jesgħu 20 passiġġier, waqt li qed ikun eskluż kompetament li Jets jinżlu f'Għawdex u dan minħabba li jekk dawn jinżlu l-airstrip ma tistax tkun 'green airstrip'.
Minn dak diskuss fil-kumitat, u li ġie pubblikat f'dokument fil-Parlament mill-Ministru Helena Dalli għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said, Mario Saliba mill-Ministeru għal Għawdex qal li l-pjan tal-Gvern hu li jkun hemm 'green airstrip' f'Għawdex.  Meta hu kien ġie mistoqsi dwar żmien meta proġett simili għandu jitlesta, hu qal li għalissa ma jidhirx li hemm 'timeframes' speċifiċi.
Mario Saliba qal ukoll li l-Gvern qed iħares lejn ajruplani li jistgħu jġorru  madwar 20 passiġġier.  Qal li m'hemm xejn deċiz iżda jets awtomatikament ma jistgħux jitħallew f'din l-airstrip għax inkella  din ma tibqax 'airstrip'.  Hu enfasizza li l-ħsieb hu li jkun hemm link ma' postijiet oħra barra minn Malta per eżempju ma' gżejjer oħra.
Tqum il-mistoqsija jekk it-titjiriet hux se jkunu 'chartered', bi skeda jew inkella it-tnejn li huma, bir-rappreżentant tal-Ministeru jgħid li "d-diskussjonijiet għadhom għaddejin u jindikaw li l-Gvern se jara l-possibilitajiet kollha".
Qamu mistoqsijiet dwar ta' min se tkun il-proprjetà tal-airstrip, b'Mario Saliba r-rappreżentant tal-Ministeru jgħid li l-pjan hu li jkun hemm attivitajiet oħra apparti titjiriet  'chartered' u bi skeda imma dan dejjem skont ir-regolamenti marbutin ma' 'green airstrip'.  Hu informa lill-membri li l-airstrip mhux se tkun finanzjata direttament mill-Unjoni Ewropea.  Hu qal li hemm ħsieb li jkun hemm servizzi anċillari anke fir-rigward ta' taħriġ u edukazzjoni.
Issemma' it-tħassib fuq l-ambjent mill-airstrip u qal li l-akbar tħassib hu minħabba li fil-viċinanzi hemm il-cart ruts.
Ir-rappreżentant tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f'Għawdex, Joe Muscat staqsa dwar jekk hux se jitħalla servizz tal-helikopter u hu semma' kif hemm min għandu interess jopera servizz ta' helikopter. Dwar dan ir-rappreżentant tal-ministeru qal li wieħed irid jara r-regolamenti tal-airstrip fejn jirrigwarda l-użu tagħha minn helikopters.

Thursday, January 14, 2016


'Lil hinn mill-busti u l-lapidi….l-Istat isaħħaħ il-pensjoni tal-Pulizija li jweġġgħu jew imutu'

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, fi tmiem id-dibattitu dwar l-Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Pulizija, sellem il-memorja ta' dawk il-Pulizija li tilfu ħajjithom jew weġġgħu waqt id-dmirijiet tagħhom u ddikjara li dan l-abbozz se jkun qed isaħħaħ il-pensjoni ta' dawk li jweġġgħu jew imutu waqt il-qadi ta' dmirijiethom.
Hu semma kif fiċ-ċimiterju hemm bust ta' Pulizija żagħżugħ li jġib id-data 1972 u dan kien għassa ma' bank fl-Imġarr meta nqatel. Qal iżda li, "Lil hinn minn busti u lapidi, dan l-abbozz ta' liġi hu mod aktar tanġibbli kif l-Istat se jirrikonoxxi l-ħidma tal-Pulizija li jsofru minn diżabilità jew jitilfu ħajjithom."
Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, waqt li ddeskriva dan l-abbozz bħala wieħed tajjeb u li l-Oppożizzjoni se tivvota favuru, sellem il-memorja ta' Roger Debattista li kien inqatel waqt li kien fuq xogħlu.
L-abbozz jgħid li jekk uffiċjal tal-Pulizija, mhux minħabba xi nuqqas tiegħu, jiġi mweġġa' b’mod serju waqt li jkun qed jiżvolġi l-obbligi tiegħu u minħabba fit-tali korriment ma jkunx possibbli għalih li jaqdi d-dmirijiet tax-xogħol tiegħu, u jkun ġie ċċertifikat kif meħtieġ mill-Bord dwar il-Korrimenti magħmul minn professjonisti mediċi u professjonisti oħrajn maħtura mill-Ministru responsabbli għall-Pulizija, it-tali uffiċjal jista’ jiġi intitolat għall-ħlas tal-pensjoni daqslikieku għamel il-25 sena servizz:.
Barra minn hekk, jekk uffiċjal tal-Pulizija, mhux minħabba f’xi nuqqas tiegħu, imut b’konsegwenza diretta li jkun żvolġa d-dmirijiet tax-xogħol tiegħu, id-dipendenti tiegħu, sakemm ma jkunx prekluż mill-liġi, ikunu intitolati għall-ħlas tal-pensjoni. Il-ħlas tal-pensjoni għandu jiġi mogħti lil-konjuġi jew sieħeb superstiti tal-mejjet sakemm dan il-konjuġi jerġa’ jiżżewweġ jew is-sieħeb jidħol f’unjoni oħra ta’ status ekwivalenti skont l-Att dwar l-Unjoni Ċivili, jew jilħaq l-età pensjonabbli; jew fin-nuqqas ta’ konjuġi jew sieħeb eliġibbli, it-tifel jew it-tfal tal-mejjet sakemm dak it-tifel jew tfal jilħaq l-età ta’ 18-il sena jew sakemm dak it-tifel jew tfal jilħaq l-età ta’ 23 sena jekk jattendu istituzzjoni edukattiva full-time. Il-ħlas tal-pensjoni mogħti lit-tifel jew lit-tfal għandu jinqasam b’mod ugwali.

Toroq u patching għaċ-CHOGM u l-Valletta Summit swew aktar minn €10 miljuni

L-għadd kbir ta' xogħlijiet li saru fit-toroq Maltin b'rabta mal-Valletta Summit u s-Summit tal-Kapijiet tal-Istati tal-Commonwealth li seħħew f'Novembru, ġew jiswew kważi €11-il miljun. Dan ħareġ minn tweġiba Parlamentari li ngħatat mill-Ministru għall-Infrastruttrura Joe Mizzi, għal mistoqsija li saret mid-Deputata Nazzjonalista Marthese Portelli.
Mit-tweġiba jirriżulta li Triq Għajn Dwieli u Triq San Lawrenz fil-Birgu swew €486,000 waqt li toroq f'Ta' Gradu fir-Rabat swew €420,000. Paviment fi Triq Santu Wistin f'Paceville ġie jiswa €500,000, waqt li l-Junction f'Għajn Tuffieħa swiet €340,000. Triq Gwardamangia swiet €340,000, waqt li Triq il-Mediterran fil-Belt Valletta ġiet tiswa €145,000.
It-triq mill-Imġarr lejn Għajn Tuffieħa, it-triq li minn San Pawl il-Baħar tieħu lejn Għajn Tuffieħa u triq oħra fl-inħawi ġew jiswew €1.5 miljun. Kien hemm imbagħad Triq il-Kostituzzjoni fil-Mosta li ġiet tiswa €350,000, waqt li Triq it-Tiġrija fil-marsa swiet €310,000. Xogħlijiet ta' patching fil-bypass tal-Imrieħel swew €500,000, waqt li xogħlijiet ta' emerġenza fit-telgħa tas-Saqqajja sew €250,000. Xogħlijiet ta' patching fi Triq Sant Anna l-Furjana swew €146,000. Apparti dawn, kien hemm nefqa ta' €642,243 f'sinjali fit-toroq.


'Wasal iż-żmien ta' bidliet fil-mod kif jintgħażlu l-bouncers'


"Wasal iż-żmien li jkun hemm bidliet fil-mod kif jintgħażlu l-bouncers mal-postjiet ta' divertiment. Hemm bżonn li t-taħriġ ikun adekwat u mhux jintgħażel bouncer skont kemm għandu muskoli, imma jkun hemm taħriġ fuq first aid u tkun kapaċi tieħu deċiżjoni f'mumenti partikolari. Fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qed naħdmu fuq il-mod kif jintgħażlu l-bouncers ma' postijiet tad-divertiment. Ma jistax ikun hemm bouncers li ma jkunux jafu jikkomunikaw la bil-Malti u lanqas bl-Ingliż."
Dan iddikjarah illejla l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, waqt li kien qed jitkellem dwar l-abbozz ta' liġi li jemenda l-att dwar il-Pulizija.
Hu semma li matul din is-sena għandhom jinxtraw 19-il vettura tat-tifi tan-nar ġodda u qal li dan hu eżempju mill-aħjar ta' kemm id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili mexa 'l quddiem. Hu spjega li qed jissaħħu wkoll ir-riżorsi umani. Tenna li fil-korpi dixxiplinati kollha hemm bżonn isir it-taħriġ.
Hu qal li dipartiment li għadu lura f'dak li hu taħriġ hu l-Faċilità Korrettiva ta' Kordin fejn il-Ministru qal li, "Ma jien kuntent xejn dwar il-faċilità korrettiva għax wara li jidħol uffiċjal ftit li xejn ikun hemm taħriġ. Waħda mill-prijoritajiet se tkun li l-membri tal-faċilita jingħataw it-taħriġ.”

Daqshekk salvataġġi f'nofs il-Mediterran minn MSF...isejħu biex tkun l-UE li tagħmel is-salvataġġi

Wara tmien xhur ta' salvataġġi f'nofs il-Mediteran fl-ibħra ta' bejn Malta, Lampedusa u l-Libja fejn ġew salvati xejn inqas minn 20,129 persuna li kienu qed jaqsmu lejn l-Ewropa, Medecins Sans Frontieres (MSF) waqqfet il-kampanja ta' salvataġġ tagħha minn nofs il-Mediterran.  L-MSF iddeċidiet li twaqqaf is-salvataġġ hekk kif tħoss li hemm biżżejjed riżorsi biex jilqgħu għall-ħidma f'dan iż-żmien  fejn il-vjaġġi bid-dgħajjes mill-Afrika ta' Fuq naqsu.  Biss MSF sejħet lill-Unjoni Ewropea biex ikunu huma li jagħmlu missjonijiet ta' salvataġġ biex jipprevenju t-traġedji fix-xhur li ġejjin.
MSF iddikjarat b'mod ċar u tond li "waqt li nibqgħu konvinti fuq l-importanza li jkun hemm missjonijiet ta' tiftix u salvataġġ f'nofs il-Mediterran biex ikunu salvati l-ħajjiet ta' immigranti, aħna ntennu li l-professjoni tagħna hi dik medika u għalhekk it-tiftix u salvataġġ mhux xogħlna".
Stefano Argenziano, li hu l-manager tal-Operazzjoni tal-Immigrazzjoni ta' MSF, iddikjara li "l-ebda persuna li kienet abbord dgħajjes li ġew salvati ma kienu se jaslu f'post sigur li kieku ma kienx l-intervent ta' MSF li salvathom. Nittamaw li jkun hemm riżorsi Ewropej li jkunu suffiċjenti fis-sena 2016 u b'hekk ma jkunx hemm bżonn id-dgħajjes tagħna".
MSF iddikjarat ukoll li minkejja li qed twaqqaf il-missjoni ta' tiftix u salvaaġġ, hi qalet li se tibqa' ssegwi u se tkun lesta biex terġa' tintervjeni f'każ li l-Unjoni Ewropea u l-istati membri jonqsu milli jaġixxu biex jipproteġu eluf ta' irġiel, nisa u tfal li qed jistennew li jaqsmu lejn l-Ewropa fix-xhur li ġejjin".

It-theżżiża tal-bieraħ…kważi saret fl-istess ġurnata ta' meta ġġarraf il-Katidral tal-Imdina

It-theżżiża tal-bieraħ, liema theżżiża kellha saħħa ta' 4.4 fuq l-Iskala Richter, kważi seħħet fl-istess jum ta' meta kien seħħ terremot qawwi fi Sqallija u apparti li ħalla xejn inqas minn 60,000 persuna mejta fi Sqallija, f'Malta kien ikkawża ħsarat kbar. 
L-akbar danni kienu fl-Imdina, fejn il-Katidral kien ġarrab ħsarat kbar tant li dawn ma setgħux jissewwew u l-Katidral kellu jinbena mill-ġdid.  Dak it-terremot kien seħħ fil-11 ta' Jannar, imma jumejn qabel kien hemm theżżiża oħra iżgħar. Il-ħin tat-terremot dakinhar kien fid-9 ta' filgħaxija. 
It-terremot ta' Jannar tas-sena 1693, kien sar fi żmien meta kien hemm attività kbira fil-vulkan Etna.  It-terremot ħoloq paniku fost ir-residenti f'Katanja u Malta, u dan kellu impatt kbir fuq ix-xatt tal-lvant ta' Sqallija.   Rapporti minn dak iż-żmien jgħidu li l-baħar irtira l-barra u daħal b'qawwa kbira tant li kisser, farrak u finalment għarraq għadd kbir ta' dgħajjes u bastimenti tas-sajd.  It-terremot kien inħass ħafna f'Ragusa, Siracusa, Noto, Katanja, Augusta u Modica.
F'Malta dan it-terremot ukoll ħalla ħafna ħsarat fosthom l-Imdina, ir-Rabat, il-Kottonera, il-Belt Valletta u f'Għawdex.
Rapporti minn dak iż-żmien jgħidu li l-knisja tal-Isla kienet ġarrbet ħsarat fil-koppla u fil-lanterna, waqt li anke dik ta' San Lawrenz fil-Birgu ġarrbet ħsarat u nbniet mill-ġdid.
L-Imdina ġarrbet ħsarat sostanzjali, kemm fis-swar, fi djar qodma u anke l-Katidral.  Għalkemm il-Katidral ma waqax, dan kien ġarrab ħsarat konsiderevoli u reġa' inbena mill-ġdid.   B'dak it-terremot, xwieni tal-ordni li kienu ankrati f'Augusta kienu ġarrbu ħsarat.
Bejn dak inhar u llum ir-reazzjoni pubblika ta' wara hija għal kollox differenti.  Illum wara t-theżżiża tispikka d-diskussjoni fis-sit soċjali.  Imma fl-1693,  ir-reazzjoni kienet li kien sar ħafna talb waqt li l-Isqof kien ordna espożizzjoni tas-Sagrament għal diversi jiem u purċissjoni għall-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat. Il-Granmastru Adrien de Wignacourt kien ħareġ digriet fejn ordna lill-kavallieri u lin-noviżi biex jagħmlu atti ta’ penitenza u josservaw il-ġranet ta’ l-Erbgħa, il-Ġimgħa u s-Sibt ta’ dik il-ġimgħa bħala jiem ta’ astinenza.

Wednesday, January 13, 2016

Solvuta l-kwistjoni fuq il-Casino Notabile…
….imminenti li jinbeda r-restawr

Fil-jiem li ġejjin se jinbdew pjanijiet biex fi żmien qasir ħafna jinbeda ir-restawr tant meħtieġ fuq il-Casino Notabile li jinsab fit-telgħa tas-Saqqajja fir-Rabat.  Suppost li dan ir-restawr diġa tlesta iżda minħabba kwistjoni li nqalgħet bejn kuntratturi dwar min għandu jagħmel ix-xogħol, wasslet biex ir-restawr tant meħtieġ ma setax jinbeda.  L-ORIZZONT hu nfurmat li din il-kwistjoni issa ġiet solvuta tant li diġa bdiet ħidma biex fi żmien qasir jinbeda r-restawr li jinvolvi ukoll il-pedamenti peress li din l-istruttura kienet bdiet iċċedi u għandha konsenturi kbar.
Ta' min jgħid li r-restawr ta' din il-binja se jagħti ħajja ġdida lil din l-istruttura u dan peress li l-kunsill lokali tal-Imdina kien ħareġ tender għal proposti dwar x'jista' jsir fiha, fejn fost affarijiet oħra din se tintuża għal esebizzjonijiet.
Dwar din il-binja saru spezzjonijiet minn ġewwa u anke kienu ttieħdu ritratti. Iż-żmien u l-elementi għamlu diversi ħsarat f'din il-binja. Il-ħsara tant kienet kbira li feġġew konsenturi kbar fl-iskultura u kellhom isiru puntali u wara 'scaffolding' biex iżommu l-istrutturi f'posthom.
Din il-binja kienet ilha għal aktar minn tmien snin titkarrab biex forsi tkun restawrata. Minkejja li għaddew is-snin, fondi għar-restawr tiegħu kienu baqgħu ma nstabux. Bis-saħħa ta' diskussjonijiet li kienu saru bejn is-Segretarju Parlamentari Ian Borg u s-Sindku tal-Imdina, Peter Sant Manduca, instabu fondi għar-restawr. Ta' min jgħid li  rapport ta’ perit kien jgħid li l-binja tista’ tiġġarraf b’sempliċiment maltempata qawwija.
Jidher biċ-ċar li r-restawr ma jridx isir biss fuq l-is­trut­tura imma jrid ikun mill-pe­da­menti, l-istess kif ġara fuq is-swar li hemm ftit bogħod. Il-problema tal-Casino Notabile tidher li hi ġejja mill-pedament, fejn hemm anke għajn taħtu u għalhekk is-sitwazzjoni hi meqjusa bħala 'delikata'.
Ta’ min jgħid li kien hemm żmien meta kien hemm kumitat għat-tmexxija tal-Casino No­tabile. Meta kien hemm Arthur Barbaro Sant, Segretarju ta’ dan il-kunsill, dan kien jinfetaħ kul­jum biex b’hekk jinżamm “ħaj”. Fih kienu jsiru anke attivitajiet soċjali. Kien hemm żmien meta l-eks Ministru tal-Edukazzjoni u Kultura Ugo Mifsud Bonniċi, illum President Emeritus, kien laqa’ t-talba tal-kumitat biex isir restawr tal-bini. Ir-restawr kien sar, iżda wara li għadda ftit taż-żmien il-kuntratt tal-kirja li kien hemm ma ġiex imġedded. Kien issemma' li kien se jieħdu f’idejh il-Kunsill Lokali tar-Rabat, biex jagħmlu ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani. Kien issemma' wkoll li se jsir kafetterija. Biss minn dan kollu ma sar xejn.
Il-Casino Notabile, li kien iddisinjat mill-Perit Webster Paul­son, inbena fis-sena 1887 u l-għan tiegħu kien speċifikament għal dawk meqjusin bħala “tal-klassi għolja” li kienu jgħixu fir-Rabat u l-Imdina. Il-Casino Notabile kien mibni fuq għajn tal-ħasselin, li għadha hemm sal-lum, għalkemm l-ilma nixef.
L-istorja tal-Casino Notabile tibda fi żmien l-Imperu Ingliż (1800), meta dak iż-żmien bdiet ukoll bidla fl-arkitettura. Kien iż-żmien li beda dieħel l-istil neoklassiku u strutturi Gotiċi. L-Imperu Ingliż ried li juri l-preżenza tiegħu f’Malta u dan anke billi jinbena bini f’dan l-istil. Wieħed minn dawn il-binjiet hu l-Casino Notabile fit-telgħa tas-Saqqajja, iddisinjat mill-Perit Webster Paulson.