Thursday, April 28, 2016

Iċ-Ċaqnu jibda jwaqqa' t-Torri tal-Falkun b'ordni tal-MEPA

Polidano Group, f'komunikat li ħarġu ħabbru li bdew iwaqqgħu it-Torri tal-Falkun. Huma qalu li dan it-torri kien inbena f'Monte Kristo u beda jitwaqqa' wara struzzjonijiet mill-MEPA.
Charles Polidano qal li hu ta' dispjaċir li dan il-monument prestiġġjuż, li kien replika tat-Torrijiet li bena l-Gran Mastru De Redin, ma ġiex aċċettat li jingħata lil għaqda mhux governattiva. Hu ddikjara li l-MEPA baqgħet  tinsisti li t-torri jitwaqqa' u għalhekk ma kienx hemm alternattiva ħlief li jibda it-twaqqiegħ tiegħu.
minn inewsmalta.com

Ma jistax ikun ikun l-integrazzjoni tispiċċa mal-klassi...din is-segregazzjoni trid tispiċċa" - il-Prim Ministru Joseph Muscat

"Meta kont fis-sekondarja kelli miegħi fil-klassi student wieħed b'diżabilità. Kien student b'diżabilità fiżika. Illum it-tfal tiegħi fil-klassi għandhom diversi studenti b'diżabilità anke intellettwali.
L-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilità ma jistax ikun li tieqaf mal-klassi. Din is-segregazzjoni issa trid tispiċċa. Illum jum importanti ħafna, għax liġi ta' kważi ħamsin sena ilu, se nibdew nimplimentawha bi ftehim li ntlaħaq". Dan sostnieh il-Prim Ministru Joseph Muscat, ftit qabel ġie ffirmat ftehim bejn il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC), il-Kamra tal-Kummerċ u l-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem.
Dan il-ftehim intlaħaq dwar il-liġi biex jiġu impjegati persuni b'diżabilità. Meta l-Gvern ħabbar dan xhur ilu, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem kienu esprimew riservi u b'hekk saru negozjati li wasslu għal dan il-ftehim.
Spikka l-intervent ta' Arthur Muscat mill-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem li waqt li rrikonoxxa li l-liġi kienet ilha hemm sa mill-1969 iddikjara li ma tantx kien hemm entużjażmu mill-gvernijiet biex tiġi implimentata. Qal li ma kienx hemm ukoll entużjażmu mis-sidien tal-postijiet tax-xogħol għall-implimentazzjoni ta' din il-liġi.
Minn naħa tiegħu l-Ministru Evarist Bartolo qal li permezz ta' din il-liġi il-pajjiż se jgħaddi mill-kultura tal-karità għad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità. Iċ-Ċermen tal-ETC, Clyde Caruana iddikjara li 36 fil-mija tal-persuni b'diżabilità sabu xogħol fl-aħħar tliet snin. Qal ukoll li fis-sena 2015, b'kollox ġew impjegati ftit aktar minn 500 persuna b'diżabilità.
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana qalet li bil-ftehim il-Gvern qed juri l-impenn biex liġi ta' kważi ħamsin sena tiġi infurzata u l-persuni b'diżabilità jingħataw id-dritt ta' ħajja indipendenti.
F'dan il-ftehim qed jiġi rikonoxxut li hemm kumpaniji li ma jistgħux iħaddmu persuni b'diżabilità minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom u għalhekk il-ftehim se jipprovdi alternattivi għal dan.

Iċ-Ċermen tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità (KNPD), Oliver Scicluna meta mitlub jikkummenta dwar dan il-ftehim qalilna li "bażikament aħna rċevejnieh minn qabel u stajna narawh. Il-ftehim hu wieħed tajjeb. Il-problemi tekniċi li jsibu l-kumpaniji ġew riżolti u minħabba f'hekk issa se jkun hemm aktar armonija u kuaġġ biex jilqgħu l-persuni b'diżabilità fuq il-post tax-xogħol. Aħna se nkunu qed nagħtu l-kontribut fuq l-ewwel klawsola jiġifieri dik li ċertu data li se jitolbu lill-ħaddiema se tkun qed tingħata bil-permess tal-individwu. Li wasalna għal dan il-ftehim hu mument storiku." 
Mistoqsi dwar jekk jarawx li fl-aħħar tlett snin kien hemm żieda ta' persuni b'diżabilità li daħlu fid-dinja tax-xogħol, hu qalilna li "bla dubju li kien hemm żieda fil-persuni b'diżabilità li qed jaħdmu. L-infurzar tal-liġi għamel effett. Qabel il-liġi kienet fuq il-karta biss. Lill-Gvern ninżagħlu l-kappell għax beda jħaddem liġi li kienet ilha snin fuq l-ixkaffa. Forsi l-konsultazzjoni ġiet tard imma issa rridu nħarsu 'l quddiem."

Ritratt: Ian Noel Pace

MEP bi pressjoni fil-PE fuq il-kaċċa fir-Rebbiegħa - 'ma tridx aktar investigazzjoni imma azzjoni'

Hekk kif f'pajjiżna qed jidher biċ-ċar li kważi għebet għal kollox il-kaċċa illegali, fil-Parlament Ewropew xorta waħda qed tibqa' għaddejja pressjoni kontra d-deroga li ngħatat Malta għall-kaċċa fir-Rebbiegħa. Waqt li ornitoloġisti f'Malta qed jikkonfermaw li kważi sparixxiet il-kaċċa illegali u dawn stqarrew dan f'kummenti li għamlu fejn anke qed isostnu kif żdiedu ċerti speċi li qed ibejtu hawn, il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Liberali Demokratiċi, Catherine Bearder kompliet bil-pressjoni fil-Parlament Ewropew u sejħet biex il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni kontra Malta.
Filfatt hi staqsiet lill-Kummissjoni Ewropea u talbitha twaqqaf il-kaċċa fir-Rebbiegħa f'Malta. It-tweġiba tal-Kummissjoni Ewropea kienet li l-Kummissjoni Ewropea qed tinvestiga s-sitwazzjoni u kienet lesta tieħu proċeduri kontra Malta dejjem jekk issib li Malta kisret id-Direttiva tal-Għasafar fejn jirrigwarda l-kaċċa illegali.
It-tweġiba jidher li ma tantx niżlet tajjeb ma' Catherine Bearder u hi qalet li "l-evidenza hi ċara. Mhux sostenibbli il-qtil ta' eluf ta' gamiem f'Malta. M'għandniex bżonn aktar investigazzjonijiet. Li għandna bżonn hi azzjoni.
minn inewsmalta.com

Vendriżi 'infurjati'…żblokk wara intervent tas-Sindku

Hekk kif illejla se jkun inawgurat l-Ark ta' Wignacourt, f'Santa Venera inqala' kjass sħiħ minn għadd ta' residenti wara li saru jafu li dawn kien se jkollhom problema biex jaslu sa darhom bil-karozza. Dan hekk kif uffiċjal ta' Transport Malta informa li Triq l-Imdina minn ħdejn id-dwal tat-traffiku fl-Imrieħel, Triq il-Kannun u Fleur de Lys kienu se jingħalqu għat-traffiku għal ħames sigħat bejn il-5.00 u l-10.00 ta' filgħaxija. Il-kwistjoni spiċċat b'għadd ta' residenti Vendriżi jilmentaw bis-Sindku ta' Santa Venera Stephen Sultana jintervjeni, wara li ma saret ebda konsultazzjoni mal-kunsill.
Finalment inġab permess biex ir-residenti jitħallew xorta waħda jidħlu sa darhom bil-karozza. Is-Sindku ta' Santa Venera f'kumment li għamel qal li "hi tal-mistħija u għajb kif uffiċċjal ta' Transport Malta permezz ta' imejl jinforma lill-Kunsill Lokali ta' Santa Venera li numru konsiderevoli ta' toroq ser jingħalqu, bl-akbar oxxenità tkun li jgħid li uħud mit-toroq qegħdin f'Birkirkara meta dawn qegħdin f'Santa Venera.
"Dan sar kollu mingħajr konsultazzjoni. Wara ħafna telefonati, b'xi mod irnexxielna nġibu permess mal-Pulizija sabiex ir-residenti jitħallew xorta waħda jaċċessaw it-toroq milquta. Kieku ma ġarax hekk, l-istorja kienet tkun ferm differenti għal inawgurazzjoni" qal is-Sindku.
minn inewsmalta.com

Wednesday, April 27, 2016

Bla kumment........refuġjati f'Idomeni fil-Greċja








93% tal-ħut fil-Mediterran vittmi ta' sajd żejjed

Sbatax-il speċi ta' ħut li nsibuh fil-baħar Mediterran, u li jinqabad regolarment mis-sajjieda Maltin, ġew dikjarati bħala li qed isofru minn sajd żejjed jew inkella l-istat tal-popolazzjoni tagħhom għadu mhux magħruf. L-unika ħuta minn 18-il speċi li ssemmew bħala li għandhom popolazzjoni bi status dikjarat bħala 'sostenibbli' hija t-tonn.
Mill-bqija, il-Gamblu Aħmar, il-Gamblu Aħmar Kbir, l-Inċova, il-Merluzz, it-Trill, l-Awwista, il-Gamblu Roża tal-Fond u l-Pixxispad huma l-ispeċi li ġew dikjarati vittmi ta' sajd żejjed. Il-ħut l-ieħor li l-popolazzjoni tagħhom għadha mhix magħrufa huma l-Lampuka, l-Ispnotta, iċ-Ċerna, il-Qarnita, il-Paġella Ħamra, il-Kavalli, is-Siċċa, l-Awrata u l-Bivalvi Venus.
Ġie stabbilit ukoll li 93 fil-mija tal-ħut fil-Mediterran qed ibati minn sajd żejjed. Bl-għan li tinbidel din ix-xejra fejn il-popolazzjoni ta' ħafna speċi ta' ħut qed tonqos, il-Kummissjoni Ewropea nediet strateġija għall-Baħar Mediterran li l-għan tagħha hu li ttejjeb l-istat li tinsab fiha l-popolazzjoni ta' ħafna speċi ta' ħut fil-Mediterran.
Apparti li tnediet l-istrateġija, inbeda wkoll djalogu ma' Ministri ta' pajjiżi Ewropej u ta' pajjiżi li mhumiex fl-Unjoni Ewropea. L-istrateġija tnediet waqt is-Seafood Expo Global. Issemma li t-tnaqqis fil-popolazzjoni ta' għadd ta' speċi qed isseħħ minħabba diversi fatturi fosthom sajd żejjed, tniġġis u bidla fil-klima.
It-tema tal-kampanja li tnediet hi MedFish4ever. Il-World Wildlife Fund (WWF), waqt li ddeskrivew is-sitwazzjoni bħala 'kriżi fil-popolazzjoni tal-ħut fil-Mediterran', laqgħu t-tnedija tal-istrateġija u ddeskrivewha bħala 'sinjal inkoraġġanti'.
Genevieve Pons, Direttur ta' WWF għall-Politika Ewropea, qalet li, "Issa rridu li l-Istati membri fir-reġjun mhux biss jaraw li din l-istrateġija tkun implimentata imma jaraw li jkun hemm infurzar aħjar."
Ġie spjegat li dak li hemm f'riskju hu total ta' kummerċ marbut mas-sajd li jlaħħaq għal $27 biljun u xejn inqas minn 250,000 impjieg dirett flimkien ma' eluf ta' impjiegi oħra indiretti. WWF ma waqfitx hemm u pproponiet li jittieħdu tliet miżuri b'mod immedjat.
Dawn huma li jkun hemm miżuri fosthom l-ammont ta' ġranet li fihom jista' jsir is-sajd u anke ammont limitat ta' dgħajjes tas-sajd għal kull ġurnata; limiti fuq qbid; u żmien li fih ma jistax isir sajd. WWF enfasizzat il-bżonn li l-ħut jingħata ċans ibid. Hija esprimiet it-tħassib dwar l-istat tal-Pixxispad, li qed jonqos b'rata mgħaġġla.
minn inewsmalta.com

Aktar mistoqsijiet milli tweġibiet

Il-każ li kien ġie żvelat mill-ġurnal L-ORIZZONT dwar allegat swat minn bouncers fuq żagħżugħ f'Paceville għalxejn b'xejn, kellu żvolta fl-aħħar jiem u dan hekk kif kollox qed jindika li l-proċeduri biex finalment issir ġustizzja mexjin bil-mod wisq. Fuq dan il-każ qegħdin iqumu għadd ta' mistoqsijiet ġodda u dan hekk kif sar magħruf minn X Rays li saru fuq iż-żagħżugħ, li dan spiċċa bi mnieħru miksur. Il-każ ilu li seħħ erba' ġimgħat imma sa issa għadu ħadd ma tressaq il-Qorti. Il-ġurnal L-ORIZZONT irrapporta dwar kif hu nfurmat li ż-żagħżugħ ġie msejjaħ mill-Pulizija biex ikun jista' jidentifika lill-bouncers li sawtuh u filfatt dan sar.
Biss mill-mod kif żvolġew l-affarijiet fl-aħħar jiem, qed iqumu diversi mistoqsijiet dwar dan il-każ fosthom kemm kien l-ammont ta' bouncers li kienu nvoluti fis-swat fuq dan iż-żagħżugħ  u kemm ġew identifikati minnhom.
Mistoqsijiet oħra jirrigwardaw il-filmati ta' dak li seħħ, fosthom dawk ta' minn kemm kameras ġew elevati l-filmati.  Mistoqsija oħra hi dik ta' jekk il-Pulizija għaddewx dawn il-filmati lit-taqsima tal-forensika biex jiġu analizzati dwar jekk hemmx partijiet neqsin minnhom.
Intant iż-żagħżugħ li qed jallega dan il-każ, baqa' jsostni mal-Pulizija li ġie msawwat għalxejn.
L-ORIZZONT kien żvela dan il-każ fl-aħħar ta' Marzu fejn żagħżugħ ta' kważi 19-il sena allegatament qala' xebgħa minn tlett bouncers. Iż-żagħżugħ kien allega li "kien nhar il-Ħadd fis-7.30 ta' filgħaxija meta jien kont ma' sħabi fi stabbiliment partikolari.  Kollox kien normali u jien kont qed nitkellem meta f'daqqa waħda nara grupp ta' nies jersqu  kollha lejn naħa. Nara ġlieda bejn bouncer u ħabib tiegħi. Ersaqt u wara li tefgħu  lil sħabi l-barra, jien ħriġt barra. Jien ma ndħaltx fil-ġlieda.  Il-bouncers bdew allegatament jagħmlu sinjali lil sħabi. Dak il-ħin jien kont nieżel l-isfel lejn it-taraġ.  Kif dawwart wiċċi rajthom jiġġieldu. Demmi ma tanix. Bdejt ngħidilhom ma jiġġildux. Ġie bouncer u qalli inti se timbuttani. Lanqas tani ċans naħseb, għax allegatament tani daqqa ta' ponn".
Iż-żagħżugħ allega li "bid-daqqa ta' ponn spiċċajt mal-art. Ġew tnejn oħra allegatament ituni bis-sieq u bl-idejn. B'kollox kienu tlieta. Waqfu jtuni u kif rajt li mhux qed naqla' qomt minn mal-art. Wiċċi kien kollu demm. Qasmuli mnieħri u farrġuni.  Qomt u mort fi stabbiliment ieħor naħsel wiċċi. Nies li ma nafhomx ġabuli tissues biex nimsaħ wiċċi."
Kompla  jgħid li "wara mort il-poliklinika ta' Raħal il-Ġdid. Hemmhekk wassluni sħabi. Rani tabib u qalli li aktarx li għandi mnieħri miksur. Hu qalli li aħjar inmur l-emerġenza. Hemmhekk ratni tabiba u qaltli m'għandekx ksur u għandi nmur ġimgħa oħra."
Hu spjega li dwar dan l-allegat każ sar rapport fl-Għassa ta' Birżebbuġa. It-Tnejn wara nofsinhar sar kuntatt mill-Pulizija maż-żagħżugħ fejn staqsewh jekk  jagħrafx lill-aggressuri, bir-risposta tkun fil-pożittiv.
Il-missier kien qalilna li "qed nistennew li ssir ġustizzja. La ma kienx involut fil-ġlieda ma nippretendix li jiġi msawwat. Allegatament kien hemm tlett bouncers ma' ġuvni ta' 19-il sena. Nistaqsi jien dawn x'inhu xogħlhom iwaqqfu l-ġlied jew isawwtu", temm jgħid il-missier.
minn l-orizzont

Il-kaċċa illegali naqset b'erba' darbiet…esperjenzi ta' osservaturi jikkonfermaw dan

Fl-aħħar jiem kien hawn f'pajjiżna żewġ tajriet rari msejħin Pitarri.  Dehru lejn l-inħawi ta' Dellimara u damu hawn madwar 24 siegħa. Komplew triqithom bla xkiel. Dan flimkien ma' qatgħa Kwakk, Kuċċard, Bagħdan, Isqra u Rsieset. Kollha għasafar protetti li passes minn fuq pajjiżna. B'xejn inqas minn 10,000 kaċċatur fil-kampanja Maltija biex igawdu d-dritt tagħhom għall-kaċċa tal-gamiema  u s-summiena, dan it-tajr baqa' għaddej fi triqtu. Mhux hekk biss, iżda kienu diversi dawk il-kaċċaturi li ġibdu ritratti u filmati ta' dan it-tajr waqt li kompla l-passa tiegħu. Ħafna osservaturi tal-passa fir-rebbiegħa ukoll qegħdin jikkummentaw dwar tnaqqis drastiku fil-kaċċa illegali.  Dan jikkontrasta bil-kbir ma' dak li qalet Birdlife Malta, li ftit ilu talbet li l-Gvern iwaqqaf l-istaġun. F'pajjiżna ġie ukoll il-Brittaniku Chris Packham, li ma naqasx li jitfa' ritratti xi drabi mill-arkivji (fi kliemu stess)  ta' tajr protett mejjet.
Intant il-Kap tal-Wild Birds Regulation Unit, Sergei Golovkin f'intervista li ta lil 'Field Sport'  qal li minn studju li saru jirriżulta li fl-aħħar tlett snin il-kaċċa illegali naqset b'erba' darbiet. Fl-intervista tiegħu, Sergei Golovkin saħaq li s-sena li għaddiet l-istatus tal-gamiema ġie riklassifikat u spjega li l-unit ħa dan inkonsiderazzjoni tant li  f'din ir-rebbiegħa l-istaġun tal-kaċċa ġie regolat aktar. Dan billi minn tlett ġimgħat tnaqqas għal ġimgħatejn u tnaqqset il-kwota ta' qbid minn 11,000 gamiema għal 5,000 gamiema.
Waqt li persuni bħal Packham qed jagħmlu pressjoni fuq il-kaċċa tal-gamiema, Sergei Golovkin jirrimarka li hemm xejn inqas minn 10 pajjiżi Ewropej li fihom tista' ssir kaċċa għall-gamiema. Qal li f'pajjiżi Ewropej hu kkalkulat li jinqatlu mat-3 miljun gamiema, waqt li f'Malta hu permessibbli li jinqabdu 5,000 gamiema fir-Rebbiegħa u 11,000 gamiema fil-Ħarifa.
Tkellem dwar it-tnaqqis fil-popolazzjoni tal-gamiema, u qal li hu fatt pruvat xjentifikament li l-gamiem li jpassi minn fuq Malta ma jibqax sejjer lejn ir-Renju Unit. Hu qal li l-popolazzjoni tal-gamiema qed tonqos minħabba prattiċi fl-agrikoltura fosthom l-użu tal-pestiċidi u anke minħabba mard u viruses.
Sergei Golovkin qal li l-ammont ta' gamiem u summien li hu permessibbli jinqabad f'Malta hu ammont sostenibbli u li ġie stabbilit bi studji li saru u li ġew aċċettati mill-Kummissjoni Ewropea.  Hu qal li l-ammont ta' gamiem li jinqabad f'Malta hu insinifikanti għall-popolazzjoni ta' dawn l-għasafar. Spjega li Malta qed twettaq superviżjoni stretta ħafna, fejn anke qed jintużaw id-drones u qal li hu viżibbli minn kulħadd li l-kaċċa illegali naqset. Hu jispjega li minn studji li saru fi tlett snin, il-kaċċa illegali naqset b'erba' darbiet.
Jenfasizza li t-triq il-quddiem hi dik li għaqdiet bħal Birdlife u l-kaċċaturi jaħdmu flimkien u joqogħdu jikkumbattu lil xulxin.
Birdlife jiktbu lill-Prim Ministru
Intant Birdlife Malta kitbet lill-Prim Ministru Joseph Muscat u fiha ġibdet l-attenzjoni għal dak li hi sejħet ineżattezzi li ntqalu mill-Kap tal-Wild Birds Regulation Unit, Sergei Golovkin. Birdlife qalet li "fil-laqgħa tal-Kumitat Ornis tal-25 ta' Frar, ivvutat kontra l-futħ ta' staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa. Kif jiġri f'dawn il-każi il-vot tagħna kien l-unika wieħed kontra. Minn naħa l-oħra aħna vvutajna favur li l-gvern Malti jieħu miżuri ta' konservazzjoni favur il-gamiema.
Birdlife Malta fl-ebda stadju ma kienet involuta fil-konsiderazzjoni ta' x'miżuri għandhom jittieħdu biex jiġu mfasslin l-kundizzjonijiet tal-istaġun tal-kaċċa, partikolarment il-kwota tal-gamiema.  Għall-kuntrarju ta' dan, il-konsultazzjoni saret biss mal-għaqdiet tal-kaċċaturi." Birdlife irreferiet għal dokumenti li nħarġu mill-Wild Birds Regulation Unit u anke studju u qalet li l-ebda rapport minnhom ma juri li hemm bażi xjentifika li tiġġustifika il-qtil ta' 5,000 gamiema f'din ir-rebbiegħa.  Birdlife Malta se tkompli tikkontesta biex il-Wild Birds Regulation Unit tippreżenta l-argumetn xjetifiku favur il-kwota jekk dan jeżisti.  Fl-assenza ta' dan, Birdlife Malta se tkompli tikkonferma li dan il-unit jaġixxi biss b'aġenda favur il-kaċċa anke għas-skapitu li jagħti pariri ħżiena lill-Gvern."  Huma talbu lill-Prim Ministru biex jieħu pożizzjoni aktar b'saħħitha favur il-konservazzjoni tal-gamiema.
  minn inewsmalta.com

L-IUCN tirrakkomanda li titwaqqaf id-deroga tal-kaċċa fir-rebbiegħa

L-IUCN (International Union for Conservation of Nature) irrakkomandat lill-Kumissjoni Ewropea li d-deroga fir-rebbiegħa ma tibqax tiġi applikata, u dan minħabba l-klassifikazzjoni tal-gamiema bħala vulnerabbli. Dan jibqa’ jseħħ sakemm ma jiġix ippruvat li din tista' terġa' tkun sostennibbli. Din ir-rakkomandazzjoni ma tapplikax għall-qbid ta' bejn 2 u 3 miljun gamiema fl-istati oħra Ewropej fil-ħarifa imma tapplika biss għall-5,000 li jinqabdu fir-rebbiegħa f’Malta.
Il-Kaċċaturi San Ubertu (KSU) qalu li, “Din inqisuha bħala inġustizzja u diskriminazzjoni kontra stat membru żgħir li rebaħ kawża fejn intwera ċar li m'għandux alternattiva sodisfaċenti fil-ħarifa. Il-KSU tibqa’ tinsisti li l-Gvern għandu jieħu l-passi neċessarji biex id-dritt miksub wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ma jintilifx. Dan ngħiduh bl-akbar serjetà meta jidher ċar li il-bażi fuq xiex tbiddlet il-klassifika tal-gamiema fiha ħafna dubji u inċertezzi.”
minn inewsmalta.com

Tuesday, April 26, 2016



 Il-Parlament jaġġorna siegħa
u nofs qabel il-ħin għax ma kienx hemm kelliema

Waqt li seduta parlamentari soltu tieħu sad-9.00 p.m., dik tal-lejla damet biss sas-7.30 p.m. wara li fil-Kamra tar-Rappreżentanti ma kienx hemm kelliema biex jiddiskutu l-abbozz ta’ liġi li kien fuq l-aġenda. Dan wassal biex l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia aġġorna s-seduta għal għada filgħaxija.
Wara s-soltu mistoqsijiet parlamentari, li għalihom hemm allokata nofs siegħa bejn is-6.00 a.m. u s-6.30 p.m., il-Parlament iddiskuta l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Parteċipazzjoni fil-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni u l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju taħt il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni.
Fi kliem sempliċi, dan l-abbozz kien jittratta s-self li l-pajjiżi tal-UE – inkluż Malta – taw lill-Greċja minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja prekarja li tinsab fiha.
L-unika kelliema fid-diskussjoni dwar dan l-abbozz kienu l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u d-deputat Nazzjonalista Claudio Grech b’tal-ewwel jinsisti, kif għamel f’seduti oħra, li pajjiżna kien kontra xi ‘haircut’ lill-Greċja jiġifieri kien se jibqa’ jinsisti li Malta titħallas lura l-flus kollha li tkun silfet lil dan il-pajjiż.
Wara qbil bejn iż-żewġ naħat, l-abbozz ta’ liġi għadda kemm mill-istadju tat-Tieni Qari (li matulu ssir id-diskussjoni) kif ukoll minn dak tal-kumitat fejn isiru emendi għal kull klawsola fil-liġi.
Wara li ma kienx hemm kelliema biex jiddiskutu t-tieni abbozz ta’ liġi fuq l-aġenda, dak li jemenda l-Kodiċi Kriminali, il-Parlament kien aġġornat għall-Erbgħa.
Fil-ħin tal-Aġġornament, li soltu jkun bejn id-9.00 p.m. u d-9.30 p.m. u fih membri parlamentari jistgħu jitkellmu fuq xiex iridu, qam il-Ministru għat-Trasport u l-Infrasruttura Joe Mizzi li tkellem dwar is-sitwazzjoni tat-trasport pubbliku.
Waqt li ta ħarsa lejn is-sitwazzjoni li sab meta ħa l-kariga, Mizzi insista li huwa sab trasport pubblika fi stat ta’ “disfatta” fejn in-numru ta’ nies li kienu jużawh naqas minħabba li l-poplu ma kellux fiduċja fih.
Huwa akkuża lill-Oppożizzjoni li ħlief tagħmel gambetti u ħsara lill-pajjiż mhux tagħmel fejn saħaq li qed tipprova taqta qalb poplu mis-servizz tat-trasport pubbliku eżistenti.
Mizzi ċaħad li l-Gvern mhux jagħti kas tal-aspett soċjali fejn jidħol dan il-qasam u semma kif fiż-żmien li ġej se jiġu ippreżentati regoli dwar ‘scooters’ użati mill-persuni b’diżabilita jew anzjani li jkunu jistgħu jitilgħu fuq il-karozzi tal-linja.
  minn inewsmalta.com

Pjani għal adozzjoni mill-Brażil - L-Albanija, Slovakkja, l-Indja u r-Russja miftuħin

Quddiem il-fatt li diversi pajjiżi li minnhom ġenituri Maltin kienu jadottaw it-tfal spiċċaw bi problemi u ingħalqu fosthom il-Kambodja u l-Etjopja, jidher li hemm pjani biex isiru laqgħat fil-Brażil bl-għan li fil-futur qrib jibdew isiru adozzjonijiet minn dan il-pajjiż.
Bħalissa fejn jirrigwarda l-adozzjonijiet mill-Albanija, mill-Islovakkja u mill-Indja, il-proċess miexi b’mod normali u ġenituri adottivi prospettivi jistgħu jibgħatu l-applikazzjoni tagħhom f’dawn il-pajjiżi.
Dan sostnieh il-Ministru Michael Farrugia fi tweġiba Parlamentari għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar. Il-Ministru Farrugia qal li "fil-każ ta’ adozzjonijiet mill-Vjetnam l-aġenzija akkreditata lokalment li tissodisfa l-kriterji stipulati mill-Awtorijitajiet tal-Vjetnam qiegħda tibgħat id-dokumentazzjoni meħtieġa sabiex eventwalment tiġi akkreditata mill-Awtorijitajiet tal-Vjetnam biex ikunu jistgħu jibdew l-adozzjonijiet minn dan il-pajjiż. Barra minn hekk, fil-każ ta’ adozzjonijiet mir-Russja, waħda mill-aġenziji akkreditati lokalment qiegħda tiffaċilita’ l-proċess tal-adozzjoni minn dan il-pajjiż waqt li dwar adozzjonijiet mill-Bulgarija, l-aġenziji akkreditati lokalment ser jibdew jipproċedu bl-adozzjonijiet minn dan il-pajjiż."
Dwar adozzjonijiet mill-Istati Uniti, intqal li l-Awtoritá Ċentrali qiegħda fil-preżent f’kuntatt ma’ aġenzija tal-adozzjoni Amerikana fil-waqt li fil-każ ta’ adozzjonijiet mill-Brażil hemm il-ħsieb li fil-futur qarib isiru laqgħat ġewwa l-Brażil bil-ħsieb li eventwalment jibdew ukoll l-adozzjonijiet minn dan il-pajjiż.
 
Ritratt: Arkivji - Ian Noel Pace
minn inewsmalta.com

Il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jippjanaw żjara fir-Russja lejn l-aħħar tas-sena

Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin, George Vella, bl-għan li jissaħħu aktar ir-relazzjonijiet bejn Malta u r-Russja qed jippjanaw żjara uffiċjali f'dan il-pajjiż lejn l-aħħar ta' din is-sena.  Din għandha tkun okkażjoni importanti biex jiġu diskussi temi bilaterali u multilaterali ta’ interess komuni, bħas-sitwazzjoni fil-Libja, il-Mediterran u l-Lvant Nofsani, l-Ukrajna, kif ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa. Din il-laqgħa taħbat ukoll qabel il-Presidenza ta’ Malta tal-Unjoni Ewropea fil-bidu tas-sena d-dieħla.
Fi tweġiba Parlamentari l-Ministru tal-Affarijiet Barranin, George Vella qal li l-Gvern Malti jżomm djalogu regolari fuq diversi livelli mal-Gvern Russu. Tenna li waqt li Malta timplimenta s-sanzjonijiet imposti mill-Unjoni Ewropea fuq il-Federazzjoni Russa, hemm livell ta’ kooperazzjoni tajba f’diversi oqsma ta’ interess komuni mhux milquta mis-sanzjonijiet. Ġew iffirmati l-Konvenzjoni dwar it-Taxxa Doppja u l-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali, kif ukoll Protokoll għall-istess Konvenzjoni. Ġie fffirmat ftehim dwar il-ħlas pendenti min-naħa tal-Federazzjoni Russa għar-Repubblika ta’ Malta u ġie ffirmat Memorandum ta’ Qbil dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-kura tas-saħħa bejn il-Ministeru ghall-Enerġija u s-Saħħa tar-Repubblika ta’ Malta u l-Ministeru tas-Saħħa tal-Federazzjoni Russa. 
Il-Ministru Vella kien qed iwieġeb mistoqsija Parlamentari li saret mid-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis.
 minn inewsmalta.com

Gwen... bidu ta' vjaġġ b'familja li tagħtiha l-appoġġ

Ma kienx Ħadd bħal tas-soltu. Filgħodu kmieni sbaħna fi Ġnien Villa Rundle f'Għawdex. Ġnien li f'dak il-ħin ma kienx hemm ruh fih. Intasabna fuq bank nistennew tifla ta' sentejn u nofs. Ma tantx domna nistennew għax minn waħda mill-gradi tal-ġnien rajna lil Michelle u 'l bintha ġejjin. Ersaqna lejhom. Imma konna sorpriżi. Gwen, minkejja li ma tafniex, ġiet tiġri fuqna. Ma waqfitx hemm għax kif waslet ħdejna bdiet tgħannaqna. Ma ġietx b'idha f'idha għax magħha ġarret ukoll l-iscooter. Gwen ma toqgħodx lura milli tibda diskursata. Tistaqsi. Wara taqbad l-iscooter u f'kemm ilni ngħidlek sparixxiet minn quddiemna. Id-diskursata m'ommha kellha tieqaf ftit wara biex immorru niġru wara Gwen li kienet diġà marret san-naħa l-oħra tal-ġnien.
"Kuljum nirringrazzja 'l Alla li tana lil Gwen. Nibda nistaqsi x'kienet se tagħmel din it-tifla kieku ġiet għand xi familja bi problemi. Din għalina hi tifla speċjali," qaltilna Michelle, waqt li Gwen kienet mitlufa tiġri u tilgħab ma' ħuha.
Gwen twieldet b'sieq iqsar minn oħra. Kundizzjoni li tillimita ħafna l-indipendenza. Imma Matt u Michelle, il-ġenituri tagħha, huma determinati li binthom tkun indipendenti f'kollox. L-isforzi tagħhom stajna naraw li qed jagħtu l-frott mixtieq minkejja l-isfidi li toffri din il-kundizzjoni. Fil-ħin li għamilna magħhom f'Għawdex stajna naraw lil Gwen, li bil-prosteżi li għandha tista' tagħmel kollox. Tirkeb l-iscooter. Tiġri. Titla' fuq siġġijiet u tilgħab ma' ħuha b'mod normali. Tifla enerġetika għall-aħħar. Kunfidenti. Karattru mill-isbaħ, li anke kkonfermawh tobba barranin li minn żmien għal żmien jaraw lil Gwen.
"Inħossha iebsa din li hi biss hawn f'Għawdex b'din il-kundizzjoni. Qisek m'għandekx ma' min titkellem u tiftaħ qalbek. F'sitwazzjoni bħal din tkun tixtieq li jkun hemm xi ħadd li titkellem miegħu. Li ma tħossokx waħdek. F'Għawdex hi biss hawn b'din il-kundizzjoni," qaltilna Michelle.
Il-ġenituri ta' Gwen fehmu xi trid tfisser indipendenza għat-tifla - dik li tkun tista' toqgħod bil-wieqfa, timxi, tiġri, tgħum u anke ssuq. Quddiem dan kollu, Gwen minkejja din id-diżabilità timpressjona lil kulħadd. Dan għax minkejja li għandha sieq iqsar minn oħra madwar pied, hi xorta timxi, taqbeż u titla' t-taraġ.
F'każi bħal dawn, moħħ il-ġenituri jibda jaħseb f'ħaġa waħda. Kif uliedhom se jkunu indipendenti fil-futur. Matt u Michelle, il-ġenituri ta' Gwen mhumiex eċċezzjoni. Jenfasizzaw li, "It-tfal kollha kapaċi jadattaw għall-ambjent u dawk li jkun hemm madwarhom.  Huma m'għandhomx biżgħat mill-limitazzjonijiet jew mill-aspetattivi.  Bħala ġenituri għalina kien importanti li nħallu lil Gwen issib it-triq tagħha. Dejjem ninkoraġġuha. Hi dejjem għamlet dan b'suċċess.
"L-akbar sfida għal Gwen hu r-riskju minn persuni adulti li hi tiġi f'kuntatt magħhom. Dawn jispiċċaw jimponu s-sens ta' limitazzjonijiet tagħhom, wara li b'mod żbaljat ikunu ddeċidew għal Gwen. Għalhekk aħna dejjem nisħqu li Gwen tirċievi u tistenna interazzjonijiet ma' membri tal-familja, tobba, u għalliema bl-istess mod kif jiġri ma' tfal oħra tal-età tagħha. Il-ġenituri kollha jridu jaċċettaw li tfal jaqgħu u jsibu l-iskossi. Imma huma ma jridux jaqtgħu qalbhom. Gwen hi robusta u meta jiġrilha hekk kapaċi tqum, titfarfar u tkompli.
"Gwen timpressjonana għax jirnexxilha timxi, taqbeż u anke titla' t-taraġ. Dan kollu tagħmlu fuq sieq waħda. Imma din is-sitwazzjoni mhix għażla realistika għad-dinja barra mid-dar tagħna. Kien għalhekk li mill-ewwel bdejna nippersistu li nagħmlu prosteżi għaliha. Din saret għall-ewwel darba meta hi kellha 12-il xahar. Kien iż-żmien meta hi b'mod iddisprat kienet qed tipprova tieqaf bil-wieqfa u timxi. Bl-użu tal-prosteżi, hi tmejjel saqajha fuq il-ponot ta' subgħajha - bħal ballerina, ġo tubu tal-fibreglass bil-prosteżi. Is-sieq tal-prosteżi hi riġida u hi ma tistax tbaxxi jew tmejjel irkopptejha. Il-prosteżi tintrabat b'ċintorin madwar il-qadd. Il-prosteżi hi magħmula b'mod espert u tieħu l-forma ta' saqajha. Din ittiha bilanċ ħafna aħjar u biha tista' timxi, tiġri b'kunfidenza, taqbeż u tiżfen.
"Madankollu l-prosteżi għandha wkoll l-iżvantaġġi tagħha. Immaġina saqajk qiegħda f'tubu  tal-plastik u b'saqajk fuq il-ponot ta' subgħajk għal sigħat sħaħ matul il-ġurnata. Jekk toqgħod ftit ma' Gwen, li għad għandha biss sentejn  u nofs u  minkejja l-mod kif żviluppat il-kapaċitajiet biex tikkomunika, bħat-tfal l-oħra kollha xi kultant hu diffiċli biex ikollha dak li trid u dak li jkollha bżonn.
"Trid tikkonsidra ukoll it-temperaturi u l-umdità f'Malta.  Trid taħseb ukoll fil-mod kif jikbru t-tfal. Trid tikkonsidra t-taħriġ biex tuża l-potty, li tmur it-tojlit, titla' turġien, mixi fuq madum jiżloq, logħob u ħafna ħin bil-qiegħda. Dan flimkien ma' l-ikliet, vjaġġi twal lejn l-Isptar Mater Dei u safar barra minn Malta fi sptarijiet. Lista twila ta' affarijiet imma bħala familja nagħżlu li niffukaw aktar fuq is-soluzzjonijiet. L-isfidi saru parti mill-ħajja ta' kuljum tagħna. Naraw it-tajjeb, il-ħażin, affarijiet li kultant tidħak, sitwazzjonijiet li jnikktuk, l-uġiegħ, frustrazzjonijiet u fuq kollox sitwazzjonijiet fejn naraw lil Gwen qed tirbaħ," jgħidulna Matt u Michelle.
Gwen soċjevoli u attiva
Minkejja d-diżabilità tagħha, Gwen hi tifla attiva għall-aħħar. Soċjevoli u ma tiqafx ittaqtaq.  Hi tħobb ħafna tkun madwar in-nies. Il-ħruġ barra mid-dar hu xi ħaġa li tkun tixtieqha. Fi kliemhom stess, Gwen għandha 'karattru kalamita'.
Jitkellmu dwar kif kien xokk għalihom li ġurnata wara li twieldet saru jafu li hi qed tbati mill-kundizzjoni magħrufa bħala 'Proximal Focal Femoral Deficiency (PFFD). Jgħidulna li ma tistax ma tistaqsix għaliex xi ħadd jitwieled b'din il-kundizzjoni. Matt jgħid li "f'ħafna mill-każi l-istaff mediku b'mod ġenwin ma jkunx jista' jipprovdi spjegazzjoni. Il-kawża hi li xi ħaġa tkun ikkawżat ħsara fiż-żmien kruċjali meta tkun qed tiżviluppa is-sieq jiġifieri bejn it-28 u t-42 ġurnata tat-tqala.
Il-ġenituri jgħidulna li, "Mill-ewwel konna attivi biex nedukaw lilna nfusna u n-nies ta' madwarna fuq l-għażliet li jeżistu. Dejjem kellna għan wieħed bħala ġenituri - dak li niżguraw li Gwen tkun provduta bl-interventi neċessarji fiż-żmien opportun u b'appoġġ kontiwnu. Dan biex naraw li hi takkwista l-indipendenza bl-inqas intoppi possibbli".
Ikomplu li, 'Kien importanti għalina li nifhmu id-definizzjoni ta' indipendenza. Dik li Gwen tkun tista' toqgħod bil-wieqfa, timxi, tgħum, tiġri u anke ssuq karozza u tibdel ir-rota f'każ ta' puncture. Aħna ċerti li dawn Gwen se tkun tista' tagħmilhom b'interventi li għad irid jsiru matul iż-żmien. Hu importanti wkoll li Gwen tkun involuta u tipparteċipa f'opportunitajiet ta' soċjalizazzjoni."
Ħames prosteżi fi 18-il xahar 
Il-proċess tal-prosteżi, għalkemm jagħti tama ġdida, mhux wieħed faċli lanqas.  Gwen li llum għandha sentejn u ħames xhur qiegħda tistenna l-ħames prosteżi tagħha f'perjodu ta' tmintax-il xahar. Il-proċess jitmexxa minn tobba esperti u mħarrġin fil-qasam.
"Gwen dejjem ikkoperat ħafna fil-proċess biex issir il-prosteżi. Bis-saħħa ta' din il-koperazzjoni tagħha dejjem wasslet biex l-interventi kienu suċċess mal-ewwel tentattiv. Il-proċess biex issir il-prosteżi ivarja u jista'  anke jieħu sa tnax-il ġimgħa mindu jinbeda sakemm jitlesta. Din tinħadem fir-Renju Unit  u mindu tibda tinħadem sakemm titlesta jkun hemm bżonn tinġab f'Malta u terġa' tintbagħat," jgħidulna l-ġenituri.
Imma x'jiġri jekk ikun hemm bżonn urġenti ta' prosteżi ġdida minħabba l-mod kif ikun qed jiżviluppa l-ġisem tat-tifla?
Dwar dan Matt u Michelle jgħidulna li, "Sa issa darba biss kellna bżonn urġenti ta' proseżi ġdida. Biss, llum bl-għajnuna ta' Neville Gafa u Lorinda Camilleri mill-Ministeru għas-Saħħa, hemm alternattiva ġdida u din hi dik li jmorru r-Renju Unit u hemm hekk issir il-ħidma fuq il-prosteżi, proċess li jdum biss bejn jumejn u erbat ijiem. Din hi alternattiva tajba ħafna. Għax hi ta' qsim il-qalb tara lil Gwen ma tistax tkompli b'ħajjitha u bir-rutina tal-ġurnata."
Nistaqsu  jekk hux qed isir biżżejjed fuq kundizzjonijiet simili, bil-ġenituri jgħidulna li, "Dejjem hemm fejn tagħmel aktar. Nixtiequ li forsi jkun hemm aktar appoġġ familjari u għall-ġenituri fil-bidu tat-trawma, jiġifieri meta l-ġenituri jkunu jafu b'din il-kundizzjoni. Forsi sit b'informazzjoni, pariri u linji gwida jistgħu jgħinu ħafna lill-ġenituri bi tfal b'kundizzjonijiet simili."
Michelle u Matt ma jonqsux li jirrimarkaw li l-proċess mediku hu mmexxi minn tobba mħarrġin u speċjalizzati. Il-ġenituri jirringrazzjaw minn qalbhom lil Jesmond Attard li jmexxi l-OPU fl-Isptar San Luqa, lil Dr Massimo Abela fl-Isptar Mater Dei u jirringrazzjaw ukoll lil Steve Martin li jiġi ta' spiss mir-Renju Unit. Ma jonqosx ringrazzjament lil Neville Gafà u Lorinda Camilleri mill-Ministeru għas-Saħħa, li dejjem kienu ta' appoġġ.
Ovvjament Gwen se tkompli tiżviluppa u dan iġib sfidi ġodda b'mod partikolari fejn jirrigwarda l-interventi li jkun hemm bżonn isiru.  Dawn l-interventi jiddependu minn kemm hi gravi l-kundizzjoni.  L-għażliet f'każijiet bħal dawn huma prattikament tlieta - dik li tagħmel prosteżi, xi ħaġa li fil-futur mhix se tkun għażla vijabbli għal Gwen minħabba d-diskrepanza fit-tul tas-sieq. Għażla oħra hi dik li tinqata' is-sieq, jew inkella li tittawwal is-sieq. Din tal-aħħar tinkludi għadd ta' interventi fuq ammont ta' snin u li mhux dejjem taw is-suċċess mixtieq.
Lil hinn minn dan kollu l-ġenituri ta' Gwen huma determinati li jagħmlu dak kollu possibbli biex Gwen tgħix ħajja indipendenti.
Ritratt: Roger Azzopardi
minn l-orizzont
 

Monday, April 25, 2016

‘Nemmnu li l-Gvern ta’ Serraj hu l-unika soluzzjoni għal-Libja’ - George Vella

“Nemmnu li l-Gvern tal-Prim Ministru Faiez Serraj hu l-unika soluzzjoni għal-Libja.” Dan iddikjarah il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, George Vella, waqt il-ħin tal-mistoqsijiet fis-seduta parlamentari tal-lejla. Hu spjega kif illum il-Gvern ta’ Serraj kompla jissaħħaħ u dan hekk kif irnexxielu jieħu kontroll ta’ diversi ministeri. Qal iżda li dan xorta waħda għadu qed jistenna li l-Parlament f’Tobruk jillegalizza lil dan il-gvern ta’ unità fil-Libja.
Il-Ministru Vella spjega li l-Gvern Malti se jkompli jaħdem u jagħmel minn kollox biex dan il-Gvern Libjan ikollu suċċess.
minn inewsmalta.com


Ittriplaw il-każijiet ta’ tfal li ttieħdu barra minn Malta minn missierhom

Matul is-sena 2015 ittriplaw il-każijiet ta’ tfal li kienu jgħixu Malta u li ttieħdu minn missierhom barra minn Malta biex finalment l-omm ma kellhiex triq oħra għajr li titlob l-għajnuna tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Waqt li fis-sena 2014 kien hemm każ wieħed biss fejn intalbet l-għajnuna, fis-sena 2015 dawn telgħu għal tliet każi.
Ittriplaw ukoll il-każijiet ta’ Maltin li kienu arrestati barra minn Malta u minn ħames każijiet fis-sena 2014, dawn telgħu għal 18-il każ is-sena li għaddiet.
Il-Ministru George Vella, f’informazzjon li ta fil-Parlament għal mistoqsija tad-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis, qal li matul is-sena 2014 u 2015 kien hemm 72 każ konsolari li fihom il-Ministeru ntalab jew ta l-għajnuna tiegħu lil ċittadini Maltin.
Fis-sena 2014 kien hemm 20 każ, fosthom ħames każijiet ta’ arresti barra minn Malta li kollha nħelsu u ntbagħtu lura Malta; ħames każijiet ta’ għajnuna lil Maltin li tilfu d-dokument tal-ivvjaġġar; tliet każijiet ta’ mwiet barra minn Malta; tliet każijiet ta’ ripatrijazzjoni; tliet każijiet ta’ għajnuna medika u każ ta’ tifel li nħataf.
Fis-sena 2015 kien hemm 52 każ u dawn kienu jikkonsisti fi 18-il każ ta’ arresti ta’ Maltin barra minn Malta, fejn f’żewġ każijiet iċ-ċittadini Maltin inżammu fil-pajjiż konċernat u sittax inħelsu. Kien hemm 16-il każ ta’ Maltin li ġew megħejuna biex jiġu evakwati minn żoni milqutin minn diżastri naturali, seba’ każi ta’ għajnuna lil Maltin li tilfu d-dokument tal-ivvjaġġar, 4 każijiet ta’ imwiet barra minn Malta, tliet każijiet ta’ Maltinli ġew ripatrijati, każ ta’ Malti li kellu bżonn għajnuna medika u tliet każijiet ta’ għajnuna lil nisa Maltin li wliedhom ittieħdu minn missierhom f’pajjiż barrani.
minn inewsmalta.com

Indirizzati l-abbużi rampanti fil-kafetterija tal-Gozo Channel... ir-riżultat kien €400,000 qligħ

Waqt li l-abbużi deskritti bħala rampanti fil-kafetteriji abbord il-bastimenti tal-Gozo Channel ġew indirizzati, ir-riżultat kien li sar qligħ ta’ €400,000. Dan irriżulta minn tagħrif Parlamentari mogħti mill-Ministru għal Għawdex, Anton Refalo, għal mistoqsija tad-Deputat Laburista Ettienne Grech.
Il-Ministru Refalo qal li, “Is-sena 2015 kienet sena oħra ta’ ħidma ntensiva sabiex filwaqt li tipprovdi servizz ta’ eċċellenza f’dak li huwa l-ġarr ta’ passiġġieri, vetturi u merkanzija bejn iż-żewġ gżejjer, il-Gozo Channel tiżgura li topera bi profitt.
Matul is-sena 2015, il-kumpanija esperjenzat żidiet sostanzjali f’dawk li huma passiġġieri u vetturi li qasmu bejn iż-żewġ gzejjer. Il-passiġġieri żdiedu b’iktar minn 2% fuq is-sena ta qabel, biex b’hekk qabzu l-4.7 miljun passiġġier filwaqt li l-vetturi żdiedu b’iktar minn 5.3% u cioè żieda ta’ madwar 70,000 vettura fuq is-sena 2014. Dan ifisser żieda ta’ aktar min 700,000 passiġġier fuq is-sena 2012.”
Qal ukoll li, “Il-Gozo Channel ħadmet bla heda sabiex setgħet topera kemm il-vjaġġi bl-iskeda kif ukoll ammont sostanzjali ta’ vjaġġi extra. Dan speċjalment f’mumenti ta’ ħtieġa partikolari fejn id-domanda kienet waħda kbira u fejn l-Gozo Channel ħadmet bil-flotta kollha tagħha sabiex toffri l-aqwa servizz possibbli. Fl-2015, il-Gozo Channel għażlet li tbiddel totalment il-kunċett tal-iskeda tagħha fejn introduċiet biss żewġ skedi: waħda tas-sajf u l-oħra tax-xitwa. B’hekk il-kumpanija żiedet b’ammont sostanzjali n-numru ta’ vjaġġi bl-iskeda fejn in-numru ta’ vjaġġi f’2015 kien ta’ 20,824, żieda ta’ 1,482 fuq is-sena 2012.”
Il-Ministru kompla jgħid li, “Fil-qasam kummerċjali, il-kumpanija wkoll għamlet passi kbar ’il quddiem. Wara l-ħidma kbira li saret fil-kafeterija fejn tnaqqsu l-abbuzi li kienu rampanti fl-amministrazzjoni preċendenti, l-kafeterija abbord il-vapuri ħalliet profitt nett ta’ aktar minn €400,000, jiġifieri d-doppju tal-qligħ illi l-kumpanija għamlet mil-istess kafeterija fl-2012 meta Tonio Fenech kien Ministru.
Dan kollu wassal lill-kumpanija sabiex fl-2015 tirreġistra profit ta’ aktar minn €1 miljun, u dan wara s-sena diżastruża tal-2012 li kienet timmarka l-aħħar sena ta’ amministrazzjoni preċedenti fejn il-kumpanija kienet tilfet ’l fuq minn €1.6 miljuni.”
Il-Ministru qal li, “Ta’ min isemmi wkoll illi matul l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena (2016), il-Kumpanija diġà għamlet 570 vjaġġ aktar mill-ewwel tliet xhur tas-sena l-oħra, u bħala passiġġieri qbiżna l-miljun passiġġier. Dan ifisser illi kien hemm żieda fil-ġarr tal-passiġġieri ta’ aktar minn 20% fuq l-ewwel tliet xhur tal-2015.”

500 familja ‘arrestati f’darhom’ fil-Baħrija - Antoine Borg

Id-devjazzjoni tat-traffiku biex wieħed jidħol u joħroġ mill-Baħrija, liema devjazzjoni qed isseħħ minħabba xogħlijiet biex il-Baħrija tingħaqad mas-sistema tad-drenaġġ fir-Rabat, ġiet trattata fl-aġġornament tal-Parlament illejla mid-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg. Hu ddeskriva lin-nies tal-Baħrija bħala li huma arrestati fil-Baħrija, għax sar inkonvenjent kbir biex dawn jidħlu u joħorġu minn dan il-lokal. Spjega li kien hemm każ fejn ambulanza ma setgħetx tidħol fil-Baħrija għax ma setgħetx taqbad art tad-devjazzjonijiet tat-traffiku.
Antoine Borg qal li, “Dan hu proġett tajjeb u hemm bżonn u messu sar qabel. Proġett bħal dan jinvolvi ħafna xogħol u dan joħloq inkonvenjent. Biss dan minn inkonvenjent iddiġenera f’sitwazzjoni impossibbli biex tidħol jew toħroġ mill-Baħrija. Hemm inkonvenjent esaġerat li hu frott ta’ nuqqas ta’ kordinazzjoni, ippjanar u komunikazzjoni.”
Qal li minn dan qed ibatu n-negozji fil-Baħrija u negozji fir-Rabat li għandhom klijentela mill-Baħrija. “Naf stejjer ta’ nies li kellhom bżonn ambulanza iżda dawn ma setgħux jaqbdu art ta’ kif se jaslu l-Baħrija minħabba d-devjazzjonijiet kawża tax-xogħlijiet. Kellhom joħorġu qraba biex jiltaqgħu ma’ tal-ambulanza u juruhom it-triq.”
Hu spjega li issa n-nies tal-Baħrija qed jispiċċaw imorru l-Imġarr biex joħorġu mill-Baħrija u dan qed iwassal għal traffiku kbir fit-triq ewlenija tal-Imġarr. Oħrajn qed jgħaddu minn triq li hi ħażina ħafna fl-Imtaħleb. Qal li jaf b’każijiet fejn nies telqu mill-Baħrija fit-8.00 ta’ filgħodu u waslu fl-inħawi tal-Gżira siegħa u nofs wara. Qal li issa qed jinstema’ li din it-triq mhix se titlesta sat-8 ta’ Ġunju iżda fl-aħħar ta’ Ġunju. Qal li n-nies ċemplu lil Transport Malta dwar id-devjazzjonijiet u dawn qalulhom li mhux huma responsabbli imma l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
minn inewsmalta.com

Fi żmien sena pjan nazzjonali ta’ appoġġ għall-awtiżmu

Fi żmien sena pajjiżna għandu jkollu pjan nazzjonali ta’ appoġġ għall-awtiżmu. Dan iddikjaratu s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana fl-għeluq tad-dibattitu dwar l-abbozz ta’ liġi dwar l-empowerment tal-persuni fuq firxa wiesa' ta’ awtiżmu. Hi qalet li l-iskop tal-kunsill hu dak li jkun hemm sinerġija bejn diversi entitajiet. Qalet li min għamel il-kritika li dan hu kunsill kbir li mhux se jaħdem, qalet li entitajiet fid-diskussjonijiet li saru urew ix-xewqa li nimxu lejn din id-direzzjoni.
Irreferiet għall-kritika li m’hemmx żmien stipulat ta’ meta se jitlesta dan il-pjan nazzjonali u qalet li ż-żmien stipulat hu dak ta’ sena. Spjegat li l-iskop ta’ dan l-abbozz ta’ liġi hu li qed issir enfasi kbira fuq l-empowerment. Tenniet li temmen li l-persuni bl-awtiżmu għandhom potenzjal.
“Jekk wieħed iħares lejn l-artikoli tal-liġi wieħed jara l-enfasi fuq il-ħiliet u t-taħriġ ta’ dawn il-persuni. Iva, nemmnu li l-persuni bl-awtiżmu għandhom potenzjal u rriduhom parti minn dan il-kunsill. Għal ħafna żmien u ħafna snin konna nitkellmu b’ċertu mod fuq l-awtiżmu u issa b’dan l-abbozz se nagħmlu qabża fil-kwalita mhux biss tas-servizzi imma fil-ħajja ta’ dawn il-persuni. Il-kunsill se jkun l-entità li se jkun qed jissorvelja lill-Gvern fl-implimentazzjoni tal-pjan nazzjonali.”
Intant mill-abbozz jirriżulta li l-kunsill għandu jaġixxi f’kapaċita konsultattiva għall-Ministru u għandu jipprepara u jissottometti pjan nazzjonli ta’ sapport għall-awtiżmu. L-istess kunsill għandu jirrevedi, jissorvelja u jaġġorna dan il-pjan nazzjonali u jassisti lill-Gvern biex jilħaq l-għanijiet ta’ dan l-att. L-istess kunsill għandu jiġbor informazzjoni xierqa, anonima u aggregata dwar il-popolazzjoni kollettiva ta’ persuni fi ħdan il-firxa wiesa' ta’ awtiżmu. Dan se jagħti pariri dwar il-promozzjoni ta’ taħriġ vokazzjonali.
  minn inewsmalta.com

Wara waqfa ta' erba' xhur, Medecins Sans Frontieres terġa' tibda s-salvataġġi

Wara li erba' xhur ilu Medecins Sans Frontieres (MSF) kienu waqqfu l-operazzjonijiet ta' salvataġġ fiċ-ċentru tal-Mediterran, quddiem it-traġedji li seħħew fl-aħħar ġimgħat b'mod partikolari dik fejn għerqu 500 immigrant, Medecins Sans Frontieres bidlu d-deċiżjoni tagħhom.  Filfatt fl-aħħar jiem il-bastiment Dignity I kien fiċ-ċentru tal-Mediterran u sa ftit sigħat ilu fuqu kien hemm 308 immigrant li minnhom kien hemm 80 nisa u 23 tfal. Fl-aħħar sigħat ukoll il-Qawwa Navali Taljana salvat xejn inqas minn 244 persuna minn dinghies li kienu f'diffikulta.
Fil-bidu ta' Jannar, Medecins Sans Frontieres kienet qalet li fi tmien xhur  ta' salvataġġi f'nofs il-Mediteran  ġew salvati xejn inqas minn 20,129 persuna li kienu qed jaqsmu lejn l-Ewropa. Kienet qalet li ddeċidiet li twaqqaf is-salvataġġ hekk kif tħoss li hemm biżżejjed riżorsi biex jilqgħu għall-ħidma f'dan iż-żmien  fejn il-vjaġġi bid-dgħajjes mill-Afrika ta' Fuq naqsu.  Biss MSF sejħet lill-Unjoni Ewropea biex ikunu huma li jagħmlu missjonijiet ta' salvataġġ biex jiġu evitati t-traġedji.
MSF kienet iddikjarat b'mod ċar u tond li "waqt li nibqgħu konvinti fuq l-importanza li jkun hemm missjonijiet ta' tiftix u salvataġġ f'nofs il-Mediterran biex ikunu salvati l-ħajjiet ta' immigranti, aħna ntennu li l-professjoni tagħna hi dik medika u għalhekk it-tiftix u salvataġġ mhux xogħlna".
Stefano Argenziano, li hu l-manager tal-Operazzjoni tal-Immigrazzjoni ta' MSF, kien iddikjara li "l-ebda persuna li kienet abbord dgħajjes li ġew salvati ma kienu se jaslu f'post sigur li kieku ma kienx l-intervent ta' MSF li salvathom. Nittamaw li jkun hemm riżorsi Ewropej li jkunu suffiċjenti fis-sena 2016 u b'hekk ma jkunx hemm bżonn id-dgħajjes tagħna".
MSF kienet iddikjarat ukoll li minkejja li qed twaqqaf il-missjoni ta' tiftix u salvataġġ, hi qalet li se tibqa' ssegwi u se tkun lesta biex terġa' tintervjeni f'każ li l-Unjoni Ewropea u l-Istati membri jonqsu milli jaġixxu biex jipproteġu eluf ta' irġiel, nisa u tfal li qed jistennew li jaqsmu lejn l-Ewropa fix-xhur li ġejjin".
 minn inewsmalta.com

'Nħossni misluf biex nerġa' ngħix' - Luciano Baldacchino

"Nħossni misluf. Li niftakar hu li qlajt daqqa kbira ġo dari u ttajjart għal ġol-baħar. Għamilt sena ma nimxix u sena oħra nipprova nimxi." Hekk iddikjara ma' inewsmalta.com, Luciano Baldacchino, eks ħaddiem tat-tarzna li bħal-lum 31 sena kien weġġa' f'inċident ikrah fit-Tarzna.
Luciano fil-kumment tiegħu qalilna li "dik konna qed inniżżlu krejn min fuq id-Dock express 20. Bdejna filgħodu kmieni u l-kundizzjonijiet kienu riħ isfel u maltemp tard filgħaxija. Meta fl-aħħar ġejna biex inpoġġu il-boggie wheels l'art il barra ferraħ bi kważi metru u f'qasir żmien il-krejn ċeda, intrewa u niżel. Dak il-ħin jien kont kważi taħt il-kuruna meta sieħbi taptapli fuq spallti biex nersqu lejn il-baħar. Li niftakar kien li ttajjar lejn il-baħar b'daqqa enormi ġo dahri. Minn hemm bdiet  passjoni. Sena ma nimxix u sena oħa biex nipprova nimxi.
Luciano jgħid li "nħoss li bħal llum 31 sena ilu jien ġejt misluf li nerġa' ngħix. Nirringrazzja lil Alla li silifni l-għomor nara lit-tfal jikbru u qed ingawdi tfal tagħhom. Dakinhar mort ix-xogħol bħala bniedem normali iżda mort lura id-dar b'diżabilità. Grazzi għall-mara u sħabi li ħadu paċenzja kbira biex tawni l-kuraġġ nerġa' naccetta id-dinja. Insellem lil shabi li weggħu miegħi fejn b'kollox konna ħamsa."
minn inewsmalta.com

Bebbuxata toħloq rabja fis-Siġġiewi

Kull min ilbieraħ filgħaxija għadda mill-Pjazza tas-Siġġiewi seta' jara mandra sħiħa. Biżibilju ta' karti u reċipjenti mxerrdin mal-pjazza pittoreska tas-Siġġiewi kien ir-riżultat li tħalla wara attività msejħa Bebbuxata. Dalgħodu għadd ta' residenti esprimew ir-rabja tagħhom għall-istat li tħalliet fih il-pjazza wara li ntemmet l-attività.
"M'aħniex kontra attivitajiet bħal dawn. Anzi għandna ninkoraġġuhom, imma wara jrid isir it-tindif. Is-Sibt wara l-attività l-pjazza tnaddfet, imma lbieraħ filgħaxija għal xi raġuni ma tnaddfitx. Dan hu inkonvenjent għalina r-residenti."
Jidher li s-sitwazzjoni ddeġenerat b'dan il-mod minħabba nuqqas ta' qbil dwar min fil-fatt kellu jnaddaf il-post wara li tintemm l-attività.
Resident li tkellem magħna qalilna li, "Biex dħalt ġo dari s-Sibt filgħaxija kelli noqgħod innaddaf il-fliexken u reċipjenti tal-bebbux li tħallew min-nies fuq l-għatba u l-bankini. It-tindif tal-post għandu jsir malli titlesta l-attività. Naħseb li mhux biżżejjed li l-kunsill joħroġ permess għall-attivitià imma għandu jara wkoll li jsir it-tindif immedjatament kif tintemm."
minn inewsmalta.com


'Bqajt imbellah… issa għandi ħabib ġdid u qed ngħinu'

"Ridt nirringrazzjah. Issa għandi ħabib ġdid. Bqajna f'kuntatt jien u hu. Se nkun qed ngħinu. Apprezzajt ħafna l-ġest tiegħu. Kieku ma rritornax il-kartiera, kieku għandi jiem ta' ġiri biex nagħmel il-kards mill-ġdid. Lanqas biss kont indunajt li tlift il-kartiera. Fil-fatt meta ċempilli għedtlu li ma tliftx il-kartiera. Wara ndunajt u rġajt ċempiltlu u ltqajna biex itihieli. Jien tajtu rigal li hu apprezzah ħafna." Dan sostnieh Simon Gatt, meta ġiet ikkuntattjat minn inewsmalta.com wara li raġel bl-isem ta' Obi ta’ nazzjonalità Niġerjana rritorna l-kartiera lil Simon b'dak kollu li kien fiha, wara li l-istess raġel sabha fuq l-istejġ f'Bieb il-Bombi.
Obi hu immigrant li daħal f'pajjiżna biex ifittex futur aħjar.
Simon Gatt jgħidilna li, "Li ġara kien li jien ħadt il-karozza biex tissewwa l-Mosta u  mbagħad irritornajt lejn iż-Żejtun bil-karozza tal-linja. Kont qed nistenna l-karozza f'Bieb il-Bombi. Meta ġiet il-karozza u qomt biex nirkeb, il-kartiera waqgħetli. Ftit ħin wara waqt li kont għadni sejjer lejn iż-Żejtun idoqq il-mowbajl."
Simon ikompli li, "Min kien qed iċempel beda jistaqsini bl-Ingliż jekk ħallejtx il-kartiera warajja. Jien kont persważ li ma tlift xejn u għedtlu li le. Wara rġajt ċempiltlu. Hu kien sejjer Ħaż-Żabbar u ltqajna hemmhekk. Dak li kelli fiha, inkluż €400, kien kollu hemm.  Ħassejt li għandi nirringrazzjah. Sirt naf li hu Niġerjan u li jismu Obi. Sirna ħbieb u se nibqgħu f'kuntatt. Huwa raġel umli ħafna."
minn inewsmalta.com

Friday, April 22, 2016






Jiddokumenta dak li jiġri fil-Libja u l-vjaġġi tal-immigranti bit-tpinġijiet

Mahmoud ħasad lil kulħadd. Kien f'attività soċjali u f'ħin minnhom meta ngħata karta u lapes, beda jpinġi xena wara oħra. Xeni li jkexkxu. Nies bl-azzarini ppuntati lejn persuni ċivili. Persuni jissieltu għal ħajjithom waqt li qed jegħrqu. Oħrajn mejtin f'wiċċ il-baħar.
Mahmoud ikompli jaħsdek meta tavviċinah  u titkellem miegħu. Ħarab mil-Libja, għax id-dar ta' fejn kien jgħix hu u l-ġenituri kienet attakkata mill-milizzji. Inqerdet kompletament. Kulma kellhom intilef, inkluż il-karozza. Waħda mill-bombi sparati waqgħet ftit passi bogħod minn saqajh. Din ma ħaditx. Hu imma spiċċa midrub sew f'saqajh. Spiċċa ukoll il-ħabs wara li twaqqaf f'check point. Ħallewh jaħrab wara li ħallas lill-gwardji.  Finalment iddeċieda li jaħrab mil-Libja u ġie Malta.
Diffiċli tibqa' tgħix fil-Libja
inewsmalta.com tkellem ma' Mahmoud (qed nibdlu l-isem tiegħu biex nipproteġu l-identità tiegħu). Jgħidilna li "jien ġejt Malta b'ajruplan minn Djerba fit-Tuneżija.   Kont ngħix fi Tripli, b'żona ftit il-barra mill-belt. Kien diffiċli ħafna li tibqa'  tgħix fil-Libja. Il-ħajja fil-belt kienet karatterizzata minn ġlied u tensjoni kontinwa bejn milizzji rivali li qed jikkonktrollaw id-diversi partijiet ta' Tripli. "Qatt ma taf fejn int jew x'se jiġri", iddeskriva s-sitwazzjoni Mahmoud.
"Fi Tripli ma kontx naħdem. Jien kont qed nistudja.  Il-ħolma tiegħi dejjem kienet li nilħaq dentist.  Dħalt l-università għal dan il-għan. Ma kinitx faċli li nmur l-Università għax ridt ngħaddi minn ħafna check points tal-milizzji. Dawn kienu jwaqqfuni  u jistaqsuni jekk jien nagħmilx parti minn xi grupp. Jien kont ngħidilhom li jien Libjan. Kont indur fuqhom u ngħidilhom Libjan bħalkom.  B'xi mod jew ieħor kont nitħalla ngħaddi. Biss darba minnhom arrestawni u tefgħuni l-ħabs.  Wara ftit kien irnexxieli naħrab mill-ħabs".
Nistaqsuh kif taħrab minn ħabs fil-Libja u hu jgħidilna li "qraba tiegħi ġabuli l-flus u ħallast biex noħroġ minn hemm. Kien iz-ziju li ġab il-flus u dawn ingħataw lill-gwardjani. Dawn imbagħad ħallewli l-bibien miftuħin biex inkun nista' naħrab."
"Tripli sa ftit ġimgħat ilu kienet għadha qisha fi gwerra. Ġlied u tensjoni.  Ftit qabel tlaqt mil-Libja ġiet milizzja partikolari fiż-żona fejn ngħixu aħna u bdew jisparaw fuq id-djar.  Bl-azzarini u anke grenades tefgħu.  Id-dar tagħna u kull ma kien fiha inqerdet kompletament.  Anki l-karozza tiegħi sparawlha u spiċċat maħruqa. Bqajna ngħixu fi gwerra. F'dan l-attakk intlaqatt sew f'saqajja. Kont fortunat li grenade waqa' ħdejja imma ma ħax. Quddiem dan iddeċidejt li naħrab mil-Libja". 
Ikel u ilma mhux problema fil-Libja
Mistoqsi dwar provvisti ta' ikel u ilma fil-Libja, hu qalilna li "problemi ta' ikel u ilma ma kienx hemm. Il-problemi li hemm huma minħabba l-ġlied u l-inċertezza. Ma tafx fejn inti. Filli tkun ġurnata kwieta, filli ssib ruħek f'żona bi ġlied. Kemm se ddum tgħix f'sitwazzjoni simili?  Hemm ħajtek fin-nofs.  Il-Libja ma baqgħetx post sigur."
Iddokumenta vjaġġi ta'  immigranti bi tpinġijiet
Waqt li qed nitkellmu ma' Mahmoud, jurina għadd ta' tpinġijiet li għamel. Dawn jiddokumentaw dak li hu ra b'għajnejh fejn jirrigwarda immigranti li hemm fil-Libja. Bit-tpinġijiet jiddokumenta ukoll dak li kien jara fil-Libja. Suldati u nies oħra b'azzarini f'idejhom jippuntaw lejn persuni oħra. Immigranti f'dgħajjes.  Immigranti qed jegħrqu f'nofs ta' baħar.
"Fi Tripli kont nara ħafna persuni Afrikani. Tarahom sejrin għax-xogħol. L-akbar ammont minnhom rajthom f'Zuwara.  Hemm hekk hu l-post li minnu jitilqu ħafna immigranti fil-vjaġġ lejn l-Ewropa. Jinżammu f'postijiet hemm. Jien rajthom fil-vjaġġ tiegħi lejn it-Tuneżija. It-triq li minn Tripli tieħu lejn it-Tuneżija hi perikoluża bħalissa minħabba l-milizzji. Għamiltha f'fażijiet u kona nieqaf f'diversi postijiet u noqgħod għand xi ħbieb."
Nistaqsuh jekk għamilx tentattiv biex jiġi lejn Malta bid-dgħajsa bħall-Afrikani u hu jirrispondi li "qatt ma kelli interess niġi bid-dgħajsa. Naf kemm hi perikoluża u kemm mietu nies. Il-Libjani li jkunu qed ifittxu li jitilqu mil-Libja ma naħsibx li se jagħmlu dan bid-dgħajjes. Naħseb li se jippreferu l-ajruplan. Il-Libjani, bħala riżorsi finanzjarji naħseb li huma ħafna aħjar mill-persuni Afrikani li hemm fil-Libja".
Nistaqsuh dwar il-Libja u jgħidilna li "kif inhuma l-affarijiet illum ma rridx inmur lejn il-Libja. Inħossni tajjeb hawn Malta. Inħossni qisni wieħed Malti. Naf il-lingwa għax hi simili. Malta hi pajjiżi. Ma neskludix imma li jekk fil-Libja l-affarijiet jitranġaw nerġa' nmur". 
Dawn it-tpinġijiet saru waqt il-proġett 'Explorers', proġett li qed jitmexxa f'Malta  u li qed jitratta aspetti fundamentali tal-integrazzjoni permezz ta' arti interattiva u workshops interkulturali.  Dan il-proġett hu ta' Migrant Women Association Malta immexxi minn Moira Agius b'kollaborazzjoni ma' African Media Association, Spazju Kreattiv, Arts Council  Creative Communities, HSBC Water Programme, u Friends of the Earth. 
Minn inewsmalta.com


Human traffickers stopped rescue after sinking disaster: survivors

Faduma Farah Guled and her daughter Micraaj Mohamed reacts as she waits for information about her son Mohamed Farah, who is missing in the Mediterranean Sea following the recent shipwreck at an unknown location between Libya and Italy, during a Reuters interview at their...
Reuters/Feisal Omar
A knife-wielding human trafficker prevented survivors of a shipwreck from pulling others to safety, leaving them to drown in the dark, one of the surviving migrants said on Thursday.Up to 500 people are believed to have died in last week's disaster, when an overcrowded boat sank in the southern Mediterranean. Just 41 people were eventually saved by a passing merchant ship and brought to Greece on April 16.
Muaz Mahmud, 25, from Oromia in Ethiopia, managed to escape the packed vessel as it was sinking and clambered onto a nearby boat. However, a people smuggler prevented them from helping others still in the sea, saying they had to leave immediately.
"I told him 'don't start motor please we have to save these people'. He took a knife. "I am going to kill you, we don't stand here," and then I just cried," Mahmud told reporters, speaking in broken English.
He had been with his wife and 2-month-old baby, having paid $1,800 each for the passage. They are feared drowned.
While the handful of survivors recounted their tales of horror, families of those still missing, many of whom were believed to be from Somalia, described how their relatives had hoped to reach Europe and escape poverty.
In Somalia's bombed-out capital, the parents of Mohamed Farah, 25, are still awaiting word of his fate. His family and friends had scraped together thousands of dollars to help him to make the perilous trip over land and sea to Europe. They have been told his picture was not among those of the survivors.
"Is he alive or dead? His mother has not eaten food for days," said Ali Nur, his 23-year-old cousin and friend. "The agent (trafficker) is the criminal behind the disaster. He got rich from the Somalis drowning in the sea."
The stories from the survivors and grieving relatives give a clear timeframe for one of the worst such tragedies in recent years, showing not just the dangers of the journey but also the relative sophistication of the human trafficking ring.
More than 150,000 migrants reached Italy by boat last year, with some 25,000 arriving so far this year. About 800 are believed to have died trying to make the crossing since January.
NIGHTTIME RENDEZ-VOUS
Mohamed Farah left Mogadishu in early February, traveling through Somaliland, Ethiopia and Sudan before reaching Egypt. On April 8 he called home to say he was set to leave, having paid about $3,000 for his place on the boat.
"'We are going to sail, please pray for me, parents,'" Nur quoted him as saying in that final call.
It is not clear when precisely he put to sea, but survivors have said one boat with up to 300 people aboard departed somewhere from Egypt, while a second, smaller boat, carrying up to 200, left from near Tobruk in eastern Libya.
Many hours after putting to sea, these two vessels met up in the dead of night, probably on April 13. The smugglers transferred almost everyone onto the bigger boat, at which point it started taking in water. Survivors and officials say that between 400-500 were probably on board when it sank.
"When this boat was falling, we started swimming to save our life to the other boat. Some survivors on the other boat threw something to us (to help us). We were 10 people," said Mahmud.
With others still swimming towards them, the smuggler started the engine and abandoned them.
"We saw the dead guys with our eyes," said Mowlid Isman, 28, from Mogadishu in Somalia. Like Mahmud, he had managed to reach the smaller boat before it left. His sister and her baby did not and are feared drowned.
"Other peoples' families died too. There wasn't anything we could do because they were in the water (and) we moved away," he said, speaking through an interpreter.
Survivors said the smuggler headed towards Italy but at a certain point he boarded a third boat to return to Libya.
He promised to return with water and food, but never reappeared. He also left a satellite phone, with an Italian number for them to call.
"I called. It was the police, I called them to help us," Mahmud said. One ship passed nearby but did not pick them up, he said. A second boat finally found them and took them to Greece.
The survivors -- 37 men, three women and a three-year-old child from Somalia, Ethiopia, Egypt and Sudan -- said they had drifted at sea for three days.
They are now in Athens and Greek non-governmental organization Praksis said they had all been given a one-month permit to stay in the country.
In Somalia, news of the disaster started to filter through on April 17. Farah's cousin said they got confirmation from a man nicknamed Magafe, which means 'he who never misses', who was the agent who had organized the doomed crossing.
"Before (Farah) sailed away we spoke to him and his friends whom he made on the way and with whom he stayed in Egypt. Now all of them are gone in the sea."
Reuters

'Bidla f'Malta fil-kaċċa llegali'…rebħa għall-kaċċaturi fl-Ewropa

Filmati ta' tajr tal-priża jtir qalb il-kaċċaturi li kienu għal kaċċa tal-gamiem u li baqa' sejjer fi triqtu, flimkien ma' testimonjanzi minn għadd ta' persuni barranin fosthom membri tal-CABS u osservaturi oħra tal-kaċċa fir-rebbiegħa,  huma kollha xhieda ta' bidla kbira li seħħet fejn tirrigwarda l-kaċċa illegali. Osservaturi tal-passa fir-rebbiegħa fosthom Natalino Fenech jiddikjaraw li "din hi t-triq 'l quddiem'. Il-CABS, qalu li kien hemm bidla kbira f'Malta, waqt li s-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes meta mitlub jikkummenta minn inewsmalta.com qal li l-multi u r-regolamenti li daħħal il-Gvern wasslu biex naqset il-kaċċa illegali.  Quddiem dan iżda l-Birdlife kienet dik li kkuntrastat bil-kbir u dan meta ħarġet stqarrija titlob li jingħalaq l-istaġun minħabba dik li hi qalet li hi kaċċa illegali. Ta' min jgħid li l-kaċċaturi kemm f'Malta u anke dawk Ewropej għadhom kemm għamlu rebħa fil-Parlament Ewropew.  
Il-Committee Against Bird Slaughter (CABS), wara li l-ġimgħa li għaddiet esprimew ruħhom dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa f'Malta u qal li kien hemm titjib fejn tidħol il-kaċċa illegali, lbieraħ huma f'messaġġ li ħarġu iddikjaraw li "kollox inbidel f'Malta. Għalkemm fadal xi jsir fuq offiżi marbutin ma' kaċċa f'Malta, ma nistgħux niċħdu l-fatt li kien hemm titjib sinifikanti fejn tidħol il-kaċċa illegali. Il-lejl li għadda u dalgħodu stajna, membri tal-CABS f'Malta setgħu josservaw għasafar protetti ipassi bla xkiel ta' xejn lejn l-Italja. Żgur li ma konniex nimmaġinaw din is-sitwazzjoni disa' snin ilu meta bdejna niġu Malta nosservaw il-kaċċa fir-rebbiegħa".
Din l-aħbar intlaqgħet b'mod pożittiv minn kaċċaturi u anke persuni oħra li qed isegwu l-passa fir-rebbiegħa. Ma kienux biss il-CABS li kkummentaw b'mod pożittiv bil-mod kif miexja l-kaċċa fir-rebbiegħa u dan għax barranin oħra li kien hawn f'pajjiżna u osservaturi oħrajn tal-passa ukoll esprimew is-sodisfazzjon tagħhom.
Intant il-kaċċaturi fl-Ewropa għamlu rebħa fil-Parlament Ewropew u dan hekk kif dawk ta' kontra l-kaċċa kienu għaddejjin bi sforzi biex membri Parlamentari jiffirmaw dikjarazzjoni biex ikunu ristretti l-importazzjoni ta' tajr u annimali li jkunu nqabdu minn kaċċa lejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Din id-dikjarazzjoni nkitbet f'Jannar li għadda. Din iżda ffirmawha biss 135 membru Parlamentari u għalhekk kienet ferm u ferm inqas mit-377 firma li kellhom bżonn.Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes, f'kummenti lil inewsmalta.com qal li "dak li qalu l-CABS jikkonferma dak li konna qegħdin ngħidu. Il-multi u r-regolamenti li daħħalna taw il-frott u naqset il-kaċċa illegali. Dan hu frott ta' ħidma li saret u kollaborazzjoni minn għaqdiet u organizazzjonijiet fosthom dawk tal-kaċċaturi." Hu qal ukoll li l-Kap tal-Wildlife Regulations Unit ġie mfaħħar għax-xogħol tiegħu f'konferenza fl-Albanija.
Minn naħa tiegħu, Natalino Fenech, li  jsegwi l-passes tal-għasafar f'Malta iddikjara li "dawn il-jumejn kelli grupp ta' studjużi tal-għasafar mill Ewropa u ħadthom żewġ postijiet: ix-Xagħra l-Ħamra u l-inhawi ta' Ħaġar Qim. Smajna ftit tiri u l-barranin għall-ewwel kienu mħassbin imma x'ħin raw il-Bgħadan għaddej u l-kaċċaturi jħarsu indunaw li ħafna minn dak li jingħad illum mhux minnu. Tkellimna ma' għadd ta' kaċċaturi oħra u ħadt gost bil-mod kif tkellmu, u iktar għall-mod kif ġabu ruħhom tant li l-barranin telqu b'opinjoni differenti milli ġew biha. Din hi t-triq il-quddiem."
 
Ritratt: Arkivji - Ian Noel Pace

Fdalijiet aktarx Rumani f'żona bejn Ħal Qormi u l-Marsa

Għalkemm sa issa għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet arkeoloġiċi f'żona li tinsab bejn Ħal Qormi u l-Marsa, jidher li l-fdalijiet li nstabu jmorru lura għall-era Rumana.  Sorsi li tkellmu ma' inewsmalta.com qalulna li "kollox qed jindika li l-fdalijiet huma Rumani. Biss uffiċjalment għad m'hemm ebda konferma", qalilna l-istess sors.
inewsmalta.com għamel kuntatt mas-Sindku ta' Ħal Qormi, Rosianne Cutajar, fejn din qaltilna li "sa issa għad m'għandniex informazzjoni. Qabel nikkommettu ruħna dwar dak li nstab, irrid ikolli konferma uffiċjali ta' xi nstab". Bħalissa ix-xogħlijiet konnessi mal-proġett propost fiż-żona jinsabu weqfin.
Din iż-żona li llum hi mnaddfa għax kien se jibda l-iżvilupp fiha, sa ftit xhur ilu kienet magħrufa għal kull tip ta' skart li kien jintefa' fiha b'mod partikolari wara l-ħitan tas-sejjieħ li kellha. Is-Sovrintendenza għall-Patrimonju qed tagħmel l-investigazzjonijiet tagħha dwar dawn is-sejbiet.
F'kuntatt li konna għamilna mas-Sindku tal-Marsa, Frans Debono, hu enfasizzalna li hu jħoss li l-parti li fiha instabu dawn il-fdalijiet,  għandha titħalla barra mill-iżvilupp biex dak li nstab ikun jista' jitgawda mill-pubbliku.
Meta kuntattjat id-Deputat Kap tas-Sovrintendenza għall-Patrimonju, Nathaniel Cutajar.  Hu kien qalilna li " ż-żona indikata hija koperta minn applikazzjoni għall-iżvilup. Din iż-żona estensiva qed tiġi investigata mis-Sovrintendenza biex tiġi stabilità in-natura u l-importanza tal-fdalijiet arkeoloġiċi fil-konfini ta’ din l-applikazzjoni għall-iżvilupp."
Hu kien qalilna ukoll li "dawn l-investigazzjonijiet għadhom mhux lesti, u għadu kmieni wisq biex noħorġu il-konklużjonijiet uffiċjali tagħna."
minn inewsmalta.com

Tal-avjazzjoni jwieġbu...'mhux chemtrails'

Wara li għadd kbir ta' persuni bdew jesprimu ruħhom u jitħassbu dwar traċċi tal-ajruplani fl-ajru, liema traċċi damu għal ħin twil fl-arja, id-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili meta mistoqsi minn inewsmalta.com wieġeb li t-traċċi ta' nhar is-Sibt kienu 'contrails' u mhux 'chemtrails'. 'Contrails'  huma meta duħħan mill-magni tal-ajruplani jiġi f'kuntatt ma' arja kiesħa u b'hekk jifforma dak is-sħab abjad.  L-ammont ta' traċċi ivarja skond il-kundizzjonijiet, qalilna id-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili.
Bdot li tkellem ma' inewsmalta.com bil-kundizzjoni tal-anonimità spjega li "dan mhux xi fenomenu tagħna biss. Ikun hemm kontroversji f'diversi pajjiżi. F'Ċipru per eżempju kien hemm polemika kbira dwarhom fl-aħħar ġimgħat. Hemm min jargumenta bħal ma ġara nhar is-Sibt, li t-traċċi damu fl-arja. Hu minnu dan iżda hemm spjegazzjonijiet xjentifiċi. Ma nagħtix tort li n-nies jistaqsu u jitħassbu għax il-pubbliku ftit li xejn qed ikun infurmat mill-awtoritajiet. Ma nistax nifhem kif jaraw in-nies jitħassbu u jistaqsu, u min hu responsabbli li jinforma jagħżel li ma jgħid xejn", qalilna l-istess bdot.
Enfasizzalna li d-duħħan li joħroġ mill-magni tal-ajruplani fih ammmont żgħir ħafna ta' ilma. Jgħidilna li f'ċerti kundizzjonijiet tat-temp, dak l-ilma jsir partiċelli ta' silġ u b'hekk jifforma dawk it-traċċi.  Jispjega ukoll li jiddependi mit-temperatura u mil-livell ta' umdità, dwar kemm dawn it-traċċi jdumu fl-arja. Jgħidilna li normalment it-traċċi ma jdumux, imma meta l-umdità tkun għolja, dawn is-sinjali idumu fl-arja u anke jespandu.
Wara r-rapport ta' inewsmalta.com kienu diversi dawk li kkuntattjawna u argumentaw li waqt li mhux se jidħlu fl-argument dwar jekk it-traċċi humhiex 'contrail' jew 'chemtrail', qalu li l-ammont  kbir ta' traċċi fl-ajru juruhom it-tniġġiż fl-ajru mill-ajruplani.
minn inewsmalta.com


Ħolmu li jibdew familja fl-Ewropa...jegħrqu flimkien mat-tarbija fil-ġuf

Kienu ilhom seba' xhur biss miżżewġin. Persuni Somali minn Burao fit-Tramuntana tas-Somalja imma kien jgħixu u jaħdmu fl-Għarabja Sawdija. Irritornaw lura fis-Somalja. B'nuqqas ta' opportunitajiet u b'ħajja diffiċli fis-Somalja, ħolmu bħal ħafna żgħażagħ oħra li jibdew ħajja ġdida fl-Ewropa. Telqu mis-Somalja fi vjaġġ twil, li ħadhom  l-Etjopja, is-Sudan u wara l-Eġittu. Vjaġġ iebes imma kellhom l-aħbar tajba li daqt kienu se jsiru familja. Kawsar, kienet tqila. Ahmed, ir-raġel tagħha kellu 23 sena. Mill-Eġittu marru l-Libja fejn qabdu dgħajsa lejn l-Italja. Il-vjaġġ spiċċa fi traġedja. Kawsal, it-tarbija fil-ġuf u Ahmed temmew il-ħolma li  ma ssarrfitx f'qiegħ il-Mediterran.
Intant diversi persuni Somali inkluż f'Malta bdew ixandru ritratti ta' xi wħud minn dawk li għerqu fl-aħħar traġedja.  B'kollox mietu madwar 500 immigrant. Salvaw biss 41, 37 irġiel, 3 nisa u tifel ta' tlett snin. Mir-ritratti jidher biċ-ċar li ħafna minn dawk abbord kien żgħażagħ Somali. "Ħafna darabi id-dgħajjes nassoċċjawhom ma' stejjer ta' mħabba. Sfortunatament ma' jkunx hemm stejjer ta' mħabba fuq id-dgħajjes meta fuqhom ikun hemm persuni Somali qed ifittxu ħajja ġdida fl-Ewropa", qalilna Somalu residenti f'Malta.
B'ħafna Somali jiddeskrivu din it-traġedja bħala 'ġurnata sewda', ħafna huma dawk li qed jargumentaw li sakemm is-sitwazzjoni kaotika fis-Somalja tibqa' tipprevali, ix-xejra se tibqa' dik li żgħażagħ Somali jitilqu mis-Somalja lejn l-Ewropa. Tikkummenta b'mod ċar dwar dan Sagal Ashour, psikologa, li tgħid li 'dan se jibqa' jiġri sakemm ma noħolqux mekkaniżmu biex jinħoloq ix-xogħol għaż-żgħażagħ".
B'din it-traġedja, ir-rotta ta' immigrazzjoni fiċ-ċentru tal-Mediterran, jiġifieri mil-Libja lejn l-Italja reġgħet ġiet l-aktar waħda li fiha isiru għarqiet. Mill-bidu tas-sena sa issa miet 851 immigrant, waqt li fuq ir-rotta mit-Turkija lejn il-Greċja daħlu 154,053 persuna u mietu 376 persuna.  Dan ifisser li matul din is-sena fir-rotta ċentrali fil-Mediterran għal kull 30 immigrant li jaqsam lejn l-Ewropa wieħed minnhom imut mgħarraq. Fir-rotta lejn il-Greċja, minn kull 410 immigrant li jagħmlu l-vjaġġ, ikun hemm mewt waħda.
Fl-aħħar jiem għadd ta' uffiċjali ta' għaqdiet u organizazzjonijiet umanitarji  tkellmu  mal-immigranti salvati minn din it-traġedja.  Dawn bħalissa jinsabu f'Kalamata fil-Greċja. Mid-dettalji li ngħataw, jidher li telqu għadd ta' dgħajjes żgħar minn Tobruk fil-Libja.  Kull dgħajsa kienet qed iġġorr bejn 30 u 40 immigrant. Dawn b'kollox kienu madwar 200 immigrant u kienu se jittellgħu fuq dgħajsa akbar. Biss meta waslu qrib id-dgħajsa dawk abbord id-dgħajjes żgħar raw lid-dgħajsa l-kbira kienet diġa mimlija ħafna bl-immigranti fejn kien hemm madwar 300 persuna. Kif l-immigranti bdew jittellgħu, id-dgħajsa bdiet tagħmel l-ilma u xi wħud qabżu l-baħar biex jitilgħu fuq id-dgħajjes żgħar. Dawk li salvaw irrakkontaw kif dawk abbord id-dgħajsa l-kbira għerqu. Tletin persuna li baqgħu abbord dgħajsa żgħira u 10 persuni oħra li għamlu lejha, salvaw. L-immigranti rrakkontaw kif il-ħlas għall-vjaġġ kien ivarja bejn $800 u $2,000.
Intant il-Ministru għall-Intern, Carmelo Abela esprima x-xokk u d-dwejjaq tiegħu dwar din it-traġedja. Abela qal li "din it-traġedja hi tebgħa oħra orribbli fuq il-kuxjenza kollettiva tal-Ewropa."  Hu żied jgħid li l-aħħar traġedja saħħet l-appelli ripetuti ta' Malta għal aktar azzjoni konkreta tal-Unjoni Ewropea u internazzjonali fil-Mediterran.
minn inewsmalta.com