“Il-karba taż-żgħir qed tinstema … l-ewwel pass u nħarsu lejh b'kawtela”
- Leonid McKay Direttur tal-Caritas
Hekk kif f'dan il-baġit kellu sehem importanti l-istudju
li wettqet il-Caritas dwar dawk li jinsabu f'riskju ta' faqar,
id-Direttur tal-Caritas, Leonid McKay meta mitlub jagħti r-reazzjoni
tiegħu lil Inewsmalta qalilna li "b'mod ġenerali ngħid li l-karba
taż-żgħir qed tinstema'. Dan imma hu l-ewwel pass u qed inħarsu lejh
b'kawtela. Qed ngħidu li qed inħarsu lejh b'kawtela għax l-effetti
tiegħu żgur li mhux se jkunu immedjati u wieħed irid jara x'se jiġri
fil-prezzijiet tal-ikel u l-kirjiet". Tenna li "aħna minn naħa tagħna
kuntenti ħafna li kien hemm bidla fl-atittudni u kien hemm bidla
fil-pożittiv. Qabel konna qed nisimgħu fuq l-abbużi fil-benefiċċji u
issa qed naraw it-tisħiħ tal-benefiċċji. Apprezzajna ħafna li
l-Ministru semma' l-faqar x'inhu, fejn ġew elenkati erba' kawżi.
It-titlu wera biċ-ċar li l-Gvern jemmen li għandu jintervjeni biex jgħin
lil dawk fqar. Il-Gvern qed jemmen li t-tkabbir ekonomiku waħdu mhux
biżżejjed għal dawn in-nies u jrid jintervjeni."
Enfasizza li l-mekkaniżmu li jistabbilixxi iż-żieda
għall-għoli tal-ħajja magħrufa bħala COLA, ma jirriflettix il-bżonnijiet
ta' llum. Hu qalilna li laqgħu b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Gvern li
jirrevedi l-fuq l-aġġustament għall-għoli tal-ħajja.
Leonic Mckay qalilna ukoll li "xi ħaġa li laqtitna kienet
ir-riforma tal-pensjoni tal-wens, fejn issa persuni miżżewġin ukoll huma
intitolati għall-benefiċċji. Bħala Caritas xtaqna li jkun hemm żieda
fil-paga minima imma l-Gvern żied l-allowances. Bħala Caritas nemmnu li
aktar ma jkun hemm flus fil-but għal dawk bi dħul baxx, dawn ikollhom
aktar dħul diċenti."
Saħaq ukoll li "jidher li fil-pensjonanti hemm bozza ħamra
tixgħel u li dawn għandhom bżonn żieda akbar. Nibqgħu insostnu li
l-anzjani għandhom bżonn basket għalihom."
Leonid McKay saħaq li "nikkritikaw i-fatt li ma smajna
xejn fuq l-ikel u din hi spiża sostanzjali għal persuni bi dħul baxx.
Naturalment dan hu baġit li fuqu l-gvern irid ikompli jibni". Hu
kkritika ukoll il-fatt li se jogħlew it-toiletries.
Kompla jgħid li "jidher li l-karba taż-żgħir qed
tinstema'. Id-dokument tagħna jidher li kellu effett u bħala Caritas
sodisfatti imma kawti."
Meta mistoqsi jikkummenta fuq dak li qal il-Kap
tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil li dan il-baġit ifalli mit-test
tal-faqar, McKay qalilna li "mhux se nidħol f'dak li qal il-Kap
tal-Oppożizzjoni. Il-pożizzjoni tagħna hi li dan kien pass 'l quddiem u
kemm fil-baġit u anke wara dawk bi dħul baxx kienu fuq l-aġenda."