'Suldati ta' Odin' jibdew jirreklutaw f'Malta... iqisu lill-immigranti 'għedewwa'
Isejħu lilhom infushom 'Suldati ta' Odin'. 'Odin' mhu xejn għajr alla
tal-gwerra u tal-mewt fil-mitoloġija Nordika. F'Malta twaqqfet ukoll
ċellola ta' dan il-grupp, li fl-aħħar ftit ġimgħat bdew jirreklutaw
in-nies. Organizazzjoni sigrieta li qed tgħid li xogħlha se jkun li
tgħasses u tħares il-Maltin mill-immigranti. Tgħid li se ġġib is-sigurtà
fit-toroq. Lesti jiddefendu b'kull mezz lill-Maltin li jsibu ruħhom
f'diffikultà ma' barranin.
Mhux faċli tidħol membru. L-ewwel jiltaqgħu miegħek f'post kwiet,
ironikament bandli tat-tfal. Il-post hu f'Ħal Luqa. Telefon fejn
taqbadhom ma jagħtux. Dejjem jiltaqgħu miegħek personalment. Il-laqgħat
isiru kull nhar ta' Tnejn u minn hemm jibdew il-mistoqsijiet fuq dawk li
juru x-xewqa li jkun membri. Iridu preżenza qawwija f'żoni fejn hemm
migranti Afrikani. Il-Marsa, Birżebbuġa, Ħamrun, Buġibba u l-Imsida huma
l-postijiet l-aktar li qed jagħfsu fuqhom.
Wara li jinġabru dettalji dwarek, ikun jonqos l-approvazzjoni uffiċjali
li ssir f'diskussjoni bejn it-tmexxija tal-grupp. Is-sħubija tkun
segwita b'patt ta' ubbidjenza. Jgħidulek mill-ewwel li jekk tissieħeb
f'dan il-grupp, trid terfa' r-riskju li dan iġib fosthom l-azzjonijiet
li se jittieħdu fit-toroq. Dan il-grupp li sa issa infirex f'14-il
pajjiż Ewropew, kellu l-bidu tiegħu fil-Finlandja u beda jinfirex sew
wara Jannar ta' din is-sena.
Fl-aħħar jiem inewsmalta.com investiga dan il-grupp u l-ħidma li
dan beda jwettaq lejn l-aħħar ta' April. Il-ħidma tiegħu sa issa hi
kkonċentrata f'reklutaġġ ta' membri. Grupp sigriet li qed jgħid li hu
għaqda non governattiva. Għal min ħa l-impressjoni li dan hu xi grupp
reġistrat, inewsmalta hu mgħarraf li dan il-grupp mhux reġistrat.
Minkejja li qed jingħad li dawn se jagħmlu rondi u se jkunu qed jaraw
x'qed jiġri fit-toroq Maltin mill-barranin b'mod partikolari immigranti
Afrikani, ġejna infurmati b'mod mhux uffiċjali minn sorsi qrib
il-Puliżija, li f'Malta l-ordni pubblika tagħmilha biss il-Pulizija.
"Għas-sigurtà, in-nisa mhux se jwettqu rondi fit-toroq"
inewsmalta ma naqasx li jagħmel kuntatt
ma' din l-organizazzjoni sigrieta. Tipprova tagħmel kuntatt bit-telefon
imma tinduna mill-ewwel li ma jagħtux numri tat-telefon jew indirizzi.
Tibagħtilhom messaġġ u jitwieġeb wara ftit ħin. Jgħidulek li "għandna
ħafna talbiet. Se nikkuntattjawk aktar tard".
Iwieġbu ftit jiem wara u jgħidulek kif fis-sit soċjali m'hemmx dettalji
personali. Jgħidulek li l-ewwel pass irid ikun li niltaqgħu wiċċ imb
wiċċ biex isiru jafuk.
L-appuntament jingħata għal nhar ta' Tnejn f'żona kwieta f'Ħal Luqa.
Il-ħin ikun wara s-7.00 ta' filgħaxija. Il-proċess isegwi billi
jistaqsu għadd ta' dettalji personali. Jgħidulek min huma dawn
is-'Suldati a' Odin'. Jistaqsuk kemm int lest li tkun leali u ubbidjenti
lejn il-grupp. Jgħidulek li l-grupp għandu tliet oqsma li fihom se
jifrex il-ħidma.
L-ewwel għan hu dak li jkun hemm rondi fit-toroq Maltin b'mod
partikolari f'żoni fejn hemm jgħixu għadd ta' immigranti. Fuq dan iżda
jgħidulek ċar u tond li minħabba raġunijiet ta' sigurtà, nisa u tfajliet
huma esklużi milli jipparteċipaw fihom u dan minħabba minħabba riskji
li jista' jkun hemm. Jidher li dawn ir-rondi se jsiru tard filgħaxija,
minn gruppi ta' nies u li se jkunu lebsin ilbies li jidentifikahom.
Ir-riskju qed jingħad li hu fl-interventi, minħabba li qed jingħad
lill-membri li jekk jaraw Malti qed jiġi mhedded minn barranin, membri
ta' dan il-grupp għandhom jintervjenu. Jisħqu li għalhekk il-lealtà
bejn membri hi bla kundizzjoni. Jagħmluha ċara li kull azzjoni li
tittieħed trid tkun ta' difiża personali. Dawk inqas minn tmintax-il
sena ma jistgħux jissieħbu.
Għan ieħor li jissemma' meta wieħed jagħmel l-ewwel laqgħa biex jidħol
membru fil-grupp, hu dak ta' jekk humhiex lesti li jattendu
manifestazzjonijiet fit-toroq fil-qalba ta' fejn jgħixu l-immigranti jew
inkella li tkun il-widna u l-għajn tagħhom fit-toroq Maltin b'mod
partikolari jekk tgħix f'żona fejn hemm il-barranin. Ma jonqosx ukoll li
jgħidulek li l-pjani huma li dan il-grupp sigriet ikollu ukoll is-sit
soċjali tiegħu, fejn membri b'għarfien tat-teknoloġija tal-informazzjoni
qed jintalbu jassistu.
Wara din l-ewwel laqgħa ma tingħata ebda garanzija li se tidħol
membru. Jgħidulek li issa l-pass li jmiss se jkun dak li ssir laqgħa
bejn it-tmexxija tal-grupp għall-approvazzjoni. Mal-approvazzjoni irid
isir ukoll patt ta' ubbidjenza u lealtà lejn il-grupp u l-għanijiet
tiegħu. Il-membri jingħataw Karta bl-Obbligi li għandhom.
Mhix reġistrata mal-Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji
Hekk kif beda jiġi enfasizzat ma' membri prospettivi li din hi għaqda non governattiva, inewsmalta
kien nfurmat b'mod uffiċjali mill-Kunsill Malti għall-Għaqdiet
Volontarji li "skond ir-rekordji tagħna Soldier of Odin Malta m’hijiex
irregistrata mal-Kummissarju ta’ l-Għaqdiet Volontarji." Tennew li
'qegħdin nikkopjaw lill-Kummissarju ta’ l-Għaqdiet Volontarji,
il-Professur Kenneth Wain biex jekk taħseb li huwa lok li l-istess
Kummissarju għandu jagħmel xi tip ta’ investigazzjoni tkun tista’
tgħaddilu l-informazzjoni meħtiega."
Jirreferu għall-immigranti bħala 'għedewwa'
Mhix sorpriża li fost dak li jiffurmaw dan il-grupp, hemm persuni bi
twemmin tal-lemin estrem u dawk kontra immigranti Afrikani jew Sirjani.
Fost il-materjal li jitqassam bejn xi wħud li resqu l-quddiem biex ikunu
membri, jispikka l-fatt li dawn jirreferu għall-immigranti bħala
'għedewwa'. Jgħidulek 'iffaċċja lill-għadu f'wiċċu'. Materjal ieħor li
qed jitqassam jgħid li "għin lil dawk bla forza anke jekk dan iwassal
għall-mewt tiegħek. Din hi l-ħalfa tiegħek". Messaġġi oħra jgħidu li
'dawk li huma korrotti jibżgħu minna. Dawk onesti jappoġġjawna. L-eroj
jingħaqdu magħna".
Il-membri se jkollok ġgieget b'S.O.O
Lil dawk interessati li jkunu membri qed jgħidulhom ċar u tond li
l-fergħa ta' Malta taqa' taħt il-grupp ta' Kemi fil-Finlandja, fejn kien
hemm li ffurmat l-ewwel din l-organizazzjoni. Il-membri ġew infurmati
li se jkollhom ġgieget li fuqhom ikollhom stampat il-kliem 'Suldati ta'
Odin Malta'. Il-mexxejja tal-grupp se jkollhom sinjali li
jidentifikawhom mill-membri l-oħra. Jgħidu li huma kritiċi
tal-immigrazzjoni u jridu jinżlu fit-toroq biex iserrħu ras in-nies.
Jiddikjarawlekli mhumiex grupp razzist, lanqas klabb tal-muturi jew xi
organizazzjoni kriminali. Jisħqu li għandhom missjoni dik li 'jħarsu
l-kultura Maltija, isaħħu l-valuri tal-familja u r-rispett, u li jħarsu
l-ġirien u 'l dawk fil-bżonn.
Sa issa jindika li l-grupp se jkun maqsum f'żoni differenti ta' Malta,
fejn għal kull żona se jkun hemm mexxej u dan dejjem jirrapporta
lill-President tal-grupp.
Intant wieħed mill-fundaturi ta' Suldati ta' Odin fil-Finlandja, Mika
Ranta ta' 29 sena li l-grupp Malti qed jgħid li hu affiljat miegħu,
ingħata sentenza sospiża ta tmintax-il xahar ħabs sospiżi, multa u
servizz fil-komunità. Dan wara li nstab ħati li kien attakka raġel u
mara.
Ranta kien membru tal-Moviment Reżistenza Finlandiża, li hu moviment li jħaddan twemmin neo nażista.
Kien hemm rapporti ukoll ta' inkwiet li fih kienu nvoluti membri ta'
Suldati ta' Odin fl-Isvezja. Fin-Norveġja, il-Prim Ministru Erna
Solberg għamiltha ċara li "s-Suldati ta' Odin m'għandhomx post fuq
it-toroq Norveġiżi. Hi qalet li "dawn għandhom valuri perikolużi".
Diversi gruppi simili f'pajjiżi Ewropej huma karatterizzati minn persuni
li jħaddnu twemmin neo nażista.
minn l-orizzont