Wednesday, February 24, 2016

 
'Imbarazz'…. L-Ispeaker mitlub jinvestiga tgħajjir lill-Oppożizzjoni
Fil-battibekki li kien hemm fil-Parlament dwar il-kwistjoni tat-trust fund li għandu l-Ministru Konrad Mizzi, qamet kwistjoni oħra u dan hekk kif il-Whip Nazzjonalista David Agius talab lill-Ispeaker jinvestiga tgħajjir minn membru tan-naħa tal-Gvern.
David Agius spjega li hu sema' lill-Ministru tal-Ekonomija, Chris Cardona. jiddeskrivi lill-Oppożizzjoni bħala "imbarazz".

Tribunal 'knocked out' mill-GWU 

           - Carm Mifsud Bonnici

Wara li l-General Workers Union (GWU) rebħet kawża kostituzzjonal dwar it-tribunal industrijali, fil-Parlament beda jiġi diskuss abbozz ta' liġi li jġib it-tribunal industrijali kompatibbli ma' dak deċiż mill-Qorti Kostituzzjonali. Id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici, f'intervent fil-Parlament qal li t-tribunal industrijali ġie 'knocked out'. "Dan ingħata d-daqqa tal-mewt,” qal filwaqt li ddikjara li dan l-abbozz imressaq mhux tajjeb biżżejjed u li hemm ir-riskju li ssir kawża kostituzzjonali oħra u jerġa' jieqaf kollox.
Carm Mifsud Bonnici qal li, "Il-GWU ħasset li għandha tagħmel sfida lil dan it-tribunal u l-isfida tagħha inexxiet. Il-Qorti qalet li dan it-tribunal kif inhu kompost għal numru ta' raġunijiet mhux tajjeb skont il-Kostituzzjoni. Issa hemm bżonn li mhux wieħed jiddiskuti l-liġi kollha tax-xogħol imma niddiskutu din l-emerġenza. L-emendi proposti ma sarux tajjeb."
Il-Prim Ministru kien tkellem dwar din is-sentenza Kostituzzjonali u qal li dan juri li l-Gvern Nazzjonalista kien kiser il-Kostituzzjoni.
L-abbozz jgħid li, "Il-Ministru jista’, wara konsultazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, ineħħi membru minn fuq il-lista maħtura għal raġunijiet ta’ mġiba ħażina ppruvata, ineffiċjenza ċara jew inkapaċità li jaqdi jew taqdi l-funzjonijiet tiegħu jew tagħha kemm minħabba f’mard korporali jew mentali. Id-deċiżjoni għat-tneħħja ta’ tali membru għandu jkun fiha raġunijiet u tkun soġġetta għal dritt ta’ appell lill-Qorti tal-Appell, minn dak il-membru, li għandu jiġi ppreżentat fi żmien għoxrin ġurnata mid-data meta dik il-persuna tiġi notifikata bid-deċiżjoni. Ir-regoli tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili li jirregolaw is-smigħ u d-determinazzjoni ta’ appelli minn sentenzi tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili għandhom japplikaw għal tali appell. Apparti dan jgħid ukoll li xejn f’dan l-Att ma għandu jinftiehem li jeżenta lil xi persuna li tifforma parti mit-Tribunal milli taġixxi b’indipendenza u imparzjalità u skont il-liġi fis-smigħ u fid-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet li jinġiebu quddiem it-Tribunal irrispettivament mill-proċedura li biha jew il-lista li minnha dik il-persuna kienet nominata biex tifforma parti mit-Tribunal.". L-għanijiet u raġunijiet ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi huma sabiex id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali li jirrigwardaw it-Tribunal Industrijali jinġiebu kompatibbli ma’ żewġ sentenzi mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali fit-12 ta’ Frar, 2016, u biex jissaħħaħ ir-rispett għad-dritt ta’ smigħ xieraq quddiem l-imsemmi Tribunal.
F'kummenti li kien ta lil L-ORIZZONT dakinhar li ngħatat is-sentenza, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, esprima s-sodisfazzjon kbir tiegħu għal fatt li wara proċess li dam sejjer seba' snin sħaħ, il-GWU ngħatat raġun fl-għola istituzzjoni tal-pajjiż.
Kien nhar it-18 ta' Ġunju tas-sena li għaddiet, meta l-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili ppreseduta mill-Imħallef Anna Felice ħarġet b'din id-deċiżjoni f'kawża li l-GWU fetħet kontra l-Avukat Ġenerali.
Il-każ kellu l-bidu tiegħu wara t-talba li għamlet l-eks-Segretarja ta' waħda mit-taqsimiet tal-GWU, Josephine Attard Scicluna, fejn din allegat li kellha impjieg li ġie terminat mill-unjin għal raġunijiet mhux validi fil-liġi.
It-Tribunal Industrjali kien ġie fformat minn persuna waħda fil-kariga ta' Ċerperson u kien maħtur mill-Ministru responsabbli mil-liġi dwar l-impjiegi u r-relazzjonijiet industrijali.
Il-GWU ilmentat fost l-oħrajn, li l-mod kif twaqqaf it-Tribunal Industrijali kien jikser kemm il-Kostituzzjoni ta' Malta kif ukoll il-Konvenzjoni Ewropea fost oħrajn, għax il-membri tiegħu ma jgawdux sigurtà biżżejjed fil-mili tal-kariga tagħhom.
Min-naħa tiegħu, l-Avukat Ġenerali wieġeb li t-Tribunal Industrijali jissodisfa r-rekwiżiti kollha ta' tibunal indipendenti u mparzjali, imwaqqaf bil-liġi kemm Maltija kif ukoll dik Ewropea.
Madankollu fid-deċiżjoni tagħha, il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili ppreseduta mill-Imħallef Anna Felice, laqgħet it-talba tal-GWU u iddikjarat li l-kompożizzjoni tat-Tribunal jikser id-dritt għal smiegħ xieraq.
L-Avukat Ġenerali kien appella mis-sentenza mogħtija. Iżda l-Qorti Kostituzzjonali ppreseduta minn tliet Imħallfin, mhux talli taw raġun lill-argumenti li ressqet il-GWU imma anke kkonfermaw is-sentenza mogħtija mill-Imħallef Felice.
F'dawn il-kawżi, il-GWU kienet rappreżentata mill-Konsulent Legali tagħha Dr. Aron Mifsud Bonnici u Dr Abigail Critien mill-Uffiċċju Legali tal-GWU.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni b'allegazzjonijiet serji... 'Irrepetihom barra l-Parlament biex nieħdu azzjoni'

Quddiem dikjarazzjonijiet mill-aktar serji li saru mill-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, il-Prim Ministru Joseph Muscat illejla stiednu biex dak li allega fil-Parlament jirrepetih barra biex ikunu jistgħu jittieħdu passi kontrih. Il-Kap tal-Oppożizzjoni ddeskriva bħala 'xokkanti' l-fatt li sar magħruf li l-Ministru Konrad Mizzi għandu Trust Fund fi New Zealand u l-Panama. Hu qal li hu xokkanti li Konrad Mizzi għandu kumpanija reġistrata l-Panama fejn Busuttil iddeskriva dan il-pajjiż bħala 'sinonimu ma' evażjoni ta' taxxa u ħasil ta' flus'. Hu qal li Trust Fund ma jitwaqqafx biex titpoġġa l-paga tal-Ministru imma biex jitpoġġew il-miljuni.
Busuttil insista li din il-kumpanija u dan it-trust fund ġew reġistrati wara li Konrad Mizzi sar ministru u mhux qabel.
Bil-Kap tal-Oppożizzjoni jallega li l-Ministru Konrad Mizzi kien qed jaħbi flus kbar fil-Panama, il-Prim Ministru talbu jgħid dan barra l-Parlament. Il-Kap tal-Oppożizzjoni kkoreġa billi rrimarka li hu kien biss qed jistaqsi.

Tuesday, February 23, 2016

L-ewwel qal li Galdes daħħal in-nies fil-pitkalija u mbagħad qal li 'daħlu nies fil-pitkalija mid-distrett ta' Galdes'

Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina f'intervent fil-Parlament  allega li s-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes kien impjega nies mid-distrett tiegħu fil-pitkalija - dikjarazzjoni li mmedjatament qajmet reazzjoni mill-istess Segretarju Parlamentari. Wara li kien mitlub jikkjarafika x'qed jgħid u jekk hux se jissostanzja l-allegazzjoni li s-Segretarju Parlamentari impjega nies fil-pitkalija, id-Deputat Nazzjonalista ddikjara biss li hu qed jgħid li daħlu nies fil-pitkalija li huma mill-istess distrett li fih jikkontesta s-Segretarju Parlamentari Galdes. Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina fl-intervent tiegħu qal li, "Il-bdiewa qed ikollhom jistennew sigħat sħaħ biex jieħdu l-kaxxi. Aktar ma jgħaddi żmien, flok il-Gvern jitgħallem mill-iżbalji qed jgħaddas rasu fir-ramel. Fis-sajf kellna l-Gvern li ħareġ l-offerti għall-kaxxi. Issa rġajna b'għadd ta' kaxxi neqsin. Mhux biżżejjed li żżid il-kaxxi b'20,000. Is-settur agrikolu hu wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija ta' pajjiżna iżda dan għaddej minn perjodu diffiċli. Mingħajr dawn il-kaxxi, il-prodott ma jistax jidħol fil-pitkalija. F'Lulju li għadda ħareġ avviż legali u dan għolla l-kontribuzzjoni tal-bdiewa bi 300 fil-mija. Din hi kontribuzzjoni għall-kaxxi. Din iż-żieda saret biex jitjieb is-servizz tal-kaxxi. Imma ż-żieda serviet biex is-Segretarju Parlamentari daħħal għadd ta' nies jaħdmu mal-Gvern fosthom xi wħud mid-distrett tiegħu".
Hawnhekk is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes, f'point of order, talab lid-Deputat Nazzjonalista biex jissostanzja dak li qal. Toni Bezzina qal li minn mistoqsijiet Parlamentari rriżulta li fil-pitkalija daħlu nies li huma mid-distrett elettorali tas-Segretarju Parlamentari.
Is-Segretarju Parlamentari sostna li Bezzina qal li ġew impjegati persuni minnu mid-distrett tiegħu. Hu staqsa jekk hux qed jiċħad li dawn ġew impjegati minnu.
Wara intervent mill-Ispeaker Censu Galea, id-Deputat Nazzjonalista qal li hu ried jgħid li "fil-pitkalija daħlu nies mid-distrett tas-Segretarju Parlamentari".

Mindu dħalna fl-UE 22,000 persuna spiċċaw f'riskju ta' faqar - Edward Scicluna

Il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna, waqt il-għalaq id-dibattitu dwar l-abbozz ta' liġi li jimplimenta l-miżuri tal-estimi, enfasizza li l-Oppożizzjoni qed titkellem qisu issa skoprew li hawn il-faqar f'Malta. Spjega li mindu Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea dawk f'riskju ta' faqar żdiedu b'xejn inqas minn 22,000 persuna. Scicluna saħaq li "l-Oppożizzjoni ma tistax tniżżel minn griżmejha li d-deficit u d-dejn neżlin. Tenna li "d-dejn sibnieh 'l fuq minn 70 fil-mija u nittamaw li dan jinżel għal 67 fil-mija jew ftit inqas matul is-sena li għaddiet. Id-dejn qed innaqqsuh."
Il-Ministru Scicluna qal li "l-Oppożizzjoni qed jgħidu li s-sostennibilità tal-impjiegi hi mhedda minn impjiegi mal-Gvern. Kieku hu hekk, Il-Kummissjoni Ewropea mill-ewwel iddaħħalna fi proċedura ta' deficit eċċessiv li daħal fiha l-Gvern l-iehor. Jekk naraw l-aħħar statistika dwar l-impjiegi, naraw li r-rata ta' nies fis-settur pubbliku minn 26.6 fil-mija fis-sena 2012, din waqgħet għal 25.8 fil-mija s-sena li għaddiet.
"Bużżieqa oħra hi dik li qed jgħidu li qed inżidu l-piż tat-taxxa. It-taxxa tad-dħul naqqasniha u anke il-VAT baqgħet fejn hi." Huwa tkellem ukoll dwar il-faqar u qal "li mindu dħallna fl-Unjoni Ewropea dawk f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali żdiedu. Fis-sena 2005 żdiedu b'1,000 persuna, fis-sena 2006 żdiedu b'2,000 persuna, u fis-sena 2007 żdiedu b'1,000 persuna. Fis-sena 2008 dawk f'riskju ta' faqar żdiedu b'4,000 persuna u fl-2009 b'4,000 persuna oħra. Kien hemm imbagħad żieda ta' 4,000 persuna oħra fis-sena 2011. Fis-sena 2012 telgħu b'5,000 persuna. Għandek 'l fuq minn 22,000 persuna li daħlu fir-riskju ta' faqar mindu dħalna fl-Unjoni Ewropea. Issa l-Oppożizzjoni donnhom skoprew li hu minnu li hawn min hu f'riskju ta' faqar" tenna Scicluna.
Kompla jgħid li "f'disa' xhur ta' Gvern Laburista skont l-istatistika n-numru ta' nies f'riskju ta' faqar baqa' dak li kien. L-effett tal-miżuri tas-sena 2014, 2015 u tal-baġit 2016 għad irid jidher l-effett tagħhom fejn jirrigwarda l-istatisika dwar dawk f'riskju ta' faqar."

Rotta ġdida migratorja

mill-Eġittu...Malta tassisti 150 immigrant

Filwaqt li l-Ewropej qed ikomplu jtellgħu l-ħitan mal-fruntieri, fl-aħħar jiem jidher li bdew tentattivi għal rotot ġodda użati mit-traffikanti biex immigranti jaslu fl-Ewropa. Fl-aħħar jiem, kien hemm vjaġġ b'150 immigrant li kienu telqu mill-Eġittu. Il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament spjega li Malta kienet involuta u assistiet lil dawn il-150 immigrant sakemm iddaħħlu l-Italja.
Hu spjega li Malta qed tagħti s-sehem tagħha u fil-jiem li ġejjin se jaslu Malta 15-il immigrant mill-Italja. Żied jgħid li għaddejjin arranġament biex dawn l-immigranti ikunu trattati b'dinjità.
Il-Prim Ministru saħaq li d-diskussjonijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea qed jikkonċentraw fuq il-fatt li wara li l-immigranti ikunu rilokati mill-Greċja u l-Italja, ikun żgurat li dawn ma jippakkjawx il-bagalji u jmorru lejn pajjiż ieħor.

Bla eżamijiet ta' nofs is-sena?… Sa issa l-Gvern għadu qed iħejji rapport

Fost l-għalliema fl-iskejjel primarji u fl-iskejjel sekondarji bħalissa hemm diskussjonijiet dwar pjani li qed jinħmew għall-edukazzjoni f'Malta. Fost il-mistoqsijiet li qed joħorġu hemm dik ta' jekk it-tibdil li se jsir u li skont kif qed jingħad jista' jidħol minn Settembru li ġej, hemm dik ta' jekk hux se jispiċċaw l-eżamijiet ta' nofs is-sena.  Apparti dan, fost l-għalliema qed iqumu mistoqsjiet dwar x'se tkun tfisser is-sistema l-ġdida magħrufa bħala 'Learning Outcomes Framework", li hi sistema totalment ġdida u li sa issa kienet qed titħaddem fl-MCAST.
Mistoqsi dwar dan, il-President tal-Unjin tal-Għalliema (MUT) Kevin Bonello qalilna li, "Il-Gvern qed jipproponi sistema ġdida ta' kif jiġu mgħallmin is-suġġetti. Bħala MUT qegħdin fil-fażi li staqsejna lill-Gvern fir-realtà x'se jiġri. Qed nistaqsu lill-Gvern x'għandu f'moħħu. Nafu li l-Gvern bħalissa qed jipprepara dokument. Minn naħa tagħna għednielu li kull tibdil biex jidħol fis-seħħ irid ikun hemm qbil magħna dwaru. Għamilnieha ċara li biex tidħol bidla simili jrid isir ftehim settorjali sħiħ."
Għalliema li kkuntattjatja wara sessjoni li saret dwar din il-bidla, qalet li, "Smajna li se jitneħħew l-eżamijiet ta' nofs is-sena. Smajna li se jkun hemm skrutinju mill-amministrazzjoni tal-iskola u anke mill-ġenituri. L-għalliema se jispiċċaw b'dik li qed tissejjaħ 'checklist' għal kull student u permezz tagħha se jaraw jekk dak l-istudent ikunx laħaq il-livelli meħtieġa. Smajna li din se tidħol f'Settembru li ġej. Biss ngħid li bħala għalliema għadna wisq fl-għama u dettalji speċifiċi m'hemmx."
Għamilna kuntatt mal-President tal-Unjin tal-Għalliema (MUT), Kevin Bonello, li qalilna li, "Dan il-Gvern qed jipproponi sistema ġdida ta' kif jiġu mgħallmin is-suġġetti fl-iskejjel. Qed isejħulha 'learning outcomes framework'. B'din is-sistema mhux se jkun hemm għalliema jagħmlu lezzjoni u jagħtu x-xogħol għad-dar bħal lum. Is-sistema se tkun  'unit based'. Jiġifieri jekk qed tgħallem il-matematika u għandek il-fractions, inti bħala għalliema se jkollok il-learning outcomes fil-lezzjoni u trid tilħaqhom. Trid tara min laħaqhom u min le.
"Din diġà teżisti fl-MCAST. Imma l-MCAST hu fuq studenti vokazzjonali. Sa issa l-gvern għadu ma jafx kif se tidħol din is-sistema fis-sekondarja. Aħna bħala MUT qed ngħidu lill-Gvern jgħidilna x''inhu mistenni mill-għalliema, mill-kindergarten assistants  u mil-LSA's. Fir-realtà qed nistaqsu x'bidla se jkun hemm. Bħala  MUT qed nistaqsu lill-gvern hu x'għandu f'moħħu. Il-gvern qed jippreara dokument b'dettalji. Qed ngħidlulu li dan irridu niftehmu fuqu għax ma jidħolx. Qed ngħidulu li rridu ftehim sħiħ settorjali.
"Lesti niddiskutu imma rridu niftehmu fuq pakkett sħiħ settorjali u mhux Learning Outcome Framework biss. Nafu li hemm żewġ bordijiet imma dawn iridu jiddeċiedu x'tip ta' mudell iridu jagħżlu," qalilna Kevin Bonello.


Il-Port Ħieles għandu jieqaf jaħdem billejl
     - is-Sindku ta' Birżebbuġa

Il-kwistjoni tal-ħsejjes mill-Port Ħieles f'Birżebbuġa tqajmet waqt il-laqgħa li l-Kabinett għamel dalgħodu f'Birżebbuġa, bis-Sindku Kevin Barun jiddikjara li l-Kunsill irid li l-Port Ħieles jieqaf jopera bejn l-10.00 ta' billejl u s-6.00 ta' filgħodu.
Ikkuntattjat wara l-laqgħa minn inewsmalta.com, is-Sindku Kevin Barun qalilna li sa issa din il-materja għadha qatt ma tqajmet mal-Port Ħieles. Hu iżda spjega li r-rapport investigattiv dwar il-ħsejjes mill-Port Ħieles, liema rapport intalab mill-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) hu lest bħala abbozz u dan imbagħad irid ikun diskuss.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat enfasizza li l-Port Ħieles hu importanti ħafna għall-pajjiż iżda qal li għandu jingħata kas tal-karbiet tar-residenti. Hu semma kif taħt l-amministrazzjoni preċedenti kienet tneħħiet dik li tissejjaħ 'planning gain' li kellha ammont ta' €1 miljun li kellhom jintefqu fil-komunità, u qal li issa li l-Kabinett m'għandu ebda ħsieb li jneħħi xi 'planning gain' oħra li ġiet imposta mill-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għal xogħlijiet li qed jagħmel il-Port Ħieles.
Ma setax jonqos li jissemma l-impjant tal-enerġija li jaħdem bil-gass, bil-Prim Ministru għal darba oħra jikkonferma li fix-xhur tas-sajf din se tibda taħdem.
Fil-laqgħa tal-Kabinett ħadu sehem sindki ta' għadd ta' lokalitajiet fejn dawn prinċipalment qajmu problemi marbutin ma' nuqqas ta' fondi u problemi marbutin mal-istat ħażin tat-toroq.
Bis-Sindku ta' Ħal Luqa John Schembri jsemmi l-problema ta' nuqqas ta' strutturi biex taħthom jistkennu dawk li jkunu qed jistennew it-trasport pubbliku, spikka l-Ministru Joe Mizzi li, għalkemm ma' qal xejn, għamel sinjal li jdejh huma marbutin. Is-Sindku John Schembri tenna li jekk hemm problemi mal-kuntrattur responsabbli dawn għandhom jiġu trattati.
Fl-istess laqgħa tqajmet l-allegazzjoni mis-Sindku ta' Ħal Safi, Johann Mula, fejn dan iddeskriva bħala 'racket' dak li allegatament jagħmlu xi infermieri li jaħdmu mal-Gvern, li fuq inizjattiva tagħhom qed joffru lil persuni anzjani li ma joġorġux minn djarhom, li jeħdulhom kampjun tad-demm f'darhom għal ħlas ta' €10. Din l-istess allegazzjoni ġiet ikkonfermata mill-Whip tal-Partit Laburista Godfrey Farrugia.
Il-Prim Ministru talab għal aktar dettalji dwar dan u ddikjara li din se tkun investigata.
Is-servizz tat-trasport pubbliku wkoll issemma, fejn is-Sindku tal-Qrendi rringrazzja lill-Ministru Joe Mizzi.  Is-Sindku tas-Siġġiewi, Karol Aquilina, f'intervent li għamel iddikjara li s-servizz tjieb iżda qal li l-puntwalità għadha problema.
Ritratt Roger Azzopardi


Il-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej iridu tqassim ġust ta' refuġjati


Fl-Unjoni Ewropea il-gvernijiet huma maqsumin bejniethom fejn tidħol l-immigrazzjoni.  Hemm xi wħud li jirdu jaċċettaw immigranti u refuġjati, imma oħrajn qed jirrifjutaw dan.  Imma minn stħarriġ li sar fost l-opinjoni pubblika fl-Ewropa, jidher li ċ-ċittadini Ewropej għandhom opinjoni differenti u dan għax maġġoranza iridu li jkun hemm tqassim ġust ta' immigranti madwar l-Ewropa kollha  u li jkun hemm rispons komuni għall-isfidi li joħorġu mill-immigrazzjoni.
Mill-istħarriġ qed joħroġ biċ-ċar li maġġoranza ta' ċittadini Ewropej b'mod qawwi huma kontra l-idea li pajjiżi individwali Ewropej jaġixxu b'mod unilaterali fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni.  
Dan l-istħarriġ hu parti minn Eupinions, stħarriġ li jsir b'mod regolari biex janalizza l-ħsibijiet u l-opinjonijiet taċ-ċittadini Ewropej  fuq kwistjonijiet politiċi kurrenti.
L-istħarriġ sar fost it-28 pajjiż Ewropej u skont l-istess stħarriġ xejn inqas minn 79 fil-mija tal-Ewropej huma favur li jkun hemm politika tal-immigrazzjoni komuni fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. 52 fil-mija ta' dawk li wieġbu l-istħarriġ qed isostnu li l-Unjoni Ewropea għandha tassumi responsabbilità primarja.  Huma biss 22 fil-mija ta' dawk li wieġbu l-istħarriġ li kienu favur li l-politika tal-immigrazzjoni għandha tibqa' f'idejn il-pajjiż fejn jgħixu. Xejn inqas minn 79 fil-mija ta' dawk li wieġbu l-istħarriġ irid  li jkun hemm distribuzzjoni b'mod ġust tar-refuġjati u l-immigranti.  Apparti dawn kien hemm 70 fil-mija taċ-ċittadini li jaqblu li dawk l-Istati li jirrifjutaw li jieħdu responsabbilità ta' immigranti, għandhom iħallsu għal dan billi jonqsu l-flus lilhom mill-Unjoni Ewropea.
Il-Kap Eżekuttiv u Ċermen ta' Bertelsmann Stiftung, Aart De Geus qal li "din l-istatistika turi li hemm messaġġ ċar miċ-ċittadini Ewropej fuq il-politika ta' immigrazzjoni.   Dawn qed jgħidu li l-Unjoni Ewropea għandha ssib soluzzjoni ibbażata fuq solidarjetà, u li din tkun qed toħloq stabbilità u tipproteġi l-moviment ħieles tal-persuni.
Mill-istħarriġ joħroġ li madwar 80 fil-mija iridu li jkun salvagwardjat il-moviment ħieles fejn is-Schengen  qed jitqies bħala it-tieni l-aktar kisba importanti ta' l-Unjoni Ewropea wara s-suq intern.
Fatt interessanti li joħroġ hu dak li fil-pajjiżi l-qodma tal-Unjoni Ewropea hemm 85 fil-mija li jemmnu li l-piż ta' l-immigrazzjoni għandu jinqasam b'mod ġust, waqt li mill-pajjiżi li ssieħbu ġodda huma 54 fil-mija li jemmnu li l-qsim tal-immigrazzjoni għandu jsir b'mod ġust.  L-istess xejra tidher fejn jirrigwarda penali għal dawk il-pajjiżi li ma jaċċettawx li jieħdu immigranti, fejn mill-pajjiżi l-qodma huma 77 fil-mija li jaqblu ma' dan, waqt li fejn jidħlu l-pajjiżi li ssieħbu membri ġodda fl-aħħar snin hemm 41 fil-mija favur miżura simili.
L-istħarriġ jistaqsi ukoll dwar l-aħħar wasliet ta' immigranti, fejn 50 fil-mija jgħidu li ġieli ħassewhom barranin f'arthom u 58 fil-mija jibżgħu minn effetti negattivi fis-sistemi tal-welfare.
 
Ritratt: Ian Noel Pace

Monday, February 22, 2016


Ebda rapporti ta' mediċini falsifikati fis-suq lokali


Xejn inqas minn 10 fil-mija tal-mediċini fid-dinja huma foloz.  Ħamsin fil-mija tal-mediċini li jinxtraw minn siti onlajn illegali instab li kienu foloz. Apparti dan, 30 fil-mija tal-mediċini f'pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw instab li huma foloz.
Bir-realtà hi li l-mediċini falsifikati qed jiżdiedu, waqt li qed jiżdied ix-xiri ta' mediċini onlajn anki f'pajjiżna, ir-riskji marbutin ma' mediċini falsifikati qed jiżdied għal dawn il-pażjenti.  Quddiem dan l-Unjoni Ewropea għadha kif ħarġet regolamenti, li f'Malta jridu jidħlu fi żmien tlett snin, u li permezz tagħhom se jkun hemm aktar sigurtà fix-xiri tal-mediċini.
L-Awtorità tal-Mediċini f'Malta iddikjarat magħna li matul is-sena li għaddiet ma rċeviet ebda rapporti ta' mediċini falsifikati mixtrijin minn Maltin mis-suq lokali.
F'kummenti dwar dawn ir-regoalmenti ġodda, l-Awtorità għall-Mediċini qalet li, "L-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tistma li sa 1% tal-mediċini disponibbli fid-dinja żviluppata jistgħu jkunu foloz. Din iċ-ċifra tiżdied għal 10% fuq skala globali. Is-sena l-oħra, l-Awtorità dwar il-Mediċini f’ Malta ma kellha l-ebda rapport ta’ mediċini ffalsifikati fuq is-suq lokali."
Enfasizzat li, "Il-liġi Ewropea dwar il-mediċini tassigura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika permezz ta’ regolamenti fuq il-kwalità u s-sigurtà tal-mediċini. Fid-9 ta' Frar 2016, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew approvaw regolament ġdid li jipprovdi miżuri ġodda kontra il-falsifikazzjoni tal-mediċini. Id-Direttiva 2011/62/EU tintroduċi karatteristiċi ta’ sigurtà obbligatorji bħala parti mill-pakkett ta’ barra ta’ prodotti mediċinali.
"Dawn il-prodotti mediċinali ser ikollhom fuq il-pakkett ta’ barra identifikatur uniku jiġifieri sekwenza unika mwettqa minn barcode b’żewġ dimensjonijiet li jippermettu l-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni tal-pakkett individwali li fuqu tkun stampata. Il-pakkett tal-mediċina jrid ikollu mekkaniżmu kontra t-tbagħbis, jiġifieri tagħmir li jippermetti l-verifika ta’ jekk il-prodott mediċinali ġie mbagħbas.
"Dan ir-regolament jistabbilixxi sistema li fiha l-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni tal-prodotti mediċinali, jkunu garantiti permezz ta’ verifika mill-bidu sal-aħħar tal-katina tal-provista tal-prodotti mediċinali kollha li jkollhom il-karatteristiċi tas-sigurtà. Din tapplika għal mediċini kollha li jeħtieġu riċetta medika, u prodotti mediċinali li m’għandhomx bżonn riċetta medika imma jitqiesu f’riskju għoli ta` falsifikazzjoni."
L-Awtorità tal-Mediċini kompliet tgħidilna li, "Malta trid tkun konformi ma’ dan ir-regolament fi żmien tliet snin. L-Awtorità dwar il-Mediċini se tissorvelja l-implementazzjoni ta’ dan ir-regolment f’Malta u se tassigura l-aċċessibiltà tal-mediċini permezz tal-Medicines Intelligence and Access Unit li twaqqaf f’Novembru 2014 fi ħdan l-istess Awtorità".
Enfasizzat li,"F'’Malta hawn 'l fuq minn mitejn spiżeriji liċenzjati mmexxija minn spiżjara. Għalhekk il-konsumatur Malti għandu l-faċilità kollha li jakkwista il-mediċini tiegħu minn post liċenzjat u li jkun assigurat li jieħu mediċini ta’ kwalità, siguri u effettivi u jista' ukoll jieħu parir għaqli ta’ professjonist ikkwalifikat fuq il-mediċini".

Niċċa fiż-Żejtun se jkollha tistenna biex isirilha r-restawr meħtieġ


Waħda mill-akbar u l-isbaħ niċeċ li hemm fiż-Żejtun hi dik li tinsab fi Triq Marsaxlokk. Niċċa elaborata li hi ddedikata lil San Ġużepp. Hija niċċa li meta kienet fi stat tajjeb kienet issebbaħ il-post u ġġagħlek tħares lejha. Sfortunatament illum din in-niċċa tinsab fi stat xejn tajjeb. 
Bl-għan li tiġi rranġata u anke b'kollaborazzjoni ma' sid il-post fejn qiegħda, saru tentattivi biex din tkun restawrata permezz ta' skema li kienet tħabbret, wara li l-każ tagħha anke tqajjem fil-Kunsill Lokali taż-Żejtun.  Biss minkejja dawn it-tentattivi, l-applikazzjoni għar-restawr ta' din in-niċċa ma ġietx aċċettata.
F'Mejju li għadda kienet tressqet mozzjoni fil-Kunsill Lokali taż-Żejtun. Fil-mozzjoni kien intqal li, "Din in-niċċa, li hi waħda mill-akbar niċeċ li għadna fiż-Żejtun u tinsab f'parti storika b'bini importanti, tinsab fi stat ħażin ħafna. Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali stess jgħid li għandha valur għoli ta' patrimonju kulturali u artistiku u huma stess jgħidu li għandha bżonn restawr urġenti."
Minkejja li n-niċċa ma ntgħażlitx għar-restawr, se tkompli għaddejja ħidma biex finalment tkun restawrata.

Sunday, February 21, 2016

21 tifel u tifla maħruġin mill-familja naturali b'ordni ta' ħarsien

Minkejja li l-awtoritajiet kompetenti f'pajjiżna jipprovaw jagħmlu minn kollox biex tfal jibqgħu jgħixu mal-familja naturali tagħhom, jirriżulta li matul is-sena li għaddiet kien hemm xejn inqas minn 21 każ ta' tfal li kellha tinħarġilhom ordni ta' ħarsien.  Dan ifisser li dawn it-tfal għaddew għand l-Istat u għalhekk dawn inħarġu mill-ambjent naturali tal-familja tagħhom biex tpoġġew fi djar ta' tfal jew inkella qed jieħdu ħsiebhom familji li jiffosterjawhom.  Komparat mas-sena ta' qabel kien hemm tnaqqis żgħir ta' ordni ta' ħarsien u dan hekk kif fis-sena 2014 kien hemm 27 ordni ta' ħarsien.
Ir-raġunijiet marbutin mal-ħruġ ta' ordni ta' ħarsien huma varji u  jinkludi problemi serji ħafna fil-familja fosthom abbuż ta' droga, problemi ta' saħħa mentali u vjolenza domestika.
Jekk nieħdu s-sena 2015 naraw li kien hemm erba' xhur li fihom ma inħarġet ebda ordni ta' ħarsien u dawn kienu Jannar, Frar, Ġunju u Diċembru.   Biss imbagħad kien hemm ħruġ ta' tlett ordnijiet ta' ħarsien f'Marzu, tmien każi f'April fejn seba' minn  dawn kienu aħwa, u każ wieħed f'Mejju, Lulju u Awwissu.  F'Settembru nħarġu żewġ ordnijiet ta' ħarsien waqt li f'Ottubru kien hemm erba' każi.  F'Novembru kien hemm każ wieħed biss.
Fir-rigward ta' din is-sena naraw li f'Jannar nħarġu żewġ ordnijiet ta' ħarsien.
Waqt li fil-każ ta' Marzu, it-tfal involuti kienu aħwa u dawn xorta baqgħu jgħixu flimkien, fil-kaz ta' April fejn kien hemm seba' aħwa, dawn spiċċaw infirdu bi tlieta jgħixu f'post u erba' oħra jgħixu f'post iehor.
L-etajiet tat-tfal b'ordni ta' ħarsien ivarjaw minn trabi ta' tlett xhur sa tfal ta' 14-il sena.  Jirriżulta li huma biss ħamsa it-tfal li qed ikunu 'fostered'.
L-informazzjoni dwar l-ordni ta' ħarsien fis-sena 2015 ngħatat mill-Ministru Michael Farrugia għal mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar.

Saturday, February 20, 2016



Se jkun restawrat torri uniku tal-ilma fil-biċċerija

Il-biċċerija pubblika bħalissa għaddejja f’diskussjonijiet mal-Università ta’ Malta biex jiġi restawrat torri tal-ilma tal-konkrit. Dan hu torri uniku f’Malta. Diġà saret ħidma kbira dwar dan, inkluża riċerka dwar l-istess struttura. It-torri tal-ilma għandu valur storiku liema bħalu hekk kif huwa l-uniku struttura tax-xorta tiegħu fil-gżejjer Maltin. Jidher li t-torri nbena  wara t-Tieni Gwerra Dinjija. L-istruttura tikkonsisti minn tank tal-ilma ċilindriku li jinsab fuq qafas f’forma ta’ lembut b’bażi sferika. Din qiegħda tistrieh fuq 12-il kolonna.
Il-biċċerija pubblika twaqqfet fis-sit eżistenti lejn tmiem is-seklu dsatax, u matul is-snin sarulha diversi interventi biex jitjieb l-operat tagħha. It-torri tal-ilma inkwistjoni kien wieħed mill-istrutturi li żdidulha maż-żmien biex li jinħażen l-ilma. Dawn kienu jinkludu, fost l-oħrajn, sistema ta’ ġibjuni konnessi bejniethom biex jilqgħu fihom l-ilma tax-xita ta’ fuq il-bjut, liema sistema preżentament ukoll qed tiġi rrestawrata.
Jidher li t-torri tal-ilma kien inbena biswit borehole minn fejn, aktarx, kien jinġibed l-ilma li aktarx kien jintuża, dak iż-żmien, biex tinħasel il-biċċerija. Maż-żmien, it-torri ma baqax jintuża u saritlu ħsara konsiderevoli mill-elementi, tant li partijiet tal-konkrit waqgħu.
Il-ħidma bejn il-biċċerija pubblika u l-Università bdiet f’Novembru 2011 u sal-lum issarrfet f’riċerka estensiva dwar il-mod kif inbena t-torri tal-ilma, il-materjali użati fih, l-istat ta’ konservazzjoni tiegħu, kif ukoll in-natura tal-ħsara li ġarrab maż-żmien. Preżentament qed jiġu studjati interventi potenzjali li jistgħu jsiru fuq din l-istruttura u dan bil-għan li fix-xhur li ġejjin jinbeda l-proċess ta’ restawr ta’ din l-istruttura unika li tifforma parti mill-wirt industrijali tal-pajjiż.
Apparti dan, hemm ippjanat titjib u rinovar ieħor fejn tidħol l-operat tal-istess biċċerija.

Reżistenza għal skema ta' bdil ta' siringi

Il-kwistjoni dwar siringi użati li qed jispiċċaw mormijin f'diversi żoni, fosthom postijiet frekwentati mit-tfal, qed twassal biex ikunu diversi dawk li jitkellmu dwar il-bżonn li f'pajjiżna jkun hawn sistema effiċjenti fejn jirrigwarda s-siringi użati. Dan b'sejħiet biex f'pajjiżna tiddaħħal dik li tissejjaħ 'skema ta' bdil ta' siringi', fejn min juża dawn is-siringi jieħu l-qodma biex jingħata waħda ġdida. Jidher iżda li minkejja li kien hemm tentattivi fl-aħħar jiem biex jerġgħu jinbdew pjani biex tiddaħħal sistema simili, hemm diversi oġġezzjonijiet għal dan. Ninsabu infurmati li anki fil-qasam mediku hemm nuqqas ta' qbil, fejn hemm min jargumenta li tajjeb li jinġabru s-siringi użati, iżda mbagħad hemm il-kwistjoni ta' min se jirċevihom fil-postijiet li jkunu indikati biex fihom isir il-bdil tas-siringi.
Fl-aħħar jiem ippubblikajna ritratti ta' siringi użati f'post fil-Marsa li minnu jgħaddu tfal żgħar ta' kuljum biex jidħlu fl-iskola. Fl-istess post filgħaxija jkun hemm tfal oħrajn jitħarrġu fil-futbol. Fl-aħħar jiem ukoll f'Ħal Luqa, kien hemm għadd ta' siringi mxerrdin fi triq li fiha jarma l-monti.
Mitlub jikkummenta dwar dan, is-Sindku ta' Ħal Luqa, John Schembri, qalilna li, "Ħadt azzjoni b'mod immedjat. Kif wasluli l-ilmenti, qajjimt il-każ mal-Pulizija biex issir aktar sorveljanza fil-postijiet li fihom qed jintefgħu dawn is-siringi".
Is-Sindku tal-Marsa, Frans Debono, f'kumment li tana qalilna li, "Hemm bżonn li jitwassal messaġġ edukattiv u ta' kuxjenza. Min qed juża s-siringi irid ikun infurmat sew fuq l-implikazzjonijiet ta' siringi uzati. Hemm bżonn edukazzjoni biex dawn il-persuni jiddisponu minnhom b'mod tajjeb. Tista' żżid is-sorveljanza kemm trid imma xorta se jibqa' jkun hemm min jarmi siringi mormijin barra, kif ma jkunx hemm sorveljanza. Għalhekk hi importanti l-edukazzjoni".
Ninsabu infurmati li saru tentattivi biex issir xi tip ta' skema li tirrigwarda l-bdil ta' siringi użati, liema pjanijiet jidher li tqajmu fl-aħħar ġimgħat. Jidher li għad hemm nuqqas ta' qbil fuq dawn it-tip ta' skemi, b'mod partikolari dwar min se jirċievi s-siringi użati.
Sorsi li tkellmu magħna qalulna li, "Nittamaw li finalment kulħadd jifhem l-importanza li jitnaqqsu drastikament is-siringi li qed jispiċċaw mormijin barra. Nittamaw li finalment ikun hemm sistema effiċjenti ta' bdil ta' siringi."


Il-kobba mħabbla tal-Wind Jet… is-sid arrestat fi Sqallija


Il-kwistjoni marbuta mal-falliment tal-kumpanija Wind Jet, li dakinhar li falliet kellha wieħed mill-ajruplani arrestat f'Malta, kellha żvolta oħra fl-aħħar jiem u dan hekk kif is-sid ta' din il-kumpanija tal-ajru falluta ġie arrestat fi Sqallija u nbdew proċeduri kontrih.
Sorsi qrib is-settur tal-avjazzjoni, qalulna li sa issa m'hemm ebda indikazzjonijiet ta' x'se jiġri mill-ajruplan bla magni li kien tal-kumpanija Wind Jet li jinsab ipparkjat fl-ajruport internazzjonali ta' Malta.  L-ajruplan (ritratt) kien ġie arrestat f'pajjiżna u nżamm hawn wara li l-ajruport ta' Katanja kien għamel mandat għall-ħlas ta' €1.3 miljun f'tariffi ta' nżul u ħlasijiet oħra dovuti lill-istess ajruport
Bl-ajruplan jidher li hu destinat li fl-immedjat jibqa' fl-ajruport, tant li fl-aħħar jiem tpoġġew blokki tal-konkrit mal-ajruplan, sorsi qrib is-settur tal-avjazzjoni qed jargumentaw li l-kwistjoni marbuta ma' dan l-ajruplan twalet wisq u dan qed jispiċċa jieħu spazju għalxejn fl-ajruport. "Għandek ajruplan bla magni, li qed jieħu spażju prezzjuż f'post li fih jiġu pparkjati l-ajruplani. Naħsbu li wasal iż-żmien li jiġi deċiż x'se jiġri minn dan l-ajruplan", qalilna wieħed mis-sorsi.
Huwa spjegalna li fil-bidu li kien inħareġ l-arrest tal-ajruplan, minħabba l-ħlasijiet lill-ajruport ta' Katanja, inqalgħet kwisjtoni legali. Dan il-każ spiċċa b'battalja fil-Qrati dwar jekk għandhiex tiġi applikata l-liġi Ewropea jew inkella il-Cape Town Convention u l-Aircraft Protocol tagħha.
Fl-aħħar jiem, is-sid ta' dik li kienet il-kumpanija tal-avjazzjoni Wind Jet, Antonio Pulvirenti ġie arrestat fi Sqallija. Hu kien akkużat bi frodi marbutin mal-falliment tal-kumpanija fis-sena 2012. Pulvirenti, hu negozjant u hu l-President tat-tim tal-futbol ta' Katanja.
Kien f'Awwissu tas-sena 2012 meta l-kumpanija tal-ajru Wind Jet kienet issospendiet it-titjiriet tagħha u ħalliet mijiet ta' passiġġieri maqbudin f'diversi ajruporti. Kien hemm ukoll xejn inqas minn 300,000 passiġġier madwar l-Italja kollha li kienu xtraw biljetti biex jużaw is-servizzi ta' Wind Jet.







'L-immigranti għalija huma 'eroj' fl-Ewropa u l-vjaġġ għadu ma ntemmx'

               - l-artista Chav

"Trakkijiet'. 'Ferroviji'. Oħrajn jiktbulek il-kelma 'ħieles bħal għasfur'. "Freedom" tispikka fost ħafna ukoll. It-tfal jesprimu tagħhom ukoll.  Ipinġu xeni tal-waħx, qisu dawk minn xi film mimli azzjoni fl-eqqel ta' gwerra. Tispikka tpinġija kollha ħamra. Forsi għażel dak il-kulur għax kulur id-demm? Għax ma kellux aktar kuluri? Min jaf. Tara djar jaqbdu. Ħafna tħażżiż. Ajruplan jispara direttament lejn in-nies.  Bla dubju ta' xejn din turi it-trawma ta' tfal li ħarbu mill-gwerra fis-Sirja. Issib oħrajn li jiktbulek  li 'l-Paċi tfisser ħelsien'. 
Prattikament iddur fejn iddur, anki meta titkellem ma' dawn l-immigranti fil-post li tlaqqam bħala l-Ġungla ta' Calais fi Franza, l-messaġġ li joħroġ hu ċar. Dak li l-vjaġġ għadu ma ntemmx minkejja li qegħdin fl-Ewropa.  Għadhom qed jittamaw li l-vjaġġ iwassalhom biex jilħqu l-ħolma tagħhom li jgħixu f'soċjetà b'futur.  Fil-Ġungla ta' Calais, hemm xejn inqas minn 6,000 persuna li ħarbu minn żoni ta' gwerer u persekuzzjoni u fil-vjaġġ tagħhom spiċċaw f'Calais b'ħafna minnhom bit-tama li jidħlu fir-Renju Unit.
Chav, hi artista li riċentament kienet f'Calais. Iltaqgħet mal-immigranti li hemm jgħixu f'din il-ġungla barra l-belt. Esperjenzat it-tbatija u l-umiljazzjoni li għaddejjin minnha. Imma quddiem dan hi ħarġet bl-idea li tuża l-arti biex dawn l-istess immigranti jwasslu l-messaġġ u l-emozzjonijiet tagħhom.  
Meta titkellem ma' Chav, tara li hemm similaritajiet kbar bejn Calais u Ħal Far f'Malta.
F'Calais tara kampijiet mxerrdin, u f'Ħal Far kontejners. F'Calais ukoll jidher li se jibdew jiddaħħlu l-kontejners biex l-immigranti jgħixu fihom.  F'Calais tispikka x-xewqa tal-immigranti li jkomplu bil-vjaġġ, l-istess bħal f'Ħal Far.  Hemm min iħossu minsi u abbandunat minn kulħadd. F'Ħal Far ukoll hemm ukoll dawk li jħossuhom mitluqin minn kulħadd. Fuq kollox Ħal Far u Calais, huma maqtugħin minn għajnejn in-nies u mwarrbin miċ-ċentri. 
Chav meta tkellmet ma' inewsmalta.com qaltilna li "mort f'Calais minħabba l-mod kif kienet imkasbra l-inumanità ta' dawk li jgħixu fil-ġungla. Minkejja l-kundizzjonijiet ta' disperazzjoni li qed jgħixu fihom dawn il-persuni u n-nuqqas adekwata ta' sanità jien rajt li l-agħar ħaġa li kien hemm kienet li tara nies f'linja waħda - fi kju. Tara kju hekk kif fil-ġungla tasal xi vettura biex tniżżel xi materjal li jkun wasal.  Dawk il-kjuwijiet sirt nobgħodhom. U għadni nobgħodhom sa issa. Dawk il-kjuwijiet jirrappreżentaw il-fatt li l-umiljazzjoni tmur lil hinn minn kundizzjonijiet ħżiena ta' għixien u nuqqas ta' sanità. Jiena artista, u bħala artista deherli li fil-ġungla żgur kien hemm min kien lest li jpinġi. Skoprejt li lil hinn minn nazzjonalità, l-individwi kellhom bżonn immens li jesprimu dak li huma. Kellhom bżonn ikunu kreattivi u jagħmlu dan b'immaġinazzjoni. 

Nistaqsuha x'tip ta' tpinġijiet għamlu u tgħidilna li "kien hemm ħafna tpinġijiet. Fost dawn kien hem dgħajjes tas-sajd. Djar li kienu jgħixu fihom f'pajjiżhom.  Oħrajn pinġew xeni li jirrappreżentaw lil pajjiżhom. Kien hemm min pinġa fjuri jew għasafar. Dawk li pinġew u l-konversazzjonijijiet li kellna  wasslu biex urewni l-filmati li kellhom tal-vjaġġi li għamlu.  Urewni filmati ta' vjaġġi ta' tmint ijiem fuq dgħajsa f'nofs ta' baħar. Jumejn jew tlieta minnhom la kellhom ikel u lanqas ilma. Rajt ritratti ta' persuni li ma rnexxilhomx itemmu xi parti jew oħra tal-vjaġġ.  Kien hemm jum meta għadd ta' tfal pinġew dgħajjes fil-baħar u wara bidlu t-tpinġija fi friefet."
Twieġbek bla tlaqlieq meta tgħidilha xi jfissru għalija in-nies li hemm jgħixu fil-ġungla ta' Calais. "Dawn saru l-eroj tiegħi. Bqajt mistgħaġba bil-ħbiberija tagħhom. Bl-imħabba tagħhom. Il-kalma tagħhom.  L-arti wasslet biex qsamna flimkien lingwa li tmur lil hinn mill-kliem.  Hu minħabba dawn in-nies, li se nerġa nirritorna fil-ġungla."
Tgħidilhom ipingu bit-tema tal-bandiera Ewropea…ssib l-Iswastika u l-kelma 'Hitler'
Imma anki fejn tirrigwarda din l-inizjattiva s-sorpriżi ma jonqsux. Tlaqqa' grupp ta' immigranti u tgħidilhom ipinġu xi ħaġa marbuta mal-istilel fil-bandiera tal-Ewropa.  Chav tgħid li "immedjatament rajt titpinġa ta' Swastika u nkitbet il-kelma Hitler.
Rajt li mal-ħajt ukoll tpinġiet Swastika oħra.  Mort u ħassarthom. Ġie min kien pinġihom u ried sodisfazzjon għaliex ħassarthom. Qabad iż-żebgħa u reġa' beda jpinġi l-swastika. Għedtlu li din id-darba mhux se nħassarha imma rrid inkun naf għaliex qed ipinġi hekk. Dar fuqi u qalli taħt in-Nażi konna nkunu aħjar milli aħna llum. Jippreferi lil Hitler milli voluntieri fil-kamp ta' Calais. Qalli li l-voluntieri jitrattawhom qishom tfal.  Il-Pulizija jsawwtuhom regolarment. Jgħidli kif dakinhar stess ġie msawwat mill-Pulizija u kien pront urieni l-marki fuq dahru. Jien spjegajtilhom li l-istilel tal-bandiera Ewropea ifakkruni fl-istilel li n-Nażi riedu li jilbsu l-Lhud biex jintgħarfu. Spjegajtlu li ma' Hitler ma kellux ċans jgħix. Spjegatlu li l-voluntieri li jmorru fil-Ġungla ta' Calais jagħmlu dan għax jemmnu li n-nies li hemm jgħixu huma nies li jistħoqqilhom. Bkejt fuq li bkejt meta għedtilhom dan."
Tkompli tgħid li "l-immigrant li pinġa l-iswastika skuża ruħu. Wara pinġa fjuri. L-għada reġgħu ġew u baqgħu ġejjin ħdejja. Għamlu apoloġija oħra imma jien għedtilhom li ma rridx nisma b'apoloġiji aktar. Għedtilhom li kien tajjeb li tkellimna. Għedilhom li nixtieq immur lura għal lejl ta' qabel u nkunu jien stess li nagħmel l-iswastika fuq il-pittura". 

Friday, February 19, 2016

 

Eks uffiċjal tan-Navy Seal jitfa' għajnejh fuq Malta.....

Kumpanija tal-avjazzjoni bbażata fl-Afrika tinvesti f'kumpanija li topera f'Malta

Kumpanija ibbażata fl-Afrika t'Isfel u fil-Kenja, Frontier Services Ltd magħrufa għal-loġistika tagħha fit-trasport kemm bl-ajru, bil-baħar u fuq l-art, daħlet fi ftehim definittiv ta' investiment biex takkwista l-maġġoranza tal-ishma f'kumpanija tal-avjazzjoni li hi bbażata f'Malta, Maleth Group. Dan l-investiment qed jintlaqa' b'mod pożittiv, l-aktar meta wieħed iqis il-kuntatti li l-kumpanija Frontier Services għandha fl-Afrika.  Sorsi qrib l-industrija tal-avjazzjoni f'pajjiżna mitlubin jikkummentaw dwar dan qalulna li hemm diversi fatturi li qed iwasslu għal investimenti bħal dawn. "Waħda mir-raġunijiet hi dik tan-negozju dejjem jiżdied ma' pajjiżi Afrikani.  Dan żdied sew fl-aħħar snin,  matul din is-sena baqa' b'saħħtu minkejja sitwazzjoni xejn tajba fil-Libja. Meta tqis li kważi terz tal-esportazzjoni tagħna tmur lejn l-Afrika, u meta tara l-pożizzjoni ta' fejn hi Malta, mhix sorpriża li kumpanija b'kuntatti kbar fl-Afrika jinvestu f'kumpaniji tal-avjazzjoni li jkunu qed joperaw f'Malta f'servizzi bl-ajru", qalilna l-istess sors. L-istess sors qalilna li "kumpanija bħal Frontier Services, għandha l-kapaċità li twassal investituri u nies oħra lejn l-Afrika minkejja restrizzjonijiet fuq toroq jew problemi oħrajn. Din hi kumpanija b'uffiċjali b'kuntatti ma' diversi pajjiżi. Kumpanija li toffri evakwazzjonijiet mediċi, trasport bl-ajru lussuż, ajruplani ta' espedizzjoni u servizzi oħra.  Għandhom servizzi ta' ajruplani li jġorru cargo u servizzi magħrufin bħala 'paradrop' fejn oġġetti jew materjal jitwaddbu f'żoni speċifiċi fejn ajruplan ma jkunx jista' jinżel.  Meta tara investiment bħal dan f'kumpanija li hi bbażata hawn, is-sinjal hu dak li hemm domanda f'servizzi bl-ajru minn Malta għal Afrika u bil-kontra".
Il-ftehim ta' investiment għal din il-kumpanija, se jwassal biex din ittejjeb il-kapaċitajiet tagħhom biex tgħaqqad rotot fil-punent tal-Afrika u fl-Afrika ta' Fuq mal-Ewopa u l-Asja.  Il-kumpanija Maleth hi magħruf lokalment għal servizzi  marbutin ma' vjaġġar fosthom ġarr ta' cargo, piloti u crew għal fuq l-ajruplani.
Fost għadd ta' dilettanti ta' l-avjazzjoni dan l-investiment qed jitqies aktar interessanti minħabba li l-fundatur ta'  Frontier Services Group, mhu ħadd ħlief Eric Prince. Dan hu persuna mill-Istati Uniti, li fl-informazzjoni li tingħata fuqu fis-sit tal-kumpanija stess jingħad li hu filantropist, eks veteran militari u investitur b'interessi fl-Afrika u l-Lvant Nofsani.
Ta' min jgħid li Eric Prince hu l-fundatur ta' 'Blackwater', kumpanija privata tas-sigurtà internazzjonali.  Xejn inqas minn tmien snin ilu, hu kien involut f'kontroversja shiħa u dan wara li kienu saru allegazzjonijiet li impjegati tal-kumpanija tiegħu kienu sparaw fi pjazza f'Baghdad. Dak inhar kienu mietu 14-il persuna u 17 oħra ġew feruti.
Erik Prince iżda kien insista li l-impjegati kollha tiegħu kienu aġixxew kif suppost  u hu kien allega li kien hemm allegazzjonijiet bla bażi kontra l-kumpanija li hu kien waqqaf mix-xejn fis-sena 1990. Hu kien warrab għal kollox l-allegazzjonijiet li l-kumpanija tiegħu kienet iffurmata minn merċenarji. Prince kien iddikjara li l-impjegati tiegħu huma 'Amerikani li qed jaħdmu għal Amerikani u biex jipproteġu lill-Amerikani".
Ta' min jgid li ħames gwadji, kollha veterani militari, kienu nstabu ħatja tal-isparaturi f'Settembru tas-sena 2007.  Prince, li hu eks Navy Seal kien biegħ il-Blackwater fis-sena 2010.  Aktar tard Prince kien ħareġ ktieb intitolat "Civilian Warriors: the inside Story of Balckwater and the Unsung Heroes of the War on Terror".


€1,500 fix-xahar għal Profs Friġġieri
bħala Direttur Artistiku ta' attivitajiet Maltin fi Frankfurt

B'rabta mal-attivitajiet kulturali Maltin fil-Bank Ċentrali Ewropew fi Frankfurt il-Ġermanja, liema attivitajiet bdew matul is-sena li għaddiet u jintemmu fi Frar ta' din is-sena, il-Bank Ċentrali kien qed iħallas €1,550 fix-xahar lill-Professur Joe Friggieri.  Dan il-ħlas hu minħabba l-fatt li l-Professur Joe Friġġieri hu d-Direttur Artistiku għall-attivitajiet li qed jittellgħu.  Il-ħlasijiet lill-Profs Friġġieri ikopru Marzu tas-sena 2014 sa Frar ta' din is-sena.
Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna għal mistoqsija tad-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis.
Ta' min jgħid li bejn it-3 ta' Novembru u l-20 ta' Frar ta' din is-sena għadd ta' artisti, kantanti, atturi, u professjonisti oħra Maltin irrappreżentaw lil Malta fi Frankfurt.  Kien tħabbar li fost il-kantanti protagonisti li se jkunu qed jieħdi sehem hemm it-tenur  Malti ta' fama mondjali Joseph Calleja.
Calleja kien fetaħ  dawn l-attivitajiet b'kunċert fit-3 ta' Novembru fit-Teatru prinċipali ta Frankfurt Alte Oper Frankfurt.  Dan l-avveniment li jsir ta' kull sena huwa organizzat mill-Bank Ċentrali Ewropew. Kull sena Stat Membru differenti jiġi magħżul biex jippromovi it-talent kulturali tiegħu bil-kollaborazzjoni tal-bank ċentrali ta' dak il-pajjiż.
Malta ingħatat l-opportunità biex tkun hi fid-dawl ta' dan kollu u għlehekk bil-kollaborazzjoni tal-Bank Ċentrali ta' Malta numru ta' artisti Maltin se jkollhom l-opportunità li jwasslu t-talenti tagħhom barra minn xtutna. .
Fost l-artisti li ħadu sehem kien hemm l-Orkestra Filarmonika ta' Malta taħt id-direzzjoni tad-Direttur Brian Schembri, is-soprani Lydia Caruana, Claire Ghigo u Gillian Zammit, il-vjolinista Carmine Lauri, l-artist mużikali Renzo Spiteri u kunċerti mill-Cosmos Wind Ensemble, il-Big Band Brothers u d-Domnic Galea Jazztet. Waqt dawn l-avvenimenti id-Dj Maltija Miss Roberta se tkun qed iddoqq f'wieħed mill-parties li se jiġi organizzat. L-aħħar attività bl-isem "The Rose Tattoo" se tkun mtella' mill-Grupp Teatrali Albert Marshall.


Thursday, February 18, 2016




Beppe Fenech Adami ddispjaċieh li d-deni m'għadux fil-ħabs' -
         -   Carmelo Abela

Il-Ministru għall-Intern, Carmelo Abela, f'intervent dwar l-abbozz ta' liġi fuq il-miżuri tal-estimi, ikkritika bl-aħrax lid-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u qal li, “Ħaġa li xxukkjatni hi li meta din il-ġimgħa tajt rendikont fiex tinsab is-sitwazzjoni fil-ħabs rigward l-influwenza, Beppe Fenech Adami fl-intervent tiegħu lanqas kellu kelma waħda ta' ringrazzjament lit-tobba u lill-istaff mediku. Mhux talli ma rringrazzjax, imma ddispjaċieh li d-deni m'għadux fil-ħabs. Dan iddispjaċieh li s-sitwazzjoni ġiet lura għan-normal. Beppe Fenech Adami li għamel hu li l-ħin kollu qed jipprova jallarma b'gideb."
Il-Ministru enfasizza li taħt Gvern Nazzjonalista fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin kien hemm nuqqasijiet kbar. Saħaq li s-sitwazzjoni fil-ħabs tjiebet imma għad fadal ħafna xi jsir. “Jaf li kien hemm rapport li kien sar fis-sena 2009 u x'fih dak ir-rapport. Nisfidah jgħidilna x'wettaq l-Gvern Nazzjonalista minn dawk in-nuqqasijiet li nstabu li hemm u li huma elenkati f'dan ir-rapport. Minn dak ir-rapport ma twettaq assolutament xejn. Il-faċilità korrettiva ta' Kordin, Gvern Nazzjonalista ħallieha għal riħha,” sostna l-Ministru.
“Ftit xhur ilu kkummissjonajt rapport u kien hemm persuni komuni fir-rapport li sar fis-sena 2009 u f'dak li kkonfermajt jien. Prattikament il-konklużjonijiet huma l-istess u dan juri li ma sar xejn mis-sena 2009 'l quddiem. Se nibdew insolvu n-nuqqasijiet li jissemmew. Ħdimna qatigħ biex insibu Direttur li jkun dedikat għal hemm, u dan sar. Sar eżerċizzju biex ikollna ingaġġ ta' staff professjonali. Wara numru ta' snin ġew ingaġġati mas-60 uffiċjal korrettiv. Qed naħdmu fuq struttura amministrattiva fuq l-aspett ta' maniġment,” qal il-Ministru.
Kompla jgħid li fuq il-mediċini fil-ħabs ukoll sar ħafna gideb. “Mhu veru xejn li l-mediċini li jingħataw huma Panadols. Preżentament fl-ispiżerija hemm 867 mediċina. F'Jannar ta' din is-sena tqassmu 175 mediċina differenti,” qal il-kelliem.

Irrefera wkoll għas-serq mir-residenzi u qal li dan mhux veru li żdied. Spjega li jekk wieħed iqabbel l-ammont ta' serq minn residenzi fl-aħħar sena tal-Gvern Nazzjonalista mas-serq fis-sena 2015, isib li f'din l-aħħar sena dan naqas b'29 fil-mija. Sostna li minkejja tnaqqis fis-serq minn residenzi, kien hemm żieda fil-pick pocketing u qal li dan sar għax kien hemm klikka barranin li bdew iduru diversi pajjiżi fl-Ewropa u waslu hawn ukoll. “Imkien ma nqabdu. Hawn biss inqabdu,” sostna l-Ministru Abela.


L-irranġar tal-pitkalija…..preparamenti fuq it-tender biex fi żmien qasir jinbeda x-xogħol
 
Il-kwistjoni tal-irranġar tal-pitkalija, proġett li ilu jissemma snin sħaħ, tqajmet fil-Parlament illejla, bil-Ministru Leo Brincat jitfa' dawl ġdid fuq dan il-proġett.
Fi tweġiba għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina, il-Ministru enfasizza li bħalissa għaddejjin preparamenti fuq it-tender biex fi żmien qasir jinbeda x-xogħol.
Il-Ministru qal li ,"Ninsab infurmat li mill-1998 sal-2013, perjodu ta’ 15-il sena taħt Gvern Nazzjonalista, ma sar xejn fil-Pitkalija biex jiġi mtejjeb l-operat jew l-infrastruttura tal-post. Issa wara 180 xahar ta’ negliġenza u telqa, kif jistgħu jixhdu l-bdiewa, pitkala u xerrejja li jagħmlu użu mill-Pitkalija, l-Onorevoli Interpellant qed jippretendi li f’anqas minn 30 xahar isir ix-xogħol kollu li ma sarx f’180 xahar.
“Ninsab infurmat ukoll li dak li qed jallega l-Onorevoli Interpellant, jiġifieri li l-Gvern qata’ ħesrem l-opportunità lill-bdiewa li tiġi refurbished il-Pitkalija, tant mhuwiex veru li fil-fatt il-Gvern fl-estimi 2016 ivvota €1.6 miljun sabiex isir ir-refurbishment tant meħtieġ. Fil-mument qegħdin jiġu ppreparati t-tenders neċessarji, sabiex tiskatta l-proċedura tat-tenders ħalli f’qasir żmien jibdew jitwettqu x-xogħlijiet meħtieġa."

Inqabad grupp organizzat biex joħloq tfixkil fit-trasport pubbliku

F'aġġornament b'battibekki jaħarqu bejn id-Deputata Nazzjonalista Marthese Portelli u l-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi, l-istess Ministru llejla allega li wara li tqabbdu nies pajżana li segwew it-trasport pubbliku, instab li kien hemm nies organizzati biex ikun hemm tfixil. Qal li ttieħdu passi, iżda mhux magħruf sa issa min kien hemm wara dawn il-gruppi ta' nies. Il-Ministru Mizzi poġġa wkoll il-kuntratt ma' Autobuses de Leon fil-Parlament. Filwaqt li stqarr li t-trasport pubbliku għadu ma laħaqx il-livell mixtieq, il-kelliem enna li, "Hu minnu li għedt li kont se npoġġi l-kuntratt fuq il-mejda tal-Parlament. Inbidlu ċ-ċirkostanzi u ż-żmien tani raġun. M'għandi ebda ħabi u fassalna kuntratt realistiku li jagħti ċans lill-operatur jaħdem u l-awtorità żżomm il-kontroll. Kuntratt li kien jinkludi obbligu li ssir kampanja biex tħeġġeġ il-pubbliku juża Tal-Linja Card. Hemm nollijiet inqas għal min juża l-kcrd."
Spjega li bil-mod il-mod il-patrunaġġ tat-trasport pubbliku qed jerġa' jiżdied. Qal li ġew introdotti 24 rotta ġdida u 43 rotta ġew modifikati. Sas-sajf li ġej, il-kumpanija se timporta 33 karozza oħra u s-sena li għaddiet ġarret xejn inqas minn 40 miljun passiġġier.
Kompla jgħid li, "Kien hemm ilmenti u kien hemm tmienja li kienu ewlenin u dawn kienu dwar rotot lejn l-università u lejn l-isptar Mater Dei. Fis-6 ta' Marzu se jibdew jiġu rranġati r-rotot li fuqhom kien hemm l-ilmenti."
Il-Ministru Mizzi attakka lill-Oppożizzjoni u qal li dawn kien moħħhom biex jattakkaw is-servizz. Hu qal li lest juri lill-Oppożizzjoni dokument kunfidenzjali li juri li dawn riedu €45 miljun f'sussidju biex joperaw ir-rotot preżenti. Hu ddeskriva l-kritika tal-Oppożizzjoni bħala 'kritika distruttiva'.
Il-Ministru allega li individwu li ma ħax tender ghax l-offerta tiegħu ma kinitx l-irħas, immolla u mar tkellem mad-Deputata Nazzjonalista Marthese Portelli.
Hu qal li, "L-Oppożizzjoni ħsara biss trid tagħmel lill-pajjiż u fejn jidħol it-trasport pubbliku għamlet biss gambetti." Żied jgħid li mirakli mhux se nagħmel u se nibqa' naħdem biex fl-aħħar mill-aħħar it-trasport pubbliku jasal fejn għandu jasal.”
Iddikjara li, "Skoprejna li qed ikun hemm abbużi minn ċerti nies u li ma nafux hu min hemm warajhom. Immur jien nara, u nsib karozza li suppost tagħmel vjaġġ imma din tkun qiegħda 'not in service'. Hemm xi ħadd li qed jorganizza ċerti nies biex jagħmluha din is-sistema. Għamilna nies pajżana u qbadniehom. Ma nafux min hemm warajhom. Dan hu persuna li jixtieq deni l-pajjiż. Għandi suspetti, imma min hu jinħeba qiegħed. Iva, irrappurtaw dak li qed taraw u dak li qed jiġri. Il-problema hi min qed jorganizzahom lil dawn it-tip ta' nies."
 

Wednesday, February 17, 2016

F'seba' snin ntefqu €366,000 f'ikliet u festini……
….fl-aħħar tlett snin naqas l-infieq

Waqt li l-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna fil-ħin tal-mistoqsijiet Parlamentari iddikjara li bejn is-sena 2008 u s-sena 2015 intefqu xejn inqas min €366,000 f'fondi pubbliċi fuq ikliet u ċelebrazzjonijiet, ma naqasx li jiddikjara li kien hemm abbużi ta' fondi pubbliċi mill-amministrazzjoni ta' qabel. Din qajmet reazzjoni mid-Deputati Nazzjonalisti Ryan Callus u Ċensu Galea. Il-Ministru intalab jikkjarifika x'qed jifhem b'abbuż ta' fondi pubbliċi taħt l-amministrazzjoni Nazzjonalista. Il-Ministru għamilha ċara li taħt it-tmexxija tiegħu mhux se jkun hemm abbuż ta' fondi pubbliċi għal ikliet u ċelebrazzjonijiet u sejjaħ id-dikjarazzjoni ta' "money no problem' bħala sintomu tal-Gvern Nazzjonalista.
Mill-informazzjoni li ta l-Ministru fil-Parlament għal infieq fuq ikliet u festini tal-Ministeru għall-Finanzi u entitajiet li jaqgħu taħtu, jirrizulta li fl-aħħar tlett snin l-infieq fuq ikliet u festini naqas.  Meta mqabbel mas-snin 2008 u 2009 wieħed jara li naqas drastikament.
Filfatt fis-sena 2008 l-infieq fuq ikliet u festini kien ta' €127,479, waqt li fis-sena ta' wara dan kien tela' għal €154,821.  Fis-sena 2010, l-infieq fuq ikliet u festini kien ta' €94,989, waqt li fis-sena 2011 kien ta' €61,797.   Fis-sena 2012, l-infieq kien ta' €65,794, fis-sena 2013 kien ta' €58,877, fis-sena 2014 €60,610, waqt li fis-sena 2015 l-infieq kien ta' €59,971.
L-aktar entitajiet li nefqu flus f'ikliet u festini kienu l-Malta Stock Exchange u l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji li fi tmien snin nefqu €121,437 u €151,882 rispettivament.
Jekk wieħed janalizza l-istatistika, wieħed jara li fejn jidħol il-Ministeru tal-Finanzi waħdu l-infieq fuq festini u ikliet naqsu drastiakment fl-aħħar tlett snin mindu l-Ministeru kienu immexxi mill-Ministru Edward Scicluna.  Filfatt waqt li fis-sena 2008  l-Ministeru kien nefaq €92,248 f'ikliet u festini, fis-sena 2009 nefaq €112,766, waqt li fis-sena 2010 nefaq €45,834.  Fis-sena 2011, l-infieq kien ta' €19,430, fis-sena ta' wara nefqu €22,345, waqt li fis-sena 2014 u s-sena 2015 l-infieq kien ta' €7,702 u €2,928 rispettivament.

Tfal imdawrin bis-siringi

"Ta' spiss nirrappurtaw lill-Pulizija dwar siringi użati li jkun hemm barra l-iskola. Din tinkwetana għax għandna tfal żgħar u dawn huma ta' periklu."  Dan sostnietu l-Assistenta Kap ta' l-Iskola Tereza Nuzzo fil-Marsa, Marise Bugeja, meta ntalbet reazzjoni għal ilmenti minn ġenituri dwar siringi fiż-żona.  Min-naħa tiegħu, anki l-kowċ tan-nursery tal-Marsa, Joseph Xuereb, qalilna li, "Dejjem nirrappurtaw li jkun hawn is-siringi. Lill-ġenituri din tinkwetahom. Hemm bżonn azzjoni u aktar sorveljanza. Ġieli spiċċajna niġbruhom aħna. L-aħħar li ġie Pulizija u ġabarhom, tħassartu għax lanqas ingwanti ma kellu."
Joseph Xuereb, meta kkummenta magħna, qalilna li hemm bżonn aktar sorveljanza fiż-żona u li jkun hemm kameras tas-sigurtà.  "Meta jiġu l-ġenituri u jaraw is-siringi jinkwetaw ħafna. Din saret problema għax hi xi ħaġa li qed tiġri ta' spiss."
Ġenitur li għandu tfal imorru fl-iskola Tereża Nuzzo qalilna li, "Sar qisu ħmar il-lejl li meta nkun qed indaħħal it-tifel l-iskola dejjem nispiċċa nħares lejn l-art u fil-ġnub biex nara narax siringi. Spiss ikun hemm siringi hemm wara li bil-lejl ikun hemm xi persuni li jiffrekwentaw dan il-post u mbagħad iħallu s-siringi hemm. Naħseb li għandu jkun hemm xi tip ta' azzjoni, għax l-iskola ma tistax toqgħod kull darba tirrapporta kull meta jkun hemm is-siringi".
Il-Viċi Sindku tal-Marsa, Josef Azzopardi, f'kummenti li kien tana kien qal li minkejja li l-Kunsill jieħu ħsieb it-tindif, bosta drabi qed ikun hemm il-bżonn li jsir aktar tindif, ovvjament bi ħlas żejjed biex jagħmel milli jista’ biex jieħu ħsieb iż-żona. Anki l-istudenti li jmorru l-iskola Tereża Nuzzo, li huma tfal żgħar, u kull min jgħaddi mill-inħawi qed ikunu fir-riskju.
"Jidher ċar li qed jiġi kkonsmat xorb alkoħoliku u anki qed isir abbuż mid-droga ħdejn il-grawnd u l-iskola. Bir-raġun il-ġenituri u dawk li qed jieħdu ħsieb in-nursery huma urtati u ilu jinħass il-bżonn urġenti li l-awtoritajiet jieħdu passi serji. B’mod immedjat l-awtoritajiet għandhom jieħdu ħsieb li tiżdied is-sorveljanza mill-pulizija," qal Azzopardi.
 

Tuesday, February 16, 2016


'Maltempata perfetta' fil-kriżi tar-refuġjati
           - l-akkademiku Thomas Spijkerboer

Fl-aħħar jiem komplejna naraw aktar imwiet ta' persuni fil-vjaġġi tagħhom lejn l-Ewropa, wara li jkunu ħarbu jew telqu minn sitwazzjoni ta' ġlied, gwerer u persekuzzonijiet fost fatturi oħra. Din is-sena l-imwiet diġà qabżu t-300 persuna, waqt li aktar persuni komplew għaddejjin minn sitwazzjonijiet ebsin fil-fruntieri Ewropej. 
Quddiem dan, l-akkademiku Thomas Spijkerboer jiddeskrivi s-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni bħala 'maltempata perfetta'. Dan minħabba li hemm diversi fatturi li qed iseħħu flimkien. Thomas Spijkerboer hu Professur tal-Liġi tal-Immigrazzjoni fil-Vrije Universiteit f'Amsterdam.
F'dokument akkademiku li għadu kif kiteb, l-akkademiku Spijkerboer jagħmilha ċara li l-maltempata tista' tmur għall-agħar u dan billi tista' terġa' sseħħ il-gwerra ċivili li kien hemm fil-Libanu bejn l-1975 u l-1990, xi ħaġa li jekk isseħħ twassal  għal miljuni ġodda ta' refuġjati.
Spijkerboer fid-dokument li kiteb jgħid li "sa mis-sena 2011, il-kunflitt li żvilupp fis-Sirja, wassal  biex nofs il-popolazzjoni tas-Sirja taħrab. Hemm 7.5 miljun refuġjat fis-Sirja stess, 4 miljuni barra s-Sirja fejn minn dawn hemm 635,000 fil-Ġordan, miljun fil-Libanu u 2.5 miljuni fit-Turikija.  Dawn huma stimi konservattivi għax in-numri ta' refuġjati huma akbar.  Is-Sirja kienet stmata li kellha popolazzjoni ta' 23 miljun qabel il-gwerra. Fl-Ewropa daħlu bejn miljun u miljun u nofs refuġjat fis-sena 2015, li jfisser 0.2 fil-mija biss tal-popolazzjoni Ewropea li hi ta' 508 miljun persuna".
Ikompli jgħid li "hemm nuqqas serju ta' fondi għar-refuġjati Sirjani.  L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għal Kordinazzjoni ta' Assistenza Umanitarja irrappurtat li fis-sena 2015, kienu 56 fil-mija tal-fondi li kellhom bżonn li spiċċa waslulhom.  Il-World Food Programme irrapporta tnaqqis fil-fondi u dan wassal biex kellha tnaqqas il-livelli ta' assistenza fejn hemm refuġjati li qed jgħixu b'50 kuljum biss. L-Unjoni Ewropea qablet fuq kif għandhom jingħataw aktar fondi u ġew imwegħdin €3 biljuni lit-Turkija iżda ħadd ma jaf meta dawn il-flus attwalment se jingħataw".
Jenfasizza li "imbagħad hemm il-kwistjoni ta' rilokazzjoni ta' immigranti Sirjani lejn partijiet oħra tad-dinja, xi ħaġa li hi kruċjali. Minn mindu beda l-kunflitt fis-Sirja fis-sena 2011 kienu biss 162,151 immigranti li kienu rilokati lejn pajjiżi oħra, li jfisser 2 fil-mija biss tal-4 miljuni refuġjat Sirjan li qegħdin barra s-Sirja."
L-akkademiku Spijkerboer jsemmi l-kwistjoni tal-projbizzjoni tal-ivvjaġġar u jgħid li "l-Istati qegħdin jipprojbixxu lis-Sirjani milli jivvjaġġaw u għalhekk tagħmilha impossibli li dawn jitilqu mis-Sirja jew minn kampijiet tar-refuġjati. Pajjiżi li ma kinux jitolbu visa lil persuni Sirjani, irrispondew għall-pressjoni Ewropea u introduċew il-visa. Dan qed iwassal biex il-Libanu u l-Ġordan jeħtieġu li s-Sirjani jkollhom visa, waqt li anki t-Turkija introduċiet il-visa għas-Sirjani. Dawn ir-rekwiżiti għal visas huma obbligatorji għal linji tal-ajru waqt li jkunu qed janalizzaw id-dokumenti tal-ivvjaġġar.  Apparti dan l-Unjoni Ewropea qed timmilitarizza kontra l-immigrazzjoni irregolari fejn ġiet adottata riżoluzzjoni tal-Ġnus Magħquda li tikkunsidra l-immigrazzjoni irregolari bħala theddida għas-sigurtà internazzjonali u tagħti saħħa lill-Unjoni Ewropea biex tieħu azzjoni militari".
"Bl-għan li jkunu refuġjati jkunu projbiti milli jidħlu fl-Unjoni Ewropea u biex anki pajjiżi ġirien jagħmlu dan, l-Unjoni Ewropea intenzjonalment għamlitha illegali u diffiċli ħafna għal refuġjati Sirjani li jitilqu  minn pajjiżhom u jfittxu protezzjoni.  F'Jannar kien stmat li xejn inqas minn 16,000 refuġjat Sirjan kienu maqbudin fid-deżert u dan minħabba li l-Ġordan beda jimblokkahom milli jidħlu. Ftit jiem ilu, t-Turkija għalqet il-fruntiera għal madwar 70,000 Sirjan li kienu ħarbu minn Aleppo", jiddikjara Spijkberboer.
Ikompli jgħid li "l-Unjoni Ewropea għandha l-Common European Asylum System (CEAS) u din l-għan tagħha hu li jkun hemm armonizazzjoni fil-liġijiet tal-ażil. Imma l-istandards ivarjaw bejn l-Istati. F'xi wħud huma kważi perfetti f'oħrajn m'humiex eżistenti.  F'xi pajjiżi ir-refuġjati qed jispiċċaw jgħixu fit-toroq għal snin sħaħ, waqt li f'oħrajn jingħataw saqaf fuq rashom. Xi pajjiżi ma jirrikoxxu ebda persuna bħala refuġjat, waqt li f'oħrajn tnejn minn kull tlett persuni  jiġu dikjarati bħala refuġjati.  F'xi pajjiżi ir-refuġjati huma trattati ħażin mill-awtoritajiet".
L-akkademiku jgħid ukoll li "m'hemm bżonn ebda qarrej tax-xorti biex tipprevedi li l-fatt li hemm miljuni ta' Sirjani jfittxu kenn u li dawn qed jitwarrbu mill-kommunità internazzjonali, kien se jwassal biex ikun hemm mewġa minn dawn li tmur lejn l-Ewropa. Biss l-awtoritajiet Ewropej inħasdu meta seħħ dan.  In-nuqqas ta' preparazzjoni, nuqqas ta' faċilitajiet fejn jintlaqgħu u nuqqasijiet oħra, ħolqu l-idea li l-ammont ta' immigranti huma ħafna aktar minn dak li l-Ewropa tiflaħ."
Il-Professur Thomas Spijkberboer jgħid ċar u tond li "l-ammont ta' refuġjati hi żgħir meta tqabblu mal-ġid u mal-popolazzjoni tal-Ewropa. Il-perċezzjoni wiesa hi dik li l-Ewropa għandha kriżi ta' refuġjati u li potenzjalment din thedded il-proġett Ewropew.  Is-sitwazzjoni tista' taħrab minn idejn l-Ewropa, jekk il-fatturi kollha marbutin mal-immigrazzjoni jibdew jingħaqdu ma' xulxin.  Ir-refuġjati kienu injorati u dan wassal għal domanda kbira għas-servizzi ta' traffikanti. Il-prezzijiet tat-traffikanti kienu żdiedu u dan wassal biex ħafna oħrajn jidħlu f'dan iċ-ċirku. Fiċ-ċiklu marbut mal-provvista u d-domanda, wassal biex issa il-prezzijiet raħsu u dan għax hemm ħafna joffru dan is-servizz. Eżempju ta' dan hu l-fatt li l-Marokkini u l-Alġerini qed jidħlu lejn l-Ewropea mit-Turkija. Dan qed isir għax il-prezzijiet huma baxxi. Qed jidher biċ-ċar li l-politika ta' ażil Ewropea għadha l-bogħod sew milli tkun armonizzata."
Fid-dokument tiegħu, l-akkademiku Spijkberboer jistaqsi x'jista' jsir fejn jgħid li ħafna mill-fatturi nħolqu mill-Unjoni Ewropea stess u jgħid li aktarx hu tard biex issa jkun hemm sistema robusta ta' 'reception'.  Iċ-ċiklu ta' domanda u provvista għas-servizzi ta' traffikanti u n-nuqqas ta' fiduċja ta' refuġjati Sirjani fil-kommunità internazzjonali ma jistgħu jitbiddlu malajr. Biss hemm elementi li jistgħu jitbiddlu fi żmien qasir. Is-suq tat-traffikar jistgħu jkunu mxekklin minn rilokazzjoni ta' immigranti fuq skala kbira. Dawk rikonoxxuti bħala refuġjati fl-Ewropa għandhom jingħataw id-dritt ta' moviment ħieles fl-Ewropea u dan jiffaċilitalhom  it-tfittixja għax-xogħol. Biss hu diffiċli li dan iseħħ. Dawk li jfasslu l-politika Ewropea għandhom viżjoni dejqa.  Huma jaraw li l-politika tagħhom mhix qed ikollhom l-effett meħtieġ, imma jibqgħu jagħmlu konklużjonijiet li dak li hemm bżonn hu l-intensifikazzjoni ta' l-istess politika. Biex tinterrompi din il-maltempata perfetta, hemm bżonn rikonsiderazzjoni fundamentali tal-politika Ewropea tal-aħħar 25 sena. Iridu jammettu li mhux biss din il-politika falliet imma kellha effett kuntrarju."
Fi tmiem id-dokument jgħid li "hu possibli li din il-maltempata tmur għall-agħar? Ċertament. Jekk il-Libanu ma jkunx assisti fil-problema ta' refuġjati li għandu,  hu possibbli  li l-gwerra ċivili li farrket lil dan il-pajjiż bejn l-1975 u l-1990, terġa' tibda.  Dan iwassal għal miljuni ġodda ta' refuġjati. Jekk il-pajjiżi Ewropej se jkomplu jinfurzaw l-aspett kriminali  għal vjaġġar minn refuġjati u immigranti, it-traffikar uman hemm iċ-ċans li dan ikun inkorporat f'negozju aktar organizzat - fenomenu li seħħ fuq il-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku."
Ritratt: Ian Noel Pace



Ebda data għal meta se tkun deċiża l-applikazzjoni dwar il-proġett propost f'Ħondoq ir-Rummien


"L-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tista' tikkonferma li r-rapport (DPAR) marbut mal-proposta għall-iżvilupp f’Ħondoq ir-Rummien jinsab kważi lest. Bħal f’kull applikazzjoni oħra li tidher quddiem il-Bord tal-MEPA, id-data ta' din l-applikazzjoni tiġi pubblikata permezz ta’ avviżi fil-gazzetti."
Din kienet it-tweġiba li ngħatajna dwar fiex wasal il-proċess fi ħdan il-MEPA dwar l-applikazzjoni ta' żvilupp f'Ħondoq ir-Rummien fil-Qala Għawdex. Din it-tweġiba ngħatat minkejja li fil-bidu tas-sena li għaddiet, iċ-Ċermen tal-MEPA, il-Perit Vince Cassar kien ikkummenta u qal li sa April tas-sena li għaddiet il-proġett kellu jitla' quddiem il-bord tal-MEPA biex tingħata deċiżjoni finali fuqu. Dan il-proġett ilu għal aktar minn 13-il sena quddiem il-MEPA.
Staqsejna lill-MEPA x'inhi r-raġuni li l-proġett għadu ma tressaqx quddiem il-MEPA u dwar jekk hemmx xi indikazzjoni dwar meta se tkun deċiżjoni. Staqsejniehom ukoll dwar jekk inkunux korretti li ngħdiu li r-rapporti marbutin mal-applikazzjoni ta' żvilupp huma lesti. Il-MEPA għażlet biss li tgħid li rapporti huma kważi lesti.
Ta' min jgħid li waħda mill-problemi li nqalgħu fuq dan il-proġett kienet il-fatt li uffiċjali li kienu qed jaħdmu fuq din l-applikazzjoni ma kinux  baqgħu jaħdmu l-MEPA. Sorsi li kienu tkellmu magħna kienu qalulna  li l-ħidma marbuta ma' dan il-proġett hi lesta. Quddiem dan, il-mistoqsija li toħroġ hi dik ta' x'qed jistennew l-awtoritajiet biex jiddeċiedu din l-applikazzjoni.  Kollox jindika li diversi sezzjonijiet tal-MEPA rrakkomandaw li l-proġett ikun rifjutat.
Il-proġett propost għal Ħondoq ir-Rummien qed jipproponi marina tal-jottijiet, lukanda u appartamenti ġodda.
Kien 12-il sena ilu meta bdiet il-gwerra kontra l-proġett turistiku propost f'Ħondoq ir-Rummien, fil-Qala, Għawdex. Ftit tax-xhur ilu diversi ambjentalisti kienu ħeġġew lill-pubbliku inġenerali biex jidħol fis-sit tal-MEPA fejn kienet qed tinġabar informazzjoni dwar ir-reviżjoni tal-pjan lokali għaż-żona ta' Ħondoq ir-Rummien. Huma ntalbu jiffirmaw petizzjoni li fost l-oħrajn tgħid li Ħondoq ir-Rummien għandu jsir park nazzjonali u li ż-żona terġa' tiġi dikjarata bħala 'żona barra l-iżvilupp' (ODZ).
Il-petizzjoni kienet tgħid li: "Iż-żona ta' Ħondoq ir-Rummien kienet ġiet allokata għal żvilupp turistiku mingħajr konsultazzjoni pubblika. L-awditur tal-MEPA stess jikkonferma li hemm nuqqas ta' konsultazzjoni. Il-pjan li kien hemm bejn il-MEPA u l-kunsill lokali tal-Qala kien dak li din iż-żona tintuża għal skop agrikolu u ta' afforestazzjoni. Kemm id-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Ambjent kif ukoll il-Bord tal-Wirt Naturali rrakkomandaw li l-proġett jiġi rifjutat. 85 fil-mija tar-residenti tal-Qala esprimew li huma kontra l-proġett."
Il-petizzjoni tkompli tgħid li: "Bħala wied ta' kategorija A, m'għandu jkun hemm ebda żvilupp ġdid fih. Nitolbu li l-bord tal-MEPA jaċċetta r-rakkomandazzjoni tad-Direttorat tal-Protezzjoni Ambjentali u jirrifjuta li jagħti permess għal dan l-iżvilupp. Nitolbu li Ħondoq ir-Rummien jerġa' jiġi dikjarat bħala 'żona barra l-iżvilupp' u li jsir park nazzjonali.”
F'referendum li kien sar fis-sena 2002, 85% tal-poplu tal-Qala wera b’saħħa li jrid li Ħondoq ir-Rummien jibqa' f’idejn il-pubbliku. L-antropologu Jeremy Boissevain, li għandu fama mondjali, kien ikkonkluda li l-proġett propost għal Ħondoq ir-Rummien joħloq impatt negattiv mill-aspett soċjali, f'dak li jirrigwarda t-tgawdija tal-post mill-eluf ta nies li jmorru jgħumu u jagħmlu l-barbikjus hemm. Transport Malta rrakkomandat rifjut, u l-istess għamlet il-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja. Din ikkonkludiet li m'għandux jinħareġ il-permess għax hu diffiċli tiġġustifika li hu sostenibbli. L-għaqdiet ambjentali kollha huma kontra din il-proposta ta' żvilupp. 
 

Siringi ħdejn l-iskola Tereża Nuzzo fil-Marsa

Il-lokalità tal-Marsa qed tiffaċċja problemi kbar b'ċerti żoni jispiċċaw mimlijin ħmieġ. Madwar il-grawnd tan-Nursery tal-Marsa fil-ġnien qrib l-iskola Theresa Nuzzo, kemm-il darba qed jispiċċaw mimlijin ħmieġ u saħansitra b’bosta siringi mxerrdin. Is-sitwazzjoni hija waħda tal-biża' meta ta’ kuljum it-tfal Marsin jinżlu jittrenjaw fil-grawnd. Il-Viċi Sindku tal-Marsa, Josef Azzopardi, qalilna li minkejja li l-Kunsill jieħu ħsieb it-tindif, bosta drabi qed ikun hemm il-bżonn li jsir aktar tindif, ovvjament bi ħlas żejjed biex jagħmel milli jista’ biex jieħu ħsieb iż-żona.
Anki l-istudenti li jmorru l-iskola Tereża Nuzzo, li huma tfal żgħar, u kull min jgħaddi mill-inħawi qed ikunu fir-riskju. Mir-ritratti jidher ċar li qed jiġi kkonsmat xorb alkoħoliku u anki qed isir abbuż mid-droga ħdejn il-grawnd u l-iskola.
Bir-raġun il-ġenituri u dawk li qed jieħdu ħsieb in-nursery huma urtati u ilu jinħass il-bżonn urġenti li l-awtoritajiet jieħdu passi serji. B’mod immedjat l-awtoritajiet għandhom jieħdu ħsieb li tiżdied is-sorveljanza mill-pulizija.

Rilokazzjoni ta' refuġjati "b'pass kajman ħafna"

Malta ma rrilokat ebda refuġjat


Suppost Malta kellha tirriloka xejn inqas minn 131 refuġjat li kienu qegħdin il-Greċja jew l-Italja. Sa issa iżda Malta għadha ma ħadet ebda persuna. Dan il-fatt jispikka ukoll f'għadd ta' pajjiżi oħra Ewropej fejn minkejja li kienu ntrabtu li jieħdu għadd ta' refuġjati baqgħu ma ħadux l-ammont li kienu ntrabtu bih. Filfatt sa issa ġew rilokati biss ftit inqas minn 500 refuġjat, b'218 persuna ġew rilokati mill-Greċja u 279 immigrant mill-Italja.
L-ORIZZONT lbieraħ għamel kuntatt mal-Ministeru tal-Intern, fejn staqsejnihom diversi domani dwar dan. Sakemm morna għall-istampa konna għadna bla tweġiba.
Filfatt apparti Malta hemm għadd ta' pajjiżi li ma rrilokaw ebda refuġjati mill-Greċja u l-Italja u dawn huma l-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika Ċeka, l-Awstrija, il-Bulgarija, l-Ungerija is-Slovakkja, il-Kroazja, is-Slovenja, il-Latvja, l-Estonja u Ċipru.
Il-pajjiżi Ewropej li rrilokaw refuġjati huma l-Ġermanja li ħadet 21 persuna, Franza bi 62 rilokazzjoni, Spanja bi 18-il persuna, l-Olanda b'50 persuna, il-Belġju u l-Isvezja b'14 u 39 rispettivament. Imbagħad hemm il-Portugal li rrilokaw 26 persuna, il-Litwanja b'4 persuni, l-Ilrnada b'10 persuni u l-Lussemburgu rrilokaw 30 persuna.
B'mod reali, sa minn Jannar tas-sena 2015 fil-Greċja u fl-Italja daħlu 1,068,000 immigrant. Kien hemm qbil li 98,000 minnhom ikunu rilokati iżda kienu biss ftit inqas minn 500 li kienu rilokati.
Ilbieraħ hekk kif il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat statistika dwar dawn ir-rilokazzjoni u ma naqsitx li tgħid li r-rilokazzjoni miexja bil-mod, iċ-Ċermen tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili tal-Parlament Ewropew Claude Moraes wissa fuq xenarju li għadd ta' refuġjati jistgħu jispiċċaw maqbudin fil-Greċja u l-Italja.  "Is-solidarjetà hi essenzjali. L-Istati membri għandhom jagħmlu l-parti tagħhom biex titnaqqas il-pressjoni fuq il-Greċja", sostna Claude Moraes.  Hu qal ukoll li "hu importanti li waqt li l-Greċja tkun inkluża fil-proċess ta' Dublin, dan ma jispiċċax jintuża bħala 'push back' mill-Istati membri għax dan iwassal biex il-Greċja tinqata' mill-kumplament tal-Ewropa u jwassal biex eluf ta' refuġjati jinqabdu hemm. Dan ikompli jżid il-pressjoni fuq dan il-pajjiż."
Intant il-Kummissjoni ppreżentat rapport dwar il-progress li sar fuq il-miżuri biex tiġi indirizzata l-kriżi tar-refuġjati u tal-migrazzjoni fl-Italja, fil-Greċja u tul ir-Rotta tal-Balkani tal-Punent. Dwar il-progress miksub fil-Greċja u fl-Italja intqal li timijiet iddedikati mill-Kummissjoni ilhom jaħdmu fuq il-post mal-awtoritajiet Griegi u Taljani għal bosta xhur biex jiġu stabbiliti l-hotspots u jissaħħu u jitħaffu b'mod sinifikanti l-proċeduri għall-iskrinjar, l-identifikazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba' tal-migranti biex tiġi ffaċilitata r-rilokazzjoni. Dawn it-timijiet ta' appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni joperaw fil-faċilitajiet dedikati, u jaħdmu 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.
Il-Greċja
Il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-varar tal-ħames hotspots identifikati fil-gżejjer tal-Eġew (Lesvos, Chios, Samos, Leros u Kos) kien għaddej bil-mod, inparti minħabba l-ħtieġa li dawn jiġu stabbiliti mix-xejn u minħabba n-nuqqasijiet fl-infrastruttura, fil-persunal u fil-koordinazzjoni. Bħalissa hemm hotspot wieħed biss li huwa kompletament operattiv (f'Lesvos). Bħalissa għaddej ix-xogħol f'faċilitajiet oħrajn. Il-Gvern Grieg talab l-għajnuna tal-armata Griega biex tintlaħaq id-data mmirata ta' nofs Frar. Sadanittant, l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni diġà qed isiru fejn huwa possibbli fi strutturi temporanji. L-awtoritajiet Griegi qed itejbu t-tħaddim tal-hotspots u ffinalizzaw Proċeduri ta' Operat Standard u proċeduri ġodda ta' żbark, li jorbtu flimkien il-faċilitajiet tal-hotspot direttament mal-persuni li jiżbarkaw fuq il-gżejjer. Il-Frontex bdiet kontrolli mal-kosta f'Lesvos, Chios u Samos li qed iħallu l-frott.
Il-proporzjon tal-migranti li tteħdulhom il-marki tas-swaba' żdied b'mod sostanzjali minn 8% f'Settembru 2015 għal 78 % f' Jannar 2016. Ladarba jkunu kompletament operattivi u mgħammra, il-hotspots fil-Greċja għandhom jilħqu kapaċità totali tat-teħid tal-marki tas-swaba' ta' madwar 11,000 persuna kull jum li huwa ħafna aktar mill-medja tan-numru ta' wasliet għal Jannar. Il-Frontex qed tuża esperti ta' Dokument ta' Livell Avvanzat fil-gżejjer biex jidentifikaw dokumenti foloz.
Ir-rilokazzjoni ta' 66,400 persuna mill-Greċja li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, kif maqbul mill-Istati Membri, bdiet bil-mod ħafna b'218 rilokazzjoni biss sa issa. 15-il Stat Membru biss offra postijiet lill-Greċja għar-rilokazzjoni, biex b'hekk jipprovdu għal 1081 post, waqt li 16-il Stat Membru ħatru Uffiċjali ta' Kollegament biex jappoġġaw il-proċess fil-konkret. L-awtoritajiet Griegi qed itejbu l-kapaċità tagħhom ta' reġistrazzjoni u fetħu uffiċju ieħor f'Samos fejn issa hemm l-infrastruttura għall-akkomodazzjoni u għat-trasferimenti, bl-appoġġ tal-IOM u tal-UNHCR. F'Diċembru 2015, il-Kummissjoni approvat programm ta' €80 miljun bħala sostenn għall-kapaċità ta' akkoljenza fil-Greċja, inkluż netwerk ta' 20,000 post għal persuni li jfittxu asil immexxi mill-UNHCR, kif ukoll għas-sostenn tal-istabbiliment ta' 7,000 post fiż-żoni tal-hotspots. Taħt din l-iskema, issa hemm 16,400 post disponibbli. Flimkien mas-7,181 post li bħalissa huma disponibbli f'faċilitajiet temporanji u ta' perjodu itwal fil-gżejjer tal-Lvant tal-Eġew, il-Greċja għandha 10,447 post fil-Greċja kontinentali. Għalhekk, in-numru totali tal-postijiet ta' akkoljenza eżistenti fil-Greċja bħalissa huwa 17,628. Madankollu, għad hemm diskrepanza ta' 12 342 post meta mqabbel mal-50,000 post li l-Greċja kienet impenjat ruħha li jkollha f'Ottubru 2015.
Mill-bidu tal-2015, il-Greċja wettqet 16,131 ritorn furzat u 3,460 ritorn volontarju assistit ta' migranti ekonomiċi li ma kellhom l-ebda dritt għall-asil fl-Ewropa. Dan xorta jibqa' mhux biżżejjed fil-kuntest ta' aktar minn 800,000 li waslu fl-2015.
L-Italja
Dwar l-Italja, l-Kummissjoni Ewropea qalet li l-varar ta' sitt żoni ta' hotspots identifikati mill-awtoritajiet Taljani (f'Lampedusa, Pozzallo, Porto Empedocle/Villa Sikania, Trapani, Augusta u Taranto) kien għaddej bil-mod, inparti minħabba l-ħtieġa li dawn jiġu stabbiliti mix-xejn u minħabba n-nuqqasijiet fl-infrastruttura, fil-persunal u fil-koordinazzjoni Żewġ hotspots huma kompletament operattivi (f'Lampedusa u Pozzallo), u ieħor (fi Trapani) se jkun kompletament operattiv meta jitlestew l-aħħar xogħlijiet ta' tiswija. F'Taranto hemm xogħlijiet li qed jitlestew b'mod urġenti. Il-pjanijiet għall-hotspots f'Augusta u Porto Empedocle/Villa Sikania għadhom iridu jiġu finalizzati; deċiżjoni dwarhom hija essenzjali fid-dawl li x'aktarx se jkun hemm żieda fil-flussi migratorji matul il-perjodu tas-sajf. Iż-żewġ hotspots li huma kompletament operattivi (f'Lampedusa u Pozzallo) laħqu r-rata ta' 100% ta' teħid tal-marki tas-swaba' għall-iżbarki l-aktar reċenti. Il-proporzjon ta' migranti li tteħdulhom il-marki tas-swaba' żdied b'mod sinifikanti minn 36% f'Settembru 2015 għal 87% f'Jannar 2016. Ladarba jkunu kompletament operattivi u mgħammra, il-hotspots fl-Italja huma mistennija li jkollhom kapaċità tat-teħid tal-marki tas-swaba' ta' 2,160 migrant kull jum li huwa ħafna aktar mill-medja tan-numru ta' wasliet għal Jannar.
Minkejja l-fatt li r-rilokazzjoni mill-Italja bdiet ftit ġimgħat qabel tal-Greċja, xorta għadha ħafna l-bogħod mir-rata meħtieġa biex jinkiseb l-għan aħħari li 39,600 persuna li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali jiġu rilokati f'sentejn. B'kollox, sal-lum ġew rilokati 279 applikant, b'200 talba pendenti ta' rilokazzjoni li ntbagħtu lil Stati Membri oħrajn. Sal-lum 15-il Stat Membru biss offrew postijiet għar-rilokazzjoni b'wegħdiet li jirċievu 966 persuna, waqt li 20-il Stat Membru ħatru Uffiċjali ta' Kollegament biex jappoġġaw il-proċess fil-konkret. Ir-rata baxxa ta' implimentazzjoni hija dovuta l-aktar minħabba l-wasla limitata ta' migranti eliġibbli fit-territorju Taljan.
Fl-2015 l-Italja wettqet aktar minn 14,000 ritorn furzat ta' persuni bl-ebda dritt għall-asil, u pparteċipat fi 11-il titjira konġunta ta' ritorn tal-Frontex b'persuni li jfittxu l-asil rifjutati minn Stati Membri oħra. Dan xorta jibqa' mhux biżżejjed fil-kuntest ta' aktar minn 160,000 wasla fl-2015.
Is-sistema ta' akkoljenza Taljana diġà hija ġeneralment adegwata għall-ħtiġijiet tas-sistema tagħha ta' asil u l-faċilitajiet dedikati diġà ġew identifikati għall-persuni li għandhom jiġu rilokati. Min-naħa l-oħra huwa evidenti li hemm nuqqasijiet kbar fit-termini tal-akkomodazzjoni ta' qabel it-tneħħija b'420 post biss disponibbli kontra l-1,252 li hemm fil-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni Ewropea.