Jinżammu 'depożiti' tal-bejjiegħa...il-Pulizija x'azzjoni se tieħu?
Il-kwistjoni tal-faqqaturi u logħob pirotekniku ieħor li qed jispiċċa jinbiegħ lil tfal waqt il-festi, xi ħaġa li wasslet biex fil-festa taż-Żejtun kien hemm tifel li l-faqqaturi ħadulu fil-but u ġarrab ġrieħi f'saqajh, kellha żvilupp fl-aħħar sigħat. Dan hekk kif il-Kunsill Lokali taż-Żejtun ħa azzjoni immedjata u ddeċieda li ma jagħtix il-€100 depożitu li huma ħallsu għall-permess temporanju biex jarmaw fil-festa. Dan sar bl-għan li jkun individwat il-bejjiegħ. inewsmalta.com għandu informazzjoni li turi biċ-ċar li min biegħ dawk il-faqqaturi kiser il-kundizzjoni li hu stess iffirma għaliha meta applika għall-permess mal-kunsill.inewsmalta.com hu nfurmat li waħda mill-kundizzjonijiet tgħid li "bejgħ ta' ġugarelli u logħob ieħor ma jistax jinkludi ġugarelli li minnhom jista' jiġi sparat xi likwidu, prodotti li jkun fihom sustanzi li jerħu r-riħa, bħal stink bombs jew li jkollhom xi forma ta' splussiv".
Sorsi qrib il-Kunsill Lokali taż-Żejtun meta tkellmu ma' inewsmalta.com spjegaw li "l-liġijiet fuq il-karta hemm qegħdin, imma xi ħadd irid jinforza. Dawn it-tip ta' logħob piroteniku ma tarahx mal-logħob l-ieħor imma ġeneralment ikunu x'imkien imwarrbin. It-tfal jistaqsu għalihom u jbiegħulhom. Ġieli bgħatna tfal jixtru biex naraw jekk hux qed isir bejgħ tagħhom. Mhux imbilli jkollna l-liġijiet fuq il-karta, hemm bżonn li l-Pulizija tieħu azzjoni".
L-istess sors qalilna li "l-inċident ta' dan it-tifel ma kienx każ iżolat. Kien hemm każ fejn wieħed weġġa' għajnejh u ieħor ħadulu fuq spalltu u dam ġimgħa ma jċaqlaqx idejh sew. Meta se tittieħed azzjoni? L-infurzar isir mill-Pulizija u huma dawk li jridu jieħdu azzjoni. Bħala kunsill qed naraw li d-depożitu ta' €100 donnu ma serviex ta' deterrent, u għalhekk sena oħra din se jkollha togħla u togħla sew", qalilna l-istess sors. L-istess sors qalilna li "aħna mill-informazzjoni li ġieli jtuna dawn lanqas suppost jidħlu Malta aħseb u ara kemm jinbiegħu lit-tfal".
L-ORIZZONT kien għamel kuntatt mal-Awtorità għall-Kompetizzjoni u Konsumaturi (MCCAA). Minkejja li għaddew jumejn mindu talbu nibagħtulhom il-mistoqsijiet, dawn kienu għadhom ma weġbux dwar dawn il-ġugarelli perikolużi li għadhom jinbiegħu lit-tfal fil-festi Maltin.
?Missier it-tifel involut f'dan l-inċident waqt li ppubblika r-ritratti tal-ġrieħi li ġarrab ibnu kiteb li, "Fil-festi u attivitajiet oħra fejn ikun hemm it-tfal qed ikun hemm dawk li suppost ibigħu l-ġugarelli. Minn ftit tas-snin ilu 'l hawn żdiedu wkoll it-trakki trakki li ssabbathom mal-art u jfaqqgħu. Nhar is-Sibt ibni xtara minnhom u żammhom fil-but tal-qalziet. Waqt li kien qiegħed jilgħab ma' sħabu, intlaqat b'daqqa jew inqarsu u ħadu kollha f'daqqa, fejn spiċċa ħaraq il-qalziet u, agħar minn hekk, ħaraq saqajh ukoll. Aċċident li seta' kellu konsegwenzi agħar minn hekk kieku kienu fil-but tal-qmis u ħaraq wiċċu u għajnejh."?"Meta se jkun hemm nies responsabbli jaraw x'qed joffru l-bejjiegħa suppost tal-ġugarelli lit-tfal tagħna?" tenna l-missier.
Inġinier li kien tkellem ma' inewsmalta.com qalilna li dawn il-ġugarelli huma materjal pirotekniku u huma perikolużi.